Illum il-Qorti Kostituzzjonali fetħet fil-ferjat tal-Għid biex tisma’ talba “urġenti” li ġiet preżentata minn Konrad Mizzi 15 il-minuta qabel l-għeluq tar-reġistru tal-Qorti għall-waqfa tal-festi. Dawn il-praspar, Konrad Mizzi jinqala’ għalihom. Ħmistax il-minuta qabel l-aħħar waqfa tal-Milied, huwa ppreżenta waħda mit-talbiet tiegħu biex iħares id-drittijiet tiegħu, liema talba spiċċa warrabha ftit żmien wara. Fi żmien ftit ġranet minn meta ppreżenta r-rikors tiegħu, intebaħ li ma kienx komdu għalih li jkompli jittratta l-kawża.
Proprju issa, l-kwistjoni reġa’ rxuxtaha u f’daqqa waħda reġgħet saret fundamentalment importanti.
Jeħtieġ nifhmu li hi tassew ħaġa ta’ barra minn hawn li jkollok Ministru tal-gvern li jħarrek il-gvern li hu stess jifforma parti minnu. Ministru m’huwiex xi impjegat tal-gvern kwalunkwe li jkun qed iħarrek lil ta’ fuqu għaliex dan tal-aħħar ikun ġab ruħu miegħu b’mod inġust. Ministru tal-gvern huwa l-gvern. Is-sitwazzjoni hi waħda tassew skiżofrenika: l-avukati ta’ Konrad Mizzi (għaliex l-Eċċellenza Tiegħu deherlu li ma kellux jersaq lejn il-bini tal-Qorti li, wara kollox, fetħet il-bibien tagħha fi żmien il-ferjat għal wiċċu u sforz il-piki tiegħu) spjegaw b’ċerta saħħa li Joseph Muscat, Chris Fearne, Edward Scicluna u l-bqija qed iċaħħdu lil Konrad Mizzi mid-drittijiet fundamentali tiegħu u mid-dritt tiegħu għal smiegħ xieraq. Għall-gvern ta’ Malta deher l-Avukat Ġenerali li, f’każijiet bħal dawn, ma jgawdix awtonomija minn mal-politiċi li jkunu qed imexxu lill-pajjiż. Għall-kuntrarju, xogħol l-Avukat Ġenerali huwa li jaġixxi fil-konfini tal-politika tal-gvern u li jimxi skond l-istruzzjonijiet tal-gvern. Illum wara nofsinhar, Konrad Mizzi jaf jinsab fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jiddiskutu affarijiet marbutin max-xogħol tal-Ministeru tiegħu: dan huwa l-istess uffiċċju li dalgħodu Konrad Mizzi għoġbu jħarrku fl-ogħla qorti tal-pajjiż.
Qed tħoss moħħok jitħawwad? Ma nagħtikx tort.
X’inhu l-isfond ta’ din il-kwistjoni kollha? Konrad Mizzi minn xiex qed jilmenta? It-tnejn għal rashom, Repubblika u Simon Busuttil, lill-Maġistrat tal-għassa talbuha tiftaħ inkjesta dwar il-Panama Papers. Il-Maġistrat għadha ma tatx digriet dwar din it-talba. Il-kwistjoni diġà ilha f’ħoġorha għal sitt ġimgħat u hi kienet talbet lil Konrad Mizzi (u lil Keith Schembri) biex iwieġbu għar-rikors li sar. X’aktarx huma wieġbu li ma jaqblux li ssir inkjesta, iżda ma nistgħux inkunu ċerti dwar x’wieġbu: għalkemm Konrad Mizzi u Keith Schembri irċevew kopja tar-rikors b’dak li qalu dwarhom Repubblika u Simon Busuttil, Repubblika u Simon Busuttil ma ngħatawx l-opportunità jaqraw x’wieġbu Konrad Mizzi u Keith Schembri. Konrad Mizzi lill-Maġistrat talabha wkoll biex ma tiddeċidix fuq il-kwistjoni dwar jekk għandhiex tinbeda’ nkjesta u dan għaliex kien bi ħsiebu jitlob lill-Qorti Kostituzzjonali tiddikjara li l-liġi li tippermetti lil Repubblika u lil Simon Busuttil li jitolbu t-tnedija ta’ nkjesta tikser id-drittijiet tiegħu. U biex żgur jipprova jġibha żewġ f’każ li l-Maġistrat tiċħad it-talba tiegħu, Konrad Mizzi lill-Qorti Kostituzzjonali talabha wkoll biex b’urġenza lill-Maġistrat tordnalha biex ma tiddeċidix.
Ħwejjeġ tabilħaqq ta’ barra minn hawn:
- Li jkollok Ministru li jħarrek lill-gvern li huwa stess jifforma parti minnu.
- Li jkollok dan il-Ministru li, bil-wiċċ sfiq u l-ardir kollu, imur igħid li d-dritt li tagħti l-liġi lil kull ċittadin li jitlob it-tnedija ta’ nkjesta biex huwa jiġi nvestigat, tiksirlu drittijietu. Konrad Mizzi hawn qed igħid l-liġijiet jgħoddu għal kulħadd, ħlief għall-Eċċellenza Tiegħu. Skont Mizzi, Repubblika x’wiċċ għandha tażżarda titlob li ssir inkjesta dwar l-imġieba ta’ Ministru? Dalgħodu Jason Azzopardi, li deher għal Simon Busuttil u għal Repubblika, kien irrabjat ġmielu u, biex jagħmel tixbiħa, ġab eżempju ta’ dak li jġib riklam fuq ġurnal biex iħabbar li kien bi ħsiebu jisraq bank il-Ħadd ta’ wara, iżda li mbagħad ilmenta li drittijietu inkisrulu hekk kif il-Pulizija tibgħat għalih biex tinvestigah dwar ir-riklam. Kif jista’ xi ħadd imur igħid li għandu dritt li ma jiġix investigat? Qisha mhix hi, l-avukat Victoria Buttigieg ittrattat għan-nom tal-Avukat Ġenerali mingħajr l-iċken konsiderazzjoni għall-fatt li kienet qed toġġezzjona għall-argumenti li nġiebu mill-imgħallem tagħha stess: il-Ministru.
- Li jkollok l-Avukat Ġenerali jakkuża lil Ministru tal-gvern bi “kważi abbuż tal-liġijiet” u dan talli huwa talab lill-Qorti Kostituzzjonali biex tiddeċiedi hi, meta deċiżjoni bħal din setgħet ittieħdet direttament mill-Maġistrat stess. Il-kelma “kważi” setgħet faċilment ħallietha barra.
- Kif diġà spjegajt, lill-Qorti Kostituzzjonali Konrad Mizzi talabha tordna lill-Maġistrat biex toqgħod lura milli tiddeċiedi dwar it-talba ta’ Repubblika biex tinbeda’ nkjesta sakemm hi (jiġifieri l-Qorti Kostituzzjonali) tiddeċiedi dwar jekk id-drittijiet umani ta’ Konrad Mizzi inkisrulux jew le. L-Avukat Ġenerali wissa’ li intervent bħal dan – li jammonta għal miżura temporanja – mhux soltu li jiġi aċċettat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. L-avukati ta’ Konrad Mizzi lanqas biss stħaw jiddikjaraw li, fi kwistjonijiet bħal dawn, il-Qrati Maltin għandhom jinjoraw il-prattiċi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Hawn għandna Ministru tal-gvern li jrid iħares drittijietu a spejjeż tad-drittijiet umani ta’ ħaddieħor. Mhux biss. Repubblika u Simon Busuttil lill-Qorti Kostituzzjonali talbuha ttihom l-opportunità li jagħtu l-kummenti u jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom fil-każ li ppreżenta Konrad Mizzi dwar id-drittijiet umani tiegħu. Dan għaliex Konrad Mizzi kien qal li Repubblika u Simon Busuttil m’għandhomx dritt li jagħmlu talba biex titnieda nkjesta dwar il-Panama Papers. U kif wieħed jistenna’, Repubblika u Simon Busuttil jippretendu li jingħataw l-opportunità li jgħidu tagħhom u jġibu l’ quddiem il-fehma tagħhom li huma għandhom kull dritt li jagħmlu talba bħal din. Kienet tabilħaqq ironika x-xena: minn banda Konrad Mizzi jilmenta li ma kienx ingħata smigħ xieraq u mill-banda l-oħra jargumenta li dan l-istess dritt li jrid għalih, m’għandux igħodd ukoll għal Repubblika u għal Simon Busuttil.
- Kienet il-Qorti stess – presjeduta mill-Imħallef Joseph Zammit Mckeon – li fakkret lill-avukati ta’ Konrad Mizzi li dan l-aħħar kien ippermetta l-intervent tal-avukat Joe Brincat f’rikors li jien stess kont ippreżentajt kontra l-gvern dwar id-dritt li wieħed jipprotesta quddiem il-Mafkar tal-Assedju fil-Belt Valletta. Staqsa l-Imħallef: kif seta’ ma jippermettix lil Repubblika tintervjeni fil-kawża ta’ Konrad Mizzi ġaladarba Joe Brincat kien tħalla jintervjeni fil-kawża li għamel Manuel Delia ftit xhur ilu? Wera’ kemm kienu bla sugu l-argumenti tal-avukati ta’ Konrad Mizzi u għadda biex jiċħad l-oġġezzjonijiet tagħhom u lil Repubblika u lil Simon Busuttil ikkonfermalhom id-dritt li jintervjeni fil-kawża.
- Minkejja l-urġenza kollha li qalu li kien hemm – tant li l-Qorti kellha tilqa’ t-talba tagħhom u tiftaħ fi żmien il-ferjat tal-Għid – l-avukati ta’ Konrad Mizzi ddikjaraw li kienu ser jappellaw mid-digriet tal-Qorti li permezz tiegħu Repubblika u Simon Busuttil ingħataw id-dritt li jintervjenu fil-kawża. L-Imħallef kien pront u staqsiehom jekk kinux għadhom qed jikkunsidraw il-kawża bħala waħda ta’ natura urġenti. Dan l-appell – dejjem jekk jingħataw il-permess li jippreżentawh – għandu l-potenzjal li jtawwal il-kawża għal ġimgħat sħaħ u Konrad Mizzi stess qed jilmenta li l-azzjonijiet li ħadu Repubblika u Simon Busuttil qed iservu biex iċaħħhuh mill-ġustizzja fi żmien qasir. Iżda l-fatt jibqa’ li huwa Konrad Mizzi stess li qed itawwal. Fil-Qorti l-Imħallef qal li, fl-aħħar mill-aħħar, se jkun hu li fi żmien ġimgħa mil-lum se jiddeċiedi fuq talba urġenti ta’ Konrad Mizzi dwar jekk għandux jordna lill-Maġistrat toqgħod lura milli tiddeċiedi jew le. Ċara li l-Imħallef kien qed jonora t-talba għal smiegħ b’urġenza minn naħa ta’ Konrad Mizzi. Kien ħadem fil-ġranet tal-Għid biex ikun imħejji għas-smiegħ tal-kawża llum u huwa lest li fi żmien ġimgħa jaqta’ s-sentenza.
- Ġara’, iżda, li l-avukati ta’ Konrad Mizzi ħarġu bl-iskuża li l-ġimgħa d-dieħla mhux ser ikunu jistgħu jattendu l-Qorti biex jisimgħu is-sentenza tal-Imħallef għax ser ikunu msifrin u nsistew li huma għandhom ikunu preżenti fl-Awla meta tinqara’ s-sentenza. Allura issa l-kawża urġenti mistennija li tinqata’ fi żmien ħmistax meta l-avukati jkunu waslu lura mis-safar. Issa min qed itawwal, allura?
Id-deċiżjoni li ħa l-Imħallef li permezz tagħha Repubblika u Simon Busuttil ingħataw il-permess li jintervjenu fil-kawża ta’ Konrad Mizzi, għalkemm hi waħda ta’ importanza, tammonta wkoll għal rebħa pirrika għaliex hija biss pass żgħir lejn il-ġustizzja vera li qed tintalab: li investigazzjoni dwar il-Panama Papers tkun tista’ tinbeda’. Investigazzjoni li kien messha nbdiet 3 snin ilu. Issa ser ikollna nistennew ħmistax oħra biex naraw x’ser ikunu l-passi li jmiss. Iżda l-verità hi li m’għandniex għalfejn noqgħodu nistennew. Għada filgħodu stess, il-Maġistrat tal-għassa jkollha kull dritt tiddeċiedi dwar it-talba biex titnieda nkjesta. M’hemm ebda raġuni għala għandha toqgħod tistenna ħmistax oħra biex tiddeċiedi. M’hemm xejn x’iżommha.
M’għandniex xi ngħidu, hemm ukoll realtà oħra x’wieħed jikkunsidra. M’hemm xejn x’iżomm lil Laurence Cutajar milli jaqdi dmiru u jibda’ investigazzjoni dwar il-Panama Papers. M’għandux għalfejn joqgħod jistenna lill-Maġistrat biex jibda’ nkjesta. Lanqas m’għandu għalfejn joqgħod jistenna’ lill-Qorti Kostituzzjonali biex tiddeċiedi dwar jekk talba għat-tnedija ta’ nkjesta tammontax għal ksur tad-drittijiet immaġinarji ta’ Konrad Mizzi.
Il-Kummissarju tal-Pulizija mhux biss għandu kull dritt iniedi investigazzjoni. Huwa wkoll fid-dmir li jagħmel dan. Hekk kif il-Kummissarju jiddeċiedi li jaqdi dmiru, ir-rebħa tkun assigurata. Konrad Mizzi iridna lkoll naqtgħu qalbna. U għalhekk qed jipprova jtawwal kemm jiflaħ – urġenza u mhux urġenza.
Serraħ rasek li qalbna mhux ser naqtgħuha, Konrad. Hawn qegħdin. U hawn ser nibqgħu.