Dawn mingħalihom li jistgħu jibqgħu għaddejjin jinjoraw lil kulħadd ċens perpetwu: iżda l-verità hi li għad jasal mument meta jkollhom jagħmlu l-kontijiet.

Illum il-Parlament Ewropew għadda riżoluzzjoni li permezz tagħha talab li ssir inkjesta pubblika internazzjonali u indipendenti dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u dwar l-istejjer li kienet qiegħda tinvestiga.

Talab ukoll lill-membri tal-Gvern biex iċedi l-kawżi ta’ libell li kienu saru kontriha u li ntirtu mill-membri tal-familja tagħha.

Talab li ssir investigazzjoni dwar il-Panama Papers u dwar 17 Black.

Talab lil Malta tirtira l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.

Dawn huma t-talbiet li tas-soċjetà ċivili ilhom jagħmlu lill-gvern għal xhur sħaħ. U l-gvern għal xhur sħaħ ilu jinjora lil kulħadd.

Kemm il-qrati kif ukoll l-istituzzjonijiet ma kinux ta’ wens minkejja li kellhom is-saħħa u d-dmir li jieqfu kontra l-abbuż tal-poter. Minflok dawn ilkoll għenu biex il-gvern jibqa’ jġib l-iskużi biex ma jagħmel xejn.

Bosta huma dawk li ma baqgħux jagħmlu l-mistoqsijiet. Bosta huma dawk li tilfu l-interess. Bosta huma dawk li qatgħu qalbhom.

Proprju dan hu li jridu l-kriminali. Iżda m’humiex daqshekk trankwilli daqskemm jixtiquk taħseb li huma.

Ir-rapport GRECO tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-korruzzjoni f’Malta issa ilu f’idejhom għal ġranet sħaħ. Dan ir-rapport jafu ben tajjeb x’fih. S’issa qed jagħmlu użu mid-diskrezzjoni tagħhom (diskrezzjoni wżata fl-imgħoddi mill-Ungerija u mill-Belarus biss) biex ma jixxandarx dan ir-rapport. Tabilħaqq ikun imbarazzanti wisq għalihom jekk dan ir-rapport jixxandar.

Is-survey Moneyval tal-Kunsill tal-Ewropa dwar kwistjonijiet finanzjarji jidher li hu wkoll wieħed kontroversjali għaliex Edward Scicluna qed jilqa’ bil-quddiem billi jgħid li David Casa ikun jaħti jekk ikun hemm riżultat negattiv. Hu x’inhu, ikun il-Ministeru tiegħu li jkollu jerfa’ r-responsabbiltà għall-fallimenti dwar kontrolli fuq il-ħasil tal-flus.

Għax ma’ wiċċhom issa hemm il-vot diżastruż tal-lum fil-Parlament Ewropew, il-membri ewroparlamentari tal-Labour waħħlu fuq it-tradiment u l-vittimizzazzjoni ta’ Malta mill-maġġoranza.

Dawn kien wiegħdu li Malta ser tkun “l-aqwa fl-Ewropa” iżda issa t-tifħir qed naqilgħuh biss mill-qlafat. Matteo Salvini tgħidx kemm ifaħħarna. U meta jibdew ifaħħruna politiċi illiberali neo-faxxisti, malajr nintebħu li nkunu missejna qiegħ ieħor.

Il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej ivvota ma’ maġġoranza skjaċċjanti fil-Parlament Ewropew li kkundannat iż-żebliegħ tas-saltna tad-dritt f’Malta u t-theddid lill-ġurnalisti grazzi għall-imġieba tal-gvern fil-konfront tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Hekk kif tinħatar Kummissjoni Ewropea ġdida, ma tkunx ħaġa kbira jekk Joseph Muscat jaħtar lilu nnifsu bħala Kummissarju. U għaliex okkupa l-kariga ta’ Prim Ministru, x’aktarx ukoll li jiġi nominat bħala Viċi President tal-Kummissjoni.

Jindilek biż-żejt tiegħu stess.

Iżda l-verità wara d-dikjarazzjonijiet u tar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew m’hix ser titħassar.

Lanqas ma se titħassar jew tinħanaq il-karba għat-twettiq tal-ġustizzja.