L-istqarrija tal-bieraħ ta’ Owen Bonnici ma tħalli ebda dubju fl-imħuħ li l-gvern se jagħmel minn kollox biex ikompli jsaħħaħ ir-riedni tas-setgħa f’idejh. U l-gvern bi ħsiebu jserraħ fuq il-koperazzjoni mansa tal-oppożizzjoni għaliex biex iwettaq it-tibdiliet li qed jipproponi – jew, biex inkunu ċari, il-ħjiel vag dwar tibdiliet li ssemmew waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tal-bieraħ – ikun jeħtieġ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tal-Parlament.

Agħtu daqqa t’għajn lejn it-tibdil propost fir-rwol tal-Avukat Ġenerali – persuna li bħalissa għandu r-rwol ta’ avukat tal-gvern u r-rwol ta’ prosekutur kontra min iwettaq delitti kriminali, kompriżi delitti kriminali mwettqa mill-klijent tiegħu: jiġifieri l-gvern. Din il-firda fir-rwoli ilha tiġi diskussa għal żmien twil. Fl-2002, il-gvern tal-PN kien ippropona xi ħaġa bħal din iżda Alfred Sant, dak li llum qed igħid li jisgħobbih li sseħibna fl-Unjoni Ewropea, ma kienx qabel ma’ dan it-tibdil. Issa m’għadux fil-pożizzjoni li jwaqqaf tibdil bħal dan. Iżda Owen Bonnici għamilha ċara li l-għażla tal-prosekutur il-ġdid u tal-avukat ġenerali ġdid se tibqa’ f’idejn il-gvern. Dan ifisser li d-diskrezzjoni ser tibqa’ f’idejn il-prim ministru.

Il-bieraħ waqt il-konferenza tal-aħbarijiet Owen Bonnici gideb meta qal li l-Kummissjoni ta’ Venezja ma kienet qalet xejn dwar il-mod kif għandu jingħażel l-Avukat Ġenerali. Din il-Kummissjoni fil-fatt qalet li l-agħar problema f’Malta tikkonsisti fil-fatt li l-prim ministru għandu wisq saħħa u għandu s-setgħa li jagħżel lil kull min irid u li jimponi r-rieda tiegħu. Malta għalhekk se jkollha prosekutur ġenerali li jkun magħżul mill-prim ministru. Minflok avukat anzjan wieħed impjegat mal-gvern li jkun pupazz f’idejn il-prim ministru, se jkollna tnejn. Taħsbu li dan jammonta għal progress? Ċertament m’huwiex.

Ġaladarba Owen Bonnici qed jipproponi tibdil li jkun jeħtieġ il-kunsens tal-PN biex jitwettaq, wieħed jista’ jassumi li dan it-tibdil diġà ġie miftiehem mal-oppożizzjoni, jew għallinqas mat-tmexxija tal-oppożizzjoni. Allura sinjuri ppermettuli ngħid li l-Kostituzzjoni se tinbidel permezz ta’ sensiela ta’ emendi mwiegħda minn Owen Bonnici li ser igħaddu mill-Parlament mingħajr kontroversji u mingħajr l-iċken konsultazzjoni. Dawn, li jriduha ta’ “gvern riformista”, qed jinjoraw il-fatt li l-Kostituzzjoni ma taqax taħt il-kompetenza tal-gvern. Qed jinjoraw il-fatt li l-Kostituzzjoni hi ta’ kulħadd u li kulħadd għandu jingħata l-opportunità li jipparteċipa fil-proċess tat-tibdil.

Irridu niftakru li ma kinux huma li kienu ħarġu bl-idea tat-tibdiliet fil-Kostituzzjoni u li d-dibattitu dwar ir-rwol tal-Avukat Ġenerali kien reġa’ beda’ minħabba l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru 2017. Jum li ħabat it-Tnejn. Il-Ħadd ta’ wara kienu saru protesti fit-toroq u kienu saru sensiela ta’ talbiet. Waħda minn dawn kienet talba għar-riżenja ta’ Peter Grech u bidla dwar ir-rwol tal-kariga ta’ Avukat Ġenerali. Kienu sensiela ta’ talbiet li kienu jinkludu talba għar-riżenja ta’ Lawrence Cutajar u tibdiliet fir-rwol tal-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija. L-assassinju politiku ta’ ġurnalista kompla fetaħ il-ġerħa tad-dgħjufijiet Kostituzzjonali tagħna. Dawn it-talbiet kienu saru 6 ijiem biss wara li seħħ l-assassinju u dawn l-aħħar 17 il-xahar kienu konferma dwar kemm kellhom u għad għandhom raġun dawk li pprotestaw.

L-Assembea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa bgħatet hawn lil Pieter Omtzigt sabiex jevalwa dak li kien qed iseħħ f’Malta u dan ma damx wisq biex intebaħ li kien hemm xi ħaġa li m’hix f’lokha fil-Kostituzzjoni tagħna. Kien proprju hu li rrifera l-każ ta’ Malta lill-Kummissjoni ta’ Venezja li mbagħad stqarret li d-demokrazija f’Malta m’hix taħdem kif suppost.

Ikunu qed iqarrqu Owen Bonnici u Joseph Muscat meta jgħidu li d-difetti fir-rwol tal-Avukat Ġenerali ntirtu minn żmien il-PN li kellu 25 sena biex jagħmel it-tibdiliet meħtieġa u baqa’ m’għamel xejn. Iqarrqu għax ma jgħidux li, għallinqas fil-każ tal-Avukat Ġenerali, in-Nazzjonalisti kienu ħarġu bi proposti konkreti u li dawn ma kinux ġew aċċettati fil-Parlament minn tal-Labour. Iżda jrid jingħad ukoll li l-klassi politika tagħna, li għal dan iż-żmien kollu kkuntentat bid-dgħjufiet li hemm fil-Kostituzzjoni, ma tistax tippretendi li twettaq bidliet li jservu biss l-interessi tagħha.

Minn dak li smajna s’issa jidher li tibdil propost fir-rwol tal-Avukat Ġenerali ser ikun wieħed kożmetiku li ma jindirizzax il-problemi li jeżistu. Il-prosekutur ġenerali ser jintgħażel minn Joseph Muscat: il-kap ta’ ġerarkija li qed issaltan fuq dan il-pajjiż bħala klikka li mhux biss ma’ tista’ għaliha ebda liġi iżda li waħħdet l-interessi personali tagħha mal-liġijiet.

Kostituzzjoni li titfassal minn gvern m’hi xejn ħlief kolp ta’ stat u ma nistgħux nibqgħu ndifferenti għal dan il-periklu.

Tgħid lill-gvern, tal-PN se jgħidulu li r-riformi ma jsirux kemm il-darba ma jinvolvix lis-soċjetà ċivili? Ma tarax!