Dalgħodu Repubblika u Simon Busuttil ippreżentaw nota fil-Qorti mal-maġistrat li kienet intalbet tiftaħ inkjesta dwar il-Panama Papers, jiġifieri l-Maġistrat Doreen Clark. In-nota saret in segwitu ta’ talba lill-istess Maġistrat li saret minn Konrad Mizzi biex l-inkjesta tibqa’ ma tinfetaħx peress li hu kien bi ħsiebu jippreżenta kawża fil-Qorti Kostituzzjonali biex il-liġi li tippermetti li jsiru nkjesti bħal dawn tiġi dikjarata bħala waħda li tiksirlu d-drittijiet tiegħu.

F’noti separati li ġew ippreżentati dalgħodu, Repubblika u Simon Busuttil qalu li huwa verament “inkredibbli” kif Konrad Mizzi jippretendi li jista’ jibqa’ jtawwal biex jipprova jaħrab mill-ġustizzja.

Lill-Maġistrat, Repubblika u Simon Busuttil qalulha li Konrad Mizzi iridha ħobla u tredda’. Li kieku ried, seta’ talab lill-Maġistrat tirreferi l-każ lill-Qorti Kostituzzjonali. Iżda huwa għażel li jistenna’ sitt ġimgħat sħaħ biex jibda’ l-każ tiegħu u ppretenda li kollox għandu jieqaf sakemm jinqeda’ hu.

Repubblika u Simon Busuttil qalu li huma rrabjati għall-fatt li Ministru tal-gvern qed jipprova jimmanipula l-liġi biex jipprova jaħrab minn investigazzjoni. Li kieku l-Ministru m’għandux x’jaħbi, kien ikun proprju hu li jitlob li ssir investigazzjoni fuqu minn Maġistrat indipendenti u mparzjali. Minflok, qed jagħmel minn kollox biex jaħrab minn kull investigazzjoni.

Iż-żewġ noti kienu ppreżentati minn Jason Azzopardi.

Repubblika bi ħsiebha titolbu lill-Qorti Kostituzzjonali biex tintervjeni fil-kawża li se jagħmel quddiemha Konrad Mizzi.