L-ispjegazzjonijiet li ta Adrian Delia dwar l-involviment tiegħu fil-kwistjoni tal-ħasil ta’ flus b’rabta mal-istorja dwar il-briedel f’Soho inbidlu mal-medda taż-żmien: minn ċaħda kategorika li kien wettaq l-illegalitajiet sa spjegazzjoni ta’ dettalji li proprju issa raw id-dawl tax-xemx.
Għall-ewwel, lil Daphne Caruana Galizia – li kienet hi li xandret l-istorja – kien sempliċement qalilha li: ‘ma hemm ebda kont bankarju f’Jersey’. Sakemm imbagħad xandret dokument li minn rriżulta li fil-fatt dan il-kont bankarju eżista. Minn hemm ‘il quddiem beda jgħid li ‘ma jiftakarx li kien hemm xi kont bankarju’.
Meta ftit wara feġġet l-aħbar li tal-FIAU kienu qed jinvestigaw suspetti ta’ ħasil ta’ flus, ippretenda li għandna nemmnu li din kienet biss il-frott l-immaġinazzjoni fertili ta’ xi ħadd. Imbagħad jumejn ilu irċieva sensiela ta’ mistoqsijiet mis-Sunday Times of Malta u l-bieraħ sejjaħ konferenza stampa x’aktarx biex jipprova jantiċipa dak li kellu lest għalih dan il-ġurnal.
Waqt il-konferenza stampa Adrian Delia tkellem dwar dokumenti li s-Sunday Times of Malta la semmietlu fil-mistoqsijiet li għamlitlu u lanqas m’għamlet l-iċken riferenza għalihom fir-rapport li xandret dalgħodu. Huwa qal li dawn id-dokumenti kien sar jaf bihom bis-saħħa ta’ “xi ħadd” u li dawn kien fihom firem foloz. Stqarr ukoll li dawn id-dokumenti “kienu ntużaw biex saru transazzjonijiet bankarji”.
Donnu li proprju issa Adrian Delia beda’ jiftakar aktar dwar dak li kien seħħ 15 il-sena ilu meta kien l-avukat tal-familja Bajada. U qed jiftakar għax stqarr ċar u tond li kienu tabilħaqq seħħew xi transazzjonijiet bankarji. Jekk dawn it-transazzjonijiet bankarji kienu jeħtieġu l-firma tiegħu – kemm jekk din il-firma kienet falza jew awtentika – allura dawn it-transazzjonijiet saru minn kontijiet bankarji li kienu taħt il-kontroll tiegħu.
Dan kollu jeħtieġ li nifhmuh sewwa. Il-bieraħ Adrian Delia stqarr li jeżistu dokumenti, li hu jgħid li ma kienx jaf bihom għaliex qatt ma kien iffirmahom, li ntużaw biex ġew depożitati flejjes f’kontijiet bankarji f’ismu jew biex inġibdu flejjes minnhom.
Proprju issa, 15 il-sena wara, talab lill-Pulizija biex tinvestiga?
Minn dan il-kont bankarju – kont li sa sentejn ilu biss kien qed jiċħad l-eżistenza tiegħu sakemm imbagħad ftakar li nesieħ – kienu nġibdu flejjes jew tħallsu flejjes fiħ 15 il-sena ilu?
Bħal kull każ ieħor ta’ ħasil ta’ flus, b’mod partikolari fil-każ ta’ provi li jkunu feġġew wara 15 il-sena, se jkun diffiċli ħafna għal kwalinkwe aġenzija tal-infurzar biex tipprova quddiem qorti li kien seħħ ksur ta’ liġi.
Iżda bħal fil-każ ta’ kull politiku l-istqarrjiet li jagħmel hu u jiġi konfrontat minn provi, huma importanti meta wieħed jiġi biex igħaddi ġudizzju politiku.
X’inhi r-raġuni li Adrian Delia issa qed jibdel id-diska? Għaliex l-istorja qed jibdilha? U għaliex propju issa, għall-ewwel darba, qed joħroġ b’aktar informazzjoni milli stqarrew li għandhom il-ġurnalisti?
Min hu dan ix-“xi ħadd” li lil Adrian Delia qallu li jeżistu dokumenti bil-firem tiegħu li “kienu ntużaw biex twettqu transazzjonijiet bankarji” li, kif Adrian Delia donnu qed jimplika, huma l-prova li kien seħħ ħasil ta’ flejjes?
Tgħid xi ħadd kiser ir-regoli tal-kunfidenzjalità u tarraf kelma lil Adrian Delia?
U dawn id-dokumenti li suppost fihom firem foloz għaliex għadna ma rajnihomx? Adrian Delia se jxandarhom? Dawn ma jidhirx li jinsabu f’idejn tas-Sunday Times of Malta u sirna nafu bl-eżistenza tagħhom minn dak li stqarr Adrian Delia nnifsu. Allura x’hemm wara dan il-logħob kollu? X’qed iżommu li jxandar dawn id-dokumenti li suppost awtorizzaw transazzjonjiiet bankarji bis-saħħa tal-firma ffalsifikata tiegħu?
