L-inċident ta’ din il-ġimgħa li fih kienu mdaħħlin Herman Schiavone u Kristy Debono għandu l-karatteristiċi kollha ta’ nasba. Xi ħadd kellu l-interess li jimbarazzahom u li jagħmlilhom il-ħsara u, peress li bosta huma dawk li setgħu gawdew minn din il-froġa, diffiċli li wieħed isib tarf tal-istorja kollha. M’għandniex xi ngħidu, spekulazzjonijiet hemm bir-rimi. Jekk wieħed jasal biex jemmen l-ispjegazzjonijiet li taw Schiavone and Debono u jemmen ukoll fis-sinċerità tagħhom, ma tistax tlum lil min jissuspetta li seta’ kien hemm xi ħadd li jaħdem mat-Tumas Group li deherlu li għandu jagħti rigal sabiħ lill-Partit Laburista. Fl-aħħar minuta sar tibdil fl-appuntament u laqagħhom l-imgħallem stess u dan x’aktarx għaliex assumew li l-PN tant huwa mgħakkes finanzjarjament li ma kienx se jħassar l-appuntament għax tkun inbidlet l-identità ta’ dak li kien se jilqagħhom. U hekk kif seħħet il-laqgħa, xi ħadd avża lill-istampa u Adrian Delia, bħas-soltu, spiċċa fuq id-difiża jilqa’ għad-daqqiet.
Hemm ħafna x’wieħed jista’ jikkummenta dwar din l-istorja, mhux l-inqas dwar it-tattika favorita tal-Labour li fiha jipprova jiskuża l-imġieba tiegħu stess billi jipponta subgħajh lejn dak li, skont huma, jagħmlu l-avversarji. Speċi ta’, ġaladarba l-avversarji jiddependu minn negozjanti l-kbar, x’hemm ħażin jekk huma jkunu xi ftit dipendenti minnhom ukoll? Ċertament jeżistu tweġibiet ta’ ċerta portata għal din il-mistoqsija – tweġibiet li bla dubju ma jaslux f’widnejn tal-One TV.
Hemm ukoll possibilità oħra. Il-Partit Nazzjonalista issa ilu żmien twil jgħaffeġ u jpaxxi lil tal-Labour. Iżda dan ma jfissirx li għax gawda tal-Labour bis-saħħa ta’ dan it-tgħaffiġ, bilfors kienu huma li orkestraw kollox. Schiavone u Debono kemm il-darba taw ħjiel li huma kienu marru għal laqgħa fit-Torri Portomaso għax kien bgħathom hemm xi ħadd. Meta għamlu l-apoloġija tagħhom bil-miktub, ħadd minnhom ma stqarr li l-laqgħa kienu talbuha jew irranġawha huma. Diffiċli li wieħed jaċċetta mingħajr riżerva jew jemmen dak li huma stqarrew fis-sens li kellhom jiltaqgħu ma’ “Direttur” tat-Tumas Group (storja li ġiet konfermata fl-istqarrija tal-bieraħ ta’ Herman Schiavone) bil-għan li jakkwistaw “sponsorship biex ikun jistgħu jkopru l-ispejjeż ta’ kamra żgħira” (kif stqarret Kristy Debono fl-apoloġija tagħha). Il-PN bħalissa jonqsuh bosta riżorsi bħalma huma r-riżorsi umani u dawk finanzjarji u jonqsuh ukoll l-imħuħ. Iżda jekk hemm xi ħaġa li l-PN għandu bir-rimi, dawn huma l-“kmamar żgħar” vojta. Nafu wkoll li l-PN ma jaħsibhiex darbtejn li jitlob l-“isponsorships” mingħand dawk in-negozjanti li huma kritikati minn uħud mill-kelliema tiegħu talli huma mdaħħlin fil-korruzzjoni flimkien ma’ uffiċjali tal-gvern. Kemm il-darba jsiru attivitajiet tal-partit fil-faċilitajiet tad-DB Group u dan ifisser li l-mexxejja tal-partit ma kinux ser iqarrsu wiċċhom hekk kif tintalab l-għajnuna finanzjarja mingħand tat-Tumas Group u dan minkejja l-iskandlu 17 Black.
Jekk dan kollu huwa l-isfond ta’ din l-istorja, jista’ jkun li kien hemm xi ħadd minn fost it-tmexxija tal-PN li kien sar jaf bil-quddiem bil-laqgħa u li deherlu li seta’ jaħtaf l-opportunità biex jeħles minn xi ħadd: x’aktarx li jkun diffiċli li wieħed isir jaf biċ-ċert dan ix-xi ħadd huwiex Herman Schiavone jew Kristy Debono jew il-persuna li bgħathom għal-laqgħa f’Portomaso.
Din l-istorja kif effettwat lill-PN? m’hemmx dubju li din il-ġimgħa il-Partit qala’ daqqa ta’ ħarta oħra. X’aktarx li l-awto-sospensjoni ta’ Herman Schiavone kienet waħda ta’ natura simboliku. M’hemmx dubju li huwa jgawdi l-fiduċja ta’ Adrian Delia, persuna li ma tantx għandu numru kbir ta’ alleati. Madankollu dan ma jfissirx li l-ġest ta’ Herman Schiavone ma kienx sinċier. Huwa għandu lejaltà qawwija u intensa għal Adrian Delia u, għalkemm din hija żgwidata, ċertament hija waħda sinċiera. U huwa proprju dan li jsaħħaħ l-impressjoni li seta’ kien vittma tan-nasba ta’ ħaddieħor u li, meta ntebaħ b’dan kollu, ħareġ ta’ ħmar u ħass li kellu jagħmel tajjeb għal egħmilu.
Lil Kristy Debono huwa ddefendiha bl-istess lejaltà intensa, iżda żgwidata. Madankollu din id-difiża qajla tagħmel sens loġiku. Jekk huwa ma kellux intenzjoni ħażina u ħati biss ta’ nuqqas ta’ għaqal meta ma ġietux f’rasu li jħassar l-appuntament hekk kif intebaħ li kien ser isib ruħu wiċċ imb’wiċċ ma’ Yorgen Fenech, Kristy Debono hija ħatja daqsu. Anki hi naqset meta ma ħassritx l-appuntament hekk kif intebħet li l-laqgħa kienet ser issir ma’ Yorgen Fenech.
Allura, ngħid jien, x’inhi l-biċċa li Herman Schiavone jissospendi lilu nnifsu filwaqt li għal Kristy Debono qisu ma ġara’ xejn? Dan il-fatt jista’ jkun il-ħjiel li jwassal biex tinkixef l-identità ta’ min fil-PN seta’ kien jaf bil-quddiem dwar il-laqgħa u deherlu li din kienet opportunità tajba biex jagħmel il-ħsara lil avversarju tiegħu.
L-esperjenza għallmet lil uħud li saħansitra anki terremot jista’ ma jkunx kapaċi jċaqlaqhom. Dan il-fatt biss jagħtihom biżżejjed fiduċja biex jheżżu lill-art huma stess.