Hekk kif jintebaħ b’dak li qed iseħħ fl-Istati Uniti wara li tlesta r-rapport Mueller li “ma kkonkludiex” li kien hemm rabtiet bil-moħbi bejn il-kampanja Presidenzjali ta’ Trump u r-Russja, wieħed ma jistax ma jiftakarx f’dak li kien seħħ f’Malta wara t-tlestija tar-rapport tal-inkjesta Egrant.
Fl-Istati Uniti, rapport ta’ 300 paġna li tlesta wara sentejn u li fih dettalji tax-xhieda li ngħatat u tal-provi li nġabru minn Mueller, ġie mgħoddi lill-Avukat Ġenerali li mbagħad għadda lill-Kungress Amerikan sunt twil erba’ paġni dwar il-konklużjonijiet. Il-Kungress Amerikan – u mhux id-Demokratiċi biss – jinsab tassew irrabjat talli l-poplu qed jiġi trattat bħat-tfal u qed jinżamm milli jifli r-rapport sħiħ u li jiġbed il-konklużjonijiet tiegħu mill-provi li nġabru u fl-istess ħin qed ikollu jissaporti jisma’ lill-President Trump jiftaħar li kien ġie “eżonerat” hu u jixli lil min akkużah b’ruxxmata akkużi ta’ barra minn hawn li kien sar attentat biex jiġi destabilizzat il-pajjiż “bis-saħħa ta’ gidba”.
Jidher li Joseph Muscat serva ta’ mudell għal dak li kien għad irid iseħħ fl-istorja Amerikana. Bħal donnu li l-White House qed tuża lil Malta bħala laboratorju biex fih jitkejjlu r-reazzjonijiet għat-tnedija ta’ manuvri bħal dawn qabel fil-fatt iseħħu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia dalwaqt ser isir jaf hux ser tirnexxi t-talba li għamel fil-qorti biex l-Avukat Ġenerali jiġi mġiegħel igħaddilu kopja tar-rapport tal-inkjesta Egrant. Tinqata’ kif tinqata’ l-kawża, x’aktarx isir appell u l-gvern ikompli jara kif jagħmel biex itawwal il-proċess tal-qorti. Iżda jidher li hemm xi ħaġa aktar profonda minn tweġiba legali sempliċi dwar jekk l-Avukat Ġenerali huwiex obbligat jew le li jxandar ir-rapport Egrant jew li għallinqas li jgħaddi kopja lill-Kap tal-Oppożizzjoni.
Jista’ jagħti l-każ li l-Avukat Ġenerali m’għandu ebda obbligu legali bħal dan. Iżda ċertament jeżisti obbligu ogħla u aktar fundamentali favur ir-rispett u t-tisħiħ tat-tħaddim tad-demokrazija. Inkjesta dwar l-imġieba tal-ogħla awtorità f’demokrazija ma tista’ qatt titqies bħala affari privata. Meta l-affarijiet isiru bil-moħbi, jinbtu l-mistoqsijiet u – anki jekk Joseph Muscat jew Donald Trump joħorġu bil-kanuni kollha kontra dawk li jagħmlu l-mistoqsijiet – dawn il-mistoqsijiet xorta waħda jeħtieġ li jsiru.
L-inkjesta Egrant, bħall-inkjesta Mueller, “ma kkonkludietx” li Joseph Muscat jew martu xxaħħmu mill-Ażerbajġan u ħbew ix-“xaħam” possibilment fid-Dubai bis-saħħa ta’ kumpannija Panamiża.
Il-poplu għandu dritt ikun jaf x’ġie fil-fatt stabilit mill-inkjesta.