Għaliex jekk ixandarhom, jibdew ifeġġu sensiela ta’ mistoqsijiet. Jekk bis-saħħa ta’ dawn il-firem foloz kienu saru ħlasijiet minn kont bankarju f’ismu, Adrian Delia kif jispjega li sa 15 il-sena wara ma kienx għadu ntebaħ li kienu saru dawn il-ħlasijiet? X’jirriżulta minn dawn id-dokumenti? Li l-kont bankarju tbattal b’Lm50? B’Lm500? B’Lm5,000? Jew b’Lm50,000?
U jekk bis-saħħa ta’ dawn is-suppost firem iffalsifikati kienu saru depożiti ta’ flejjes fil-kont bankarju f’ismu, x’kien li Adrian Delia baqa’ ma ntebaħx li kien stagħna ħafna aktar milli ħaseb li hu għani qabel illum? Possibbli li ma qabditux il-kurżità hekk kif il-manna bdiet nieżla mis-sema bħax-xita biex isir jaf dan il-ġid kollu minn fejn kien ġej?
Il-bieraħ waqt il-konferenza stampa, Adrian Delia qal li kien issuspetta ħażin meta ix-“xi ħadd” li tarraflu dwar dokumenti b’firem iffalsifikati għamel dan fl-istess żmien li tas-Sunday Times of Malta għamlulu l-mistoqsijiet dwar rapport tal-FIAU dwar l-istess transazzjonijiet bankarji. Fi kliem ieħor ried igħid li l-gvern qed jimmanuvra minn wara l-kwinti u jxandar informazzjoni biex jagħmillu l-ħsara politika.
Hekk hu. M’hemmx dubju li l-gvern hekk qed jagħmel. Iżda fil-mira tal-gvern m’hemmx Adrian Delia biss. Hemm ukoll l-Oppożizzjoni li qed issirilha l-ħsara hi u tiġi mplikata indirettament f’korruzzjoni u ħasil ta’ flus.
Dalgħodu fl-10.30, il-PN qed isejjjaħ lill-partitarji għal laqgħa ta’ sostenn mal-Kap fil-Mellieħa. Araw kif inbidel il-PN: qed jagħti l-kenn lil bniedem populista awtokratiku li jiġġustifika l-preżenza tiegħu fil-politika bis-saħħa tar-rabja u tal-għajjat determinat tal-partitarji tiegħu.
Jidher li Adrian Delia għandu l-appoġġ ta’ eluf ta’ partitarji fanatiċi u llum x’aktarx se jixxandru filmati drammatiċi fuq Net TV ta’ partitarji eċċitati lesti biex jissagrifikaw ruħħom għall-bandiera.
Iżda dan kollu m’hu se jneħħi xejn mill-fatt li l-mexxej tal-Partit Nazzjonalista ma jista’ jeħles b’xejn mill-allegazzjoni persistenti li kien gawda mill-isfruttament tan-nisa fil-briedel ta’ Londra.
Hemm numru ta’ avukati li xogħol bħal dan jikluh bil-ħobż u, għax konvenjentement jagħżlu li ma jistaqsux mistoqsijiet li suppost għandhom jistaqsu dwar minn fejn ikunu ġejjin ċerti flejjes, jispiċċaw biex igħattu xtur il-kriminali. Avukati bħal dawn ikunu lesti li jaċċettaw spjegazzjoni li flejjes imħallsa b’mod irregolari u f’ammonti li m’humiex uniformi minn appartmenti b’kamra tas-sodda waħda f’Soho ikunu saru bħala ħlas ta’ “kera” u mhux bħala ħlas għall-bejgħ tal-iġsma tal-bnedmin.
Avukati bħal dawn jagħlqu għajn waħda (u anki tnejn) u jagħmlu l-kompromessi mal-kuxjenza billi jgħidu li wieħed ma jistax jippretendi li għandhom jagħmluha ta’ investigaturi dwar flejjes tal-klijenti tagħhom.
Iżda ebda wieħed minn avukati bħal dawn ma jaspira li jsir Prim Ministru.
Adrian Delia għandu raġun: il-gvern qed jaqla’ l-ħama tal-imgħoddi biex jagħmillu l-ħsara. Li m’huwiex jintebaħ hu li l-ħsara mhux qed issir lilu iżda lill-Partit Nazzjonalista, partit li ilu fil-mira tal-Labour għal dawn l-aħħar mitt sena u li issa sab il-mezz kif jista’ jeqirdu għal kollox.
Madankollu l-folol fil-Mellieħa se jissuktaw biċ-ċapċip li jtarrax. “Viva l-Kap!”