Huwa inġenwu minnu nnifsu l-attentat biex laqgħa li, skond The Sunday Times of Malta ta’ dalgħodu, seħħet bejn Kristy Debono u Herman Schiavone ma’ Yorgen Fenech titpinġa bħala waħda ta’ inġenwità. Ħadd m’hu daqshekk baħnan.
Din ma kinitx xi azzjoni ta’ bla ħsieb. F’djalogu li Herman Schiavone kellu fuq il-Facebook mas-segwaċi magħruf tal-Partit Boris Xerri huwa kiteb li kien “sar ħafna għaġeb għalxejn” u li dan il-plejtu kien biss parti minn strateġija biex issir ħsara lil Adrian Delia qabel l-elezzjonijiet ta’ Mejju.
Kif jidħol f’din il-biċċa Adrian Delia? Jaqaw kien hu li bgħat lil Herman Schiavone u lil Kristy Debono għal din il-laqgħa?
Hekk donnu jrid itina x’nifhmu Herman Schiavone mit-ton tat-tweġiba tiegħu.
Din hi ħaġa li tabilħaqq tistenniha minn xi ħadd bħalu.
L-attivitajiet tal-PN fi proprjetajiet tad-db Group saru ħaġa regolari u dan minkejja l-iskandlu ta’ Pembroke.
Herman Schiavone, bħallikieku kien xi partitarju qaddej umli li jsegwi biss l-ordnijiet tal-partit, kiteb li “l-partit ma ħarġilna ebda direttiva biex ma norganizzawx attivitajiet fil-proprjetajiet tat-Tumas Group”. Dawn m’humiex il-ġurijiet ta’ Nuremberg u Herman Schiavone m’huwiex xi partitarju qaddej umli. Il-partit m’għandux għalfejn joqgħod igħidlu x’għandu jew x’m’għandux jagħmel. Għax il-partit huwa hu.
L-istess ħaġa tgħodd għal Kristy Debono li – bil-politika li adottat ta’ “u ejja come on” – issa jidher li għandha l-kwalifiki kollha biex tħabbatha ma’ Edward Scicluna biex tilħaq Ministru tal-Finanzi.
Meta wieħed jikkunsidra li kien hemm min irriskja ħajtu biex inkixfet il-korruzzjoni li Yorgen Fenech kien imdaħħal fiha, t-talba ta’ sponsorship mingħandu ma kinitx biss falza stikka.
Din it-talba fil-fatt ma kienet xejn ħlief azzjoni politika mmirata biex tinnormalizza u biex tirrijabilita. Xi ħadd dalgħodu staqsa jekk dan kienx każ fejn wieħed ‘jingħaqad ma’ dak li ma jistax jingħeleb’.
Jien qatt ma rajt lil Kristy Debono jew lil Herman Schiavone jew lit-tmexxija tal-PN li minnu jifformaw parti jagħmlu xi sforz ġenwin biex jgħelbu l-korruzzjoni.
Għall-kuntrarju, l-azzjoni li ħadu din il-ġimgħa hi konsistenti mal-programm tal-kampanja ta’ Adrian Delia biex fit-tmexxija tal-PN jitwarrbu l-prinċipji u l-valuri mill-politika. Din kienet id-domma politika li kienu nġibdu lejha mill-bidu nett.
Żgur li ma jistgħux jiġu kritikati talli qed jimxu skont dak li dejjem emmnu fih.
Id-diskors vag issa sar l-ordni tal-ġurnata. Ftakru ftit kif Adrian Delia kien ġie kwotat minn ‘għejjun’ tal-MaltaToday li lill-investigaturi qalilhom li hu qatt ma kien mar Jersey biex jiftaħ kont bankarju f’ismu b’ċekkijiet iffirmati minnu li ffaċilitaw il-ġbid ta’ flejjes u d-depożitu tagħhom f’kontijiet bankjarji f’isem kumpanniji li tagħhom kien direttur.
Dan kien seħħ fis-sena 2001.
Araw ftit f’liema sitwazzjoni miskina sab ruħu l-PN issa. L-inċident Schiavone-Debono qed jitqies minnhom bħala wieħed li m’huwiex daqshekk tal-mistħija hekk kif il-PN qed ilesti ruħu għall-elezzjonijiet Ewropej li kulħadd (ħlief huma) qed jistenna li ser jitilfu bil-kbir.
B’arja ta’ disprament kbir issa qed jippruvaw jattiraw lill-votanti tradizzjonali tal-PN li għalihom il-moralità ma’ tistax tinfatam kompletament mill-politika.
U allura issa f’daqqa waħda l-moralità reġgħet saret moda mhux biss għan-Nazzjonalisti tal-Mod Ġdid.
Ikkunsidraw il-mod li bih, hu u jassumi d-dmirijiet Presidenzjali tiegħu, George Vella ppretenda li jippersonifika l-boxxla morali tal-pajjiż, bħallikieku huwa xi Ayatollah ta’ żmienna li jkun jista’ joħroġ numru biżżejjed ta’ fatwas biex jimponi l-għaqda.
Ħadd ma kien tniffes dwar il-moralità meta s-suċċessur tiegħu bħala Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Anġlu Farrugia, kien ilmenta li tal-Labour fl-Oppożizzjoni kienu qed jilgħabu man-nar ‘fir-raba’ sular’.
Ma kienx tniffes meta, bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin, kien ġie eskluż – flimkien ma’ Ambaxxaturi u ma’ esperti fil-Ministeru – mid-delegazzjoni Maltija meta kienet saret iż-żjara famuża ta’ Joseph Muscat f’pajjiż Ilham Aliyev, l-Ażerbajġan.
Lanqas ma kien insista li l-kollega tiegħu fil-Kabinett kellu jirriżenja wara li dan kien inqabad jaħbi ġidu fil-Panama u fi New Zealand. Saħansitra kien ivvota kontra mozzjoni Parlamentari ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi.
Meta nqatlet Daphne Caruana Galizia, tant kienet missitu l-kuxjenza b’dan l-assassinju politiku ċar li l-gvern tiegħu ma messux ippermetta li jseħħ, li lanqas biss irreaġixxa.
Nikkonċedi, però, li – minkejja dan kollu – huwa għad jista’ jgħaddi minn esperjenza Damaxxena u jinbidel f’mexxej li għalih il-korrettezza, l-