Reżistenza Press Release of this morning:

L-istituzzjonijiet Maltin jinsabu arkuptejhom, mifnija minn taħlita ta’ inkompetenza, kollużjoni u kompliċita’. Ħadd ma għadu jagħti rendikont ta’ għemilu. Wara kollox, ġialadarba ninsabu fl-aqwa żmien, x’nuqqasijiet jista’ ikun hemm?
Fis-sena 2016 pajjiżna għex mument tassew determinanti. Seta’ kien il-bidu tal-fejqan, iżda spiċċa żviluppa f’aċċelerazzjoni fit-triq qerrieda tal-korruzzjoni u l-omerta’. Immedjatament kif id-Direttur tal-Financial Intelligence Analysis Unit Dr Manfred Galdes preżenta lill-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar rapport tal-FIAU li jipponta s-swaba ta’ din l-istituzzjoni lejn indiviwdwi fis-saffi għolja tal-poter politiku Malti, il-kummissarju ħareġ fuq sick leave u wara irriżenja. Sa tlett xhur wara irriżenja d-Direttur tal-FIAU nnifsu. Dawn huma fatti xokkanti.
Pajjiż serju ma jħallix tali episodji għaddejja qisu m’hu xejn. Jeħtieġ li pajjiżna jitfa’ dawl fuq din il-paġna sewda tal-ħajja tal-istituzzjonijiet pubbliċi Maltin. Il-verita’ jafha kulħadd: minflok prevaliet il-ġustizzja, prevala d-dlam. Il-pulizija ma qditx dmirha, irrifjutat li tieħu passi kriminali kontra politiċi u persuni f’karigi pubbliċi għolja li kienu abbużaw kriminalment mill-fiduċja fdata lilhom mill-poplu.
Nafu wkoll li ma ġie interrogat l-ebda politiku u l-ebda persuna f’kariga pubblika in konnessjoni mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan mhux aċċettabbli. Unitli jingħad lilna li din hi investigazzjoni kumplikata ħafna. Il-pulizja ta’ pajjiżi oħra identifikaw il-mandanti ta’ omiċidji simili. Għaliex f’Malta le? Għaliex ħadd ma jerfa’ responsabbilita’ għal dan? Il-verita’ hi li m’hemmx rieda li l-verita’ tant skomda tkun stabbilita pubblikament.
Hemm bżonn li nwettqu rivoluzzjoni kulturali, etika u soċjali. Ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja ftit xhur ilu, ir-rapport GRECO pubblikat ġimgħa ilu u s-smiegħ aktar kmieni din il-ġimgħa fil-Kunsill tal-Ewropa fir-rigward ta’ l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galzia lkoll jixdu l-ħtieġa urġenti ta’ dan. Għandna jkollna l-onesta’ li nerfgħu r-responsabilita’ tagħna. Il-bidla għandha bżonn kull wieħed minna. Il-marda l-aktar gravi hi l-apatija, il-ħsieb li l-problemi tagħna jista’ biss isolvihom ħaddieħor. Bħal ma fl-Italja għal għexieren ta’ snin kien jingħad li “La Mafia non esiste” u kien biss meta s-soċjeta’ Taljana irrikonoxxiet l-eżistenza tal-mafia li tali fenomenu kriminali beda jkun miġġieled bis-serjeta’, f’Malta nistgħu nibdew ngħelbu l-korruzjoni biss meta nirrikonoxxu li Malta hi mifnija bil-korruzzjoni u li bosta fostna ma jaraw xejn ħażin f’dan il-fenomenu, anzi jaraw li l-korruzzjoni hi parti essenzjali tal-kultura Maltija u tikkontribixxi għall-prosperita’ ekonomika tagħna.
Ninsabu determinati li nsibu l-verita’ kollha, li naraw li min ixxaħħam jieħu l-piena li ħaqqu u li min għalkemm bil-liġi kellu l-obbligu li jwaqqaf tali abbużi naqas milli jagħmel dan jagħti kont ta’ għemilu. M’aħniex ser naqtgħu qalbna. Fi kliem Don Luigi Ciotti: “L’omertà uccide. La verità è la speranza”.