Il-korruzzjoni fl-offerti pubbliċi “qed toqtol il-fiduċja fin-negozju a skapitu ta’ dawk il-kumpanniji li jħarsu l-liġijiet u a skapitu tal-ħaddiema tagħhom,” skont l-għaqdiet tan-negozji u ta’ min iħaddem.
Fi stqarrijiet separati, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Għaqda ta’ Min Iħaddem (MEA) esprimew “l-għadab” tagħhom għad-deċiżjoni tal-gvern jbiddel ħesrem ir-regoli f’dawk li huma proċessi ta’ għażla ta’ kuntratti kbar. Il-MEA lmentat dwar “diskriminazzjoni kontra l-kunċett tal-kompetizzjoni ġusta” u “suspetti qawwija dwar favoritiżmu fil-konfront ta’ ċerti kompetituri”. Il-MEA lmentat ukoll dwar il-fatt li l-gvern bidel ir-regoli biex dawk il-kompetituri li jkollhom arretrati ta’ taxxa xi jħallsu xorta jkunu jistgħu jirbħu l-kuntratti. Din l-aħbar ixxandret illum minn Ivan Camilleri fit-Times of Malta u tittratta dwar bidliet fir-regolamenti li saru fl-aħħar minuta dwar kuntratt ta’ tindif li jiswa’ €12 il- miljun għar-Residenza San Vincent de Paule.
Huwa sinjifikanti l-lingwaġġ li ntuża mill-għaqdiet tan-negozji għaliex jesprimi t-tħassib dwar il-korruzzjoni fl-offerti pubbliċi mis-sieħba soċjali tal-gvern u minn għaqdiet oħra li huma membri tal-Kunsill Malti dwar l-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali. Jekk dawk il-kompetituri li jkollhom arretrati ta’ taxxa jitħallew jikkompetu għall-kuntratti pubbliċi, dawn ikunu qed jingħataw vantaġġ inġust u tkun azzjoni a skapitu ta’ dawk in-negozji li jħarsu l-liġijiet tal-pajjiż li jħallsu t-taxxi fil-pront.
Dan kollu jgiddeb l-għajta tal-gvern li huwa gvern “business friendly”: din l-għajta m’hi xejn ħlief mod kif ikunu jistgħu jinqdew il-bażużli u s-sostenituri tal-gvern a skapitu ta’ dawk in-negozji li jħarsu l-liġijiet.
L-għaqdiet lokali tan-negozjanti qed juru li issa xebgħu sal-ponta ta’ mneħirhom.