Adrian Delia u l-klikka ta’ madwaru li, milli jidher, tinsab immexxija minn Pierre Portelli, mgħejjuna minn Pierre Portelli u tinkludi lil Pierre Portelli, lil Pierre Portelli u lil Pierre Portelli u li għandha lil Pierre Portelli bħala segretarju — xena stramba li bla ma trid tfakkrek xi ftit f’Being John Malkovich — issa għandha f’ħoġorha kriżi oħra u qed iġġib ruħħa bħallikieku qed tiddefendi xi kap ta’ gvern. Kriżijiet bħal dawn is-soltu jsibuhom ma’ wiċċhom dawk il-politiċi li jkunu ilhom żmien twil fil-kariga u li jkunu waslu biex itemmu l-karriera politika tagħhom u mhux politiċi bħal Adrian Delia li l-ħajja politika tagħhom għadhom bil-kemm bdewha. Kważi kważi tistennieħ li ser joħroġ b’xi formula innovattiva dwar il-mod kif jista’ jmewwet il-kriżijiet, iżda jidher li l-ammirazzjoni li għandu kemm għall-ħalliel l-ieħor Joseph Muscat kif ukoll għall-klikka ta’ madwaru ma tippermettilux biex joħroġ b’soluzzjonijiet differenti, bir-riżultat li malli Adrian Delia joħroġ minn ħofra waħda, dlonk isib ruħu mgħarraq f’oħra.
Iżda, hu u jaqbeż minn diżastru għal ieħor, Adrian Delia ċertament ma jonqosx li jikkopja lil Joseph Muscat li, meta jsib ruħu dahru mal-ħajt, ħalli għalih li jinfexx u jwaħħal f’Simon Busuttil. Fil-fatt, Joseph Muscat eżatt hekk kien għamel meta feġġ l-iskandlu Egrant u beda’ kaċċa għal frodista tal-firem misterjuż – kaċċa li ma kellha tintemm qatt għaliex sakemm il-kwistjoni tibqa’ mdendla, n-nies jistgħu jiġu mġiegħla jemmnu li Simon Busuttil iffalsifika l-provi biex iġib fl-inkwiet lil Joseph Muscat.
B’dahru mwaħħal mal-ħajt, Adrian Delia wkoll jinsab ifferoċjat u f’sitwazzjoni ddisprata iżda huwa wisq inqas makakk minn Joseph Muscat. Fuq parir ta’ Muscat, Delia talab li ssir inkjesta Maġisterjali u, milli jidher, indika lid-dar residenzjali ta’ oħt Simon Busuttil bħala l-lok li fih jistgħu jinstabu l-provi li l-firem tiegħu kienu ġew falsifikati. Permezz ta’ din il-manuvra, ikun qed jimmanipula l-ħsibijiet u s-suspetti tan-nies u jġiegħlhom jemmnu li Simon Busuttil bagħbas il-provi biex jeħel Adrian Delia dwar akkużi li 15 il-sena ilu għen sid ta’ burdell f’Londra jaħsel flejjes ġejjin mill-prostituzzjoni.
Jekk fl-2016 kont issegwi lil tal-One TV kif ukoll lill-qaddej fidil tagħhom Saviour Balzan permezz tal-Malta Today, kont issir taf li Simon Busuttil għandu oħt. U dik l-oħt kellha żwieġ infeliċi ma’ ċertu Kris Bajada, bniedem midħla għal żmien twil ta’ Adrian Delia. Kris Bajada u Simon Busuttil qatt ma ngwalawha. Kienu ilhom ma jitkellmu għal żmien twil u Kris Bajada kien kiteb salt imbarazz fil-Facebook account kontra Simon Busuttil biex jagħlef lil tal- One TV bl-istejjer. Kris Bajada u martu infirdu legalment madwar erba’ snin ilu. Oħt Simon Busuttil toqgħod f’dar li kien taha missierha fil-Mosta. Kris Bajada, l-eks-raġel tagħha, joqgħod bieb ma’ bieb magħha.
Kris Bajada huwa iben Eucharist Bajada li ilu jgħix f’Londra għal madwar 25 sena u jiġi wkoll in-neputi ta’ Emanuel Bajada. Ta’ Bajada kellhom x’jaqsmu mal-briedel f’Soho u Adrian Delia kellu kont bankarju f’ismu f’Jersey li allegatament intuża biex fih jitħallsu depożiti ta’ flejjes kontanti ġejjin minn attività kriminali li mbagħad kienu “jinħaslu” hekk kif jinġibdu mill-istess kont. Meta ġie pruvat li dan il-kont bankarju verament kien jeżisti, huwa stqarr li ma setax jiftakar l-eżistenza tiegħu. Mid-dehra, issa tfaċċaw provi fil-forma ta’ dokumenti li għandhom il-firma tiegħu li juru li tabilħaqq kien iffirma dokumenti biex jinħaslu flejjes bħal dawn. Nhar is-Sibt li għadda stqarr li l-firem tiegħu kienu ġew falsifikati u x’aktarx implika li s-suspetti tiegħu waqgħu fuq dak li kien sieħbu u membru tal-familja Bajada. Allura mar għand il-Maġistrat tal-għassa u, milli jidher, talab lill-Maġistrat biex jinvestiga l-proprjetajiet li għandu aċċess għalihom Kris Bajada. Jiena rajt b’għajnejja s-search warrant li ħareġ il-Maġistrat tal-għassa li jirreferi għal indirizz wieħed li suppost hu ta’ Kris Bajada. Iżda Kris Bajada telaq minn dan il-post madwar 4 snin ilu u f’dan il-post toqgħod dik li kienet martu, jiġifieri oħt Simon Busuttil. Is-search warrant ma jindika ebda indirizz ieħor.
Ma tridx tkun għaref wisq biex tintebaħ li dan ma kienx xi żball ġenwin. Il-mod li biħ li tal-Malta Independent u tal-Malta Today irrappurtaw b’mod espliċitu dwar it-tfittxija fid-dar ta’ oħt Simon Busuttil iqajjem suspetti li l-persuna li ħarġet bl-idea li ssir allegazzjoni dwar firem foloz, il-persuna li ħarġet bl-idea li Joseph Muscat għandu jagħti parir li ssir inkjesta Maġisterjali, il-persuna li ħarġet bl-idea li Adrian Delia għandu jitlob li ssir inkjesta Maġisterjali, il-persuna li ħarġet bl-idea biex Adrian Delia jindika d-dar ta’ oħt Simon Busuttil bħala l-post fejn jistgħu jinstabu provi dwar falsifikar ta’ firem, u l-persuna li dalgħodu tarrfet lil tal-Malta Independent u lil tal-Malta Today, hija l-istess waħda.
Min jaf din il-persuna tifformax parti mill-grupp ta’ madwar Adrian Delia mmexxi minn Pierre Portelli? M’jinix qed inxandar kopja tas-search warrant biex ma jinkixifx ukoll l-indirizz personali fil-Mosta tal-persuna in kwistjoni. Ninsab infurmat li, wara li saret tfittxija mill-Pulizija f’din id-dar fil-Mosta, ma nstab xejn. Niddubita ħafna jekk, meta għamel it-talba, Adrian Delia stenniex li kienet ser tinstab xi prova f’dar li Kris Bajada ilu ma jgħix fiha għal aktar minn 4 snin. Iżda l-iskop ta’ Adrian Delia ma kienx li jaqbad ġurdien u jsib tarfu. L-iskop kien li joħloq biżżejjed dubji biex politikament ikun jista’ jżomm fil-wiċċ – minkejja l-fatt li messu ilu li ħalla x-xena – u biex eżatt bħal Joseph Muscat, ixerred il-qlajja’ li Simon Busuttil ipprova jikkompromettih.
X’aktarx mhux qed iħossok ixxukkjat b’dan kollu għax għejjejt tisma’ stejjer bħal dawn. Il-politiċi li jiżolqu, jagħmlu l-arja u jimminaw il-kors tal-ġustizzja biex igħattu xturhom irrendewk insensittiv u dawn ma jaħsbuhiex darbtejn li d-dnub tagħhom igħabbuh fuq ħaddieħor biex ma jeħlux huma. Fiż-żmien meta Adrian Delia kellu kont bankarju f’ismu f’Jersey, Simon Busuttil kien membru ewroparlamentari. L-inqas affarjiet li seta’ kellu f’moħħu dak iż-żmien kienu l-prostituti ta’ Londra u t-trasferimenti ta’ flejjes ġejjin mill-briedel bejn Jersey, l-Isvizzera, l-Virgin Islands u f’ċertu stadju, f’Malta. Ma kienx Simon Buuttil li ħawwad f’borma bħal din. Kien Adrian Delia li ħawwad f’din il-borma. U Simon Busuttil m’għadux Kap tal-Oppożizzjoni u Prim Ministru aspiranti, bħalma hu Adrian Delia. Mela ejjew ma nkomplux inwaħħlu fil-babaw.
Kont naħseb li l-partitarji tal-PN kellhom jippretendu li l-Kap tagħhom – iffaċċjat kif inhu b’sitwazzjoni bħal din – kellu jġib ruħu mod ieħor. Meta kienet feġġet l-aħbar li nbdiet investigazzjoni mill-FIAU dwar l-imgħoddi tiegħu, kienet qamet il-kwistjoni għandux jirriżenja sakemm inaddaf ismu. Dakinhar lill-kollegi parlamentari tiegħu kien ħalfilhom li ħadd ma kien qallu li kienet inbdiet xi nvestigazzjoni u li allura ma kienx hemm lok li jirriżenja. Il-kollegi tiegħu ma kellhomx għażla ħlief li jaċċettaw dak li ntqalilhom. Issa m’għadux igħid li ma saret ebda investigazzjoni mill-FIAU għax din fil-fatt saret, kif ikkonferma hu stess. B’xi mod jew ieħor, xi ħadd għaddielu l-provi minkejja l-projbizzjoni espliċita li hemm fil-liġi dwar il-ħasil tal-flus. Issa m’għadux igħid li m’għandux għalfejn jirriżenja għaliex, wara kollox, investigazzjoni m’hemmx.
Issa mhux jitkellem dwar riżenji u qed jallega li l-provi li għandhom f’idejhom tal-FIAU huma falsifikati u qed iġib ruħu b’mod li bih qed jipprova jimplika lil Simon Busuttil u jorbtu mal-allegata falsifikazzjoni. Il-partitarji tal-PN ma stennewx imġieba bħal din u s-sitwazzjoni issa qed tiggrava. Għalkemm uħud m’hu se jammettu qatt fil-beraħ, ħadd m’hu se jasal biex jemmen li Adrian Delia kellu kont bankarju f’ismu f’Jersey li hu ma kienx jaf bih u li ma kienx jaf fih ġew depożitati eluf kbar ta’ liri. Iżda anki li kieku kienu jkunu preparati li jtuħ il-benefiċċju tad-dubju, min bħalu għandu kariga Kostituzzjonali dan l-inkwiet kollu x’ikun iridu?
M’għandniex xi ngħidu, Joseph Muscat qed jiġbed il-ħabel ta’ Delia. Id-diskorsi tagħhom ta’ nhar ta’ Ħadd saru tad-daħk. Lil Adrian Delia, b’arja ta’ mgħallem, Joseph Muscat il-bieraħ qallu: “Jien għidtlek biex tieħu l-każ għand il-Maġistrat. Qed tara x’jiġri meta ma tismax minni?”. Aħjar Alla jagħtini s-sabar!
Lanqas il-kollegi parlamentari ta’ Adrian Delia fil-PN m’huma jqajmu kwistjonijiet. Mid-dehra ma jridux iqajjmu katavri u dan biex ma jinbtux akkużi li l-PN maqsum bejn “ta’ Delia” u “ta’ Busuttil”. F’moħħ Adrian Delia u f’moħħ il-klikka esperta ta’ madwaru, bil-Pierre Portellijiet kollha li hemm fiha, Simon Busuttil huwa l-għadu. Allura l-grupp parlamentari ddeċieda li jimmuta u jsofri fis-silenzju minkejja x-xeni ta’ mistħija li qed jikkawża Adrian Delia.
M’hemmx fejn wieħed jitfixkel. Adrian Delia lill-Kummissarju tal-Pulizija bgħatlu kopji ta’ dokumenti li suppost ġew imbagħbsa li minnhom jirriżulta li, skond Adrian Delia, “kienu seħħew transazzjonijiet bankarji”. Kollox sew. Mela kulma għandu jagħmel Adrian Delia huwa dan:
L-ewwel, igħidilna dawn id-dokumenti min għaddihomlu.
It-tieni, għandu jxandar dawn id-dokumenti.
It-tielet, igħidilna b’liema mod irċieva konferma li kienu seħħew dawn it-transazzjonijiet bankarji: niftakru li l-aħħar li tkellem dwar din l-istorja, lanqas il-bank stess – Barclays of Jersey – ma kellu ebda ħjiel dwar il-kont bankarju u dak iż-żmien kien qal li ma kien jaf xejn dwar dan il-kont.
Biex jagħmel dan kollu m’għandu bżonn ebda search warrant. It-tweġibiet mhux se jinstabu fid-dar ta’ oħt Simon Busuttil. It-tweġibiet jinsabu f’moħħu.
Tgħid f’moħħu hemm Pierre Portelli wkoll?