Joħroġ minn ħofra… u jispiċċa jitgerbeb f’oħra.

Fl-in-flight magazine tal-Air Malta, Konrad Mizzi kiteb li jiftakar l-ewwel titjiriet tal-Air Malta. L-Air Malta kienet bdiet l-ewwel titjiriet fl-1974, iżda Konrad Mizzi, il-bniedem uniku, il-konkwistatur tal-Panama, l-appostlu taċ-Ċiniżi, b’dik it-tbissima ċassa fuq wiċċu u surmast suprem tat-taħwid, tfaċċa f’wiċċ id-dinja fl-1977, jew inkella s-Sena numru 1 tal-Kalendarju Mizzjan.

Din l-interpretazzjoni romantika tal-istorja lemaħha il-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius.

M’hemmx li tixxandar l-awtobigrafija ta’ Konrad Mizzi! X’aktarx li f’dan il-ktieb se naqraw kif kien mexxa lill-poplu l-magħżul barra mill-Eġittu, kif kien reġa’ bena l-ħitan ta’ Ġeriko, kif kien dar mal-erbat irjieħ taċ-Ċina, kif kien rebaħ l-Erbatax-il Kruċjata, kif kien għallem il-prinċipji tat-titjir lil Leonardo da Vinci, kif kien gara tuffieħa lejn Isaac Newton, kif kien sab tarf l-Enigma Code u kif kien ta daqqa t’id lil Al Gore biex seta’ jivvinta l-Internet.

Buffu.