Jekk il-Prim Ministru qed iġiegħlek taħseb li ma jista’ għalih ħadd u xejn, din l-istrateġija qed taħdimlu ġmielha. Joseph Muscat m’huwiex baħnan. M’għandniex xi ngħidu, huwa jaf li issa Konrad Mizzi u Keith Schembri huma persuni suspettati f’inkjesta kriminali. Minnha nnifisha din mhix prova li seħħ ksur ta’ liġi u huma qed jissuktaw biċ-ċaħdiet tagħhom u fl-istess waqt jiddikjaraw li huma għandhom jitqiesu innoċenti sakemm ma jiġix pruvat li huma ħatjin. Iżda anki jekk wieħed kellu jikkunsidra l-livelli baxxi ta’ mġieba li huma mdorrijin bihom tal-Labour, politikament dawn it-tnejn kien imisshom ilhom li dabbru rashom. Min jidħol għall-ħajja politika m’għandux iżomm il-kariga kemm il-darba Maġistrat ikun stqarr li ‘teżisti ċerta kredibilità f’allegazzjoni dokumentata li …….. kien seħħ reat kriminali (li fih jinsabu mdaħħlin, fost oħrajn, Keith Schembri u Konrad Mizzi) …… u li hemm dak kollu li teżiġi l-liġi biex tinbeda’ inkjesta’.

Dak li jiktbu l-Maġistrati, ma jiktbuħx biex iqanqlu l-polemiċi. Għall-grazzja t’Alla, dawn jimpurtahom biss mill-konsegwenzi legali ta’ dak li jiktbu u mhux mill-impatt politiku ta’ kitbiethom. Il-konsegwenza legali hi li dawn iż-żewġ ħallelin issa jinsabu taħt inkjesta u l-konsegwenza politika ta’ dan l-iżvilupp hi li għandhom iwarrbu, anki b’mod temporanju, sakemm jintemm il-kors tal-ġustizzja. Tistenniha minn Joseph Muscat – wieħed mis-sħab ewlenin fil-konfoffa kriminali ta’ Keith Schembri – li jikser il-wegħda li kien għamel żmien ilu li l-ftuħ ta’ inkjesta kellha ġġib magħha r-riżenja ta’ Keith Schembri. Tistenniha għaliex Joseph Muscat, biċ-ċiniżmu kollu tiegħu,  jinqala’ ħafna fil-manipulazzjoni politika.

Il-ħnieżer ħażżew fuq il-ħajt tal-liġijiet li ebda annimal ma jista’ jorqod fis-sodod. Jum fost oħrajn, hekk kif il-ħnieżer iddeċidew li kien wasal iż-żmien li jibdew jorqdu fis-sodod, l-annimali l-oħrajn tar-razzett skoprew li l-liġi fil-fatt minn dejjem kienet tgħid li ebda annimal ma jista’ jorqod f’sodda mifruxa bil-lożor. Din l-aħħar biċċa ma setgħux jiftakruha. Keith Schembri ser ikollu jwarrab jekk Maġistrat jiftaħ inkjesta kriminali dwar l-imġieba tiegħu. Issa li din l-inkjesta infetħet, Joseph Muscat qed igħid li l-wegħda li kien għamel ma tgħoddx għaliex l-inkjesta twaħħdet ma’ oħra li tinsab għaddejja.

Sofistrija? Għad m’għandkomx idea.

Milli jidher l-inkjesta li ġiet estiża biex tinvestiga lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi kienet diġà qed tinvestiga lil 17 Black. Sirna nafu b’dan meta lil Owen Bonnici żelqitlu li kienet qed issir inkjesta mill-Maġistrat Charmaine Galea u dan hekk kif ġie mistoqsi dwar ir-raġuni għala ma kinitx qed tiġi nvestigata l-istorja li nkixfet fis-sens li sid il-kumpannija fid-Dubaj huwa Yorgen Fenech.

Ta’ min ifakkar: Daphne Caruana Galizia kienet kixfet il-fatt li Keith Schembri u Konrad Mizzi huma s-sidien rispettivi ta’ Hearnville u Tillgate fil-Panama. Ftit wara, dan il-fatt kien ġie konfermat mill-Panama Papers. Ta’ The Daphne Project kixfu li 17 Black kienet intrabtet li tħallas lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi $5,000 kuljum. Aktar tard, ta’ The Daphne Project żvelaw  li sid is-17 Black huwa Yorgen Fenech. Yorgen Fenech imexxi t-Tumas Group, wieħed mis-sħab fil-konsorzju Electrogas. Keith Schembri u Konrad Mizzi taw kuntratt ta’ 18 il-sena lill-Electrogas li huwa mimli b’vantaġġi ġenerużi għall-fornitur a spejjeż tal-konsumaturi Maltin. Kif kiteb espert fil-ġurnal Ingliż The Guardian, Malta qed “titlef gliegel ta’ flus” bis-saħħa ta’ dan il-kuntratt.

Hekk kif sirna nafu li 17 Black hi s-suġġett ta’ inkjesta kriminali, aħna fakkarna lil Joseph Muscat li kien wiegħed li Keith Schembri jkollu jwarrab ġaladarba tinbeda’ inkjesta. Iżda Joseph Muscat wieġeb li Keith Schembri m’għandu għalfejn iwarrab xejn, tafux. Għaliex l-inkjesta hi dwar il-kumpannija 17 Black u mhux dwar is-sidien tagħha jew dwar dawk li rċievew ħlasijiet mingħandha. M’għandniex xi ngħidu, skuża redikola għall-aħħar.

Issa sirna nafu li t-termini ta’ riferenza ta’ dik l-inkjesta ġew estiżi biex jinkludu lil Hearnville, Tillgate u lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri. Dan kollu Joseph Muscat jifhmu aktar minn ħaddieħor. U jaf li int tifhimha bl-istess mod ukoll. Madankollu jrid jikkundizzjonak biex taħseb li ma’ ġara’ xejn b’daqshekk. Mhux għax dak li ġie żvelat mhuwiex minnu iżda għaliex jeħtieġ li tidra realtà li fiha l-liġijiet li jgħoddu għalik, ma jgħoddux għalih ukoll. Din m’hi xejn ħlief tirannija ta’ bniedem malinn.

Joseph Muscat qed igħidlek f’wiċċek li ħadd u xejn ma jista’ għalih. Il-Pulizija u l-Avukat Ġenerali jinsabu taħt il-kontroll assolut tiegħu, qed jestendi l-kmand fuq il-membri tal-ġudikatura u qed jagħmel minn kollox biex ixejjen l-aħħar żviluppi. Qatt kontu tobsru l-kliem “mafia state” xi jfissru? F'”mafia state”, l-interessi tal-ħakkiema huma supremi u jegħlbu l-interessi tal-poplu, tal-komunità u tan-nazzjon: stat li fih it-tirann iwaħħad lilu nnifsu mal-pajjiż li huwa jkun qed imexxi. Stat li fih il-kriminalità ssir liġi u l-ħakkiema jistennew li jingħataw qima minn dawk li jippreferu jsoddu ħalqhom u li jikkuntentaw bil-ġbir tal-frak u tal-laqx li jitferrex fuqhom.

Mela komplu għaddejjin Konrad Mizzi, Chris Cardona, Brian Tonna u l-bqija li l-impunità li qed tgawdu tafuha lis-setgħan ta’ fuqkom.

Ftakru biss biex lil Joseph tbusulu jdejh.