Dalgħodu Peter Grech qata’ figura li kienet bil-wisq agħar minn dik tal-imgħallem tiegħu Owen Bonnici.

Illum wieħed kważi kważi jistennieha li fost il-politiċi d-diċenza tkun nieqsa. Iżda Peter Grech jippersonifika l-kollass morali tas-servizz pubbliku tagħna li, ironikament, illum tant irnexxielu jirrappreżenta bi preċiżjoni.

F’dawn l-aħħar erba’ snin ta’ kriżijiet li fihom kien wieħed mill-atturi priċipali, x’aktarx din kienet biss it-tielet jew ir-raba’ darba li fiha nstema’ leħen Peter Grech.

U x’figura miżera għoġbu jaqta’. Kien qisu tifel tal-iskola mgerrex hu u jaqra’ minn dokument li tħejja apposta għalih.

Mgħarraq kif kien, hu u jirrepeti salt teknikalitajiet irrilevanti, qata’ figura tabilħaqq patetika. Ġie wkoll imċanfar tliet darbiet minn min kien qed jippresiedi l-laqgħa għaliex wera’ li ma kienx kapaċi jfassal intervent ta’ 8 minuti.

L-intervent tiegħu kien fqir, irrileventi u totalment nieqes minn tweġibiet għan-numru mdaqqas ta’ mistoqsijiet li qed tagħmel il-bqija tad-dinja. Kien moħħu biss biex jagħmilha ta’ prosekutur kontra l-familja Caruana Galizia.

Għamel riferenza għal dak li jikkunsidra li huma sentenzi tal-qorti li jagħtu raġun lill-parir li ta biex ma ssirx inkjesta indipendenti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Lil uliedha tahom ir-raġunijiet għaliex jidhirlu li huma m’għandhomx ikollhom id-dritt li jsiru jafu kif u għaliex inqatlet ommhom u dwar jekk il-qtil tagħha setax ġie evitat. Dawk li kienu fil-kamra jisimgħuh tabilħaqq riedu l-art tiblagħhom bil-mistħija li ħassew. Wera’ li m’huwiex kapaċi jilbes iż-żarbun tal-imġarrab: mingħalih li l-liġijiet jitfasslu biex iċaħħdu lin-nies mill-ġustizzja.

Il-qofol intlaħaq meta, b’ħarsa ta’ sodisfazzjon inspjegabbli fuq wiċċu, huwa fakkar lill-udjenza ta’ quddiemu li l-familja Caruana Galizia kienet ħarrkitu quddiem il-Qorti Kostituzzjonali fuq punt differenti li joħroġ mill-klawsola dwar id-“dritt għall-ħajja” fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Huwa ammetta, mingħajr mistħija ta’ xejn, li f’dak il-każ il-Qorti – għal darba darbtejn – stqarret li hu – jiġifieri Peter Grech – ma kellux raġun u li ta’ Caruana Galizia kellhom raġun biex ibiegħu. Tiftakruh l-argument li fost id-dmirijiet tal-Istat li jħares id-dritt għall-ħajja hemm inkluża l-obbligazzjoni li titnieda investigazzjoni serja u indipendenti kull meta jseħħ qtil? U l-Qorti kienet qalet li b’Silvio Valletta jmexxi l-investigazzjoni, dan id-dritt tagħhom kien qed jinkiser.

B’mod inkredibbli, Peter Grech imbagħad għadda biex xela’ lill-familja Caruana Galizia li ma rsistewx biżżejjed biex isibu rimedju għall-ilment tagħhom li jaqa’ taħt Artiklu 2 tal-Konvenzjoni li, kif isostnu huma u hu ma jaqbilx, tinkludi l-obbligu li tiġi mnedija inkjesta indipendenti.

Ma ntikx tort jekk qed tħossok imħawwad.

Kull stat demokratiku li ġenwinament u li tassew għandu għal qalbu l-ħarsien u s-sigurtà tal-ġurnalisti ma jippermettix li l-familjari ta’ vittmi ta’ assassinju jkollhom joqgħodu jmorru l-Qorti  – ripetutament – biex iħarsu drittijiethom.

Meta Peter Grech imur igħid li l-familja Caruana Galizia huma ħatja ta’ negliġenza għaliex għadhom m’għamlux talba fil-Qorti dwar ħaġa li, kif ammetta hu stess, tista’ wara kollox tkun dibattibbli, juri li għalih din m’hi xejn ħlief logħba.

Avukat imħallas minn fondi pubbliċi m’hux qiegħed hemm biex iħares l-interessi dojoq tal-gvern tal-ġurnata bħallikieku l-gvern hu l-klijent tiegħu. Huwa qaddej tal-pubbliku u mhux qaddej tal-gvern. Id-dmir prinċipali ta’ Peter Grech huwa dak li jagħti l-pariri tiegħu dwar il-mod kif id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tan-nies jistgħu jiġu mħarsa. Li tirribatti b’argumenti għan-nom ta’ min igħaffeġ dawn id-drittijiet huwa dmir sekondarju.

Peter Grech ammetta li l-Qorti kienet merietu darbtejn u li kienet qablet mal-argument tal-familja Caruana Galizia dwar il-ksur ta’ artiklu 2. Huma qalu li l-parir li kien ħareġ bih Peter Grech ma jreġix u l-Qorti tathom raġun saħansitra anki mill-Appell.

Allura, ngħid jien, x’wiċċ għandu li jipprova jgħaddi biż-żmien ir-rekord ta’ suċċess li għandhom il-familja Caruana Galizia u l-avukati tagħhom hekk kif l-argumenti tiegħu ġabuhom fix-xejn?

Aktar tard lil Peter Grech saritlu mistoqsija diretta. Fl-investigazzjoni li niedew, l-awtoritajiet Maltin kienu talbu l-għajnuna tal-awtoritajiet tal-Emirati u dawk tal-Ġermanja jew le? Min stenna li kien ser iwieġeb “iva” jew “le” mar imqarraq. U li kieku wieġeb b’dan il-mod ma kien ser jikxef xejn dwar il-kontenut tat-talbiet li setgħu għamlu l-investigaturi Maltin jew dwar ir-risposti li setgħu rċevew. Iżda tweġiba ta’ “iva” jew “le” kienet tikkonferma hix minnha l-għajta tal-awtoritajiet fis-sens li l-investigazzjoni tabilħaqq qed issir bis-serjetà.

U madankollu, Peter Grech b’ċerta arja, qal li ma setax iwieġeb din il-mistoqsija u dan biex ma jippreġudikax l-investigazzjonijiet li jinsabu għaddejjin.

M’għandniex xi ngħidu, ħadd ma seta’ jifhem il-għala Peter Grech ma setax jikkonferma intalbitx l-għajnuna mill-Emirati u mill-Ġermanja. Il-każ kontra Alfred Degiorgio u sħabu ma kienx ġie preġudikat għax kien hemm min stqarr li tal-FBI u tal-Europol kienu għenu lill-Pulizija fl-investigazzjoni. Allura, ngħid jien, x’hemm differenti f’dan il-każ?

Wieħed ma jistax ma jissuspettax li r-raġuni vera għala l-gvern irid iżomm il-kontroll strett fuq dawn l-investigazzjonijiet u ma jridx jara ż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma hi li fil-fatt il-verità jaf x’inhi u din il-verità jinsab imwerwer minnha.

Qabel bdiet il-laqgħa ta’ dalgħodu, Owen Bonnici insista ma’ tal-Kunsill tal-Ewropa li għandhom jiġu segwiti strettament ir-regoli tal-proċedura u li ħadd ħlief id-deputati parlamentari ma seta’ jagħmel mistoqsijiet lilu u lil Peter Grech. Lil Matthew jew lil Andrew Caruana Galizia ma riduhomx jagħmlu mistoqsijiet.

Riedu, iżda, jeħilsu malajr kemm jista’ jkun.

Dan l-ispettaklu se jibqa’ għaddej sakemm jaqta’ qalbu l-aħħar membru tal-udjenza u sakemm il-mandanti tal-qattiela li wettqu dan id-delitt jgħadduha lixxa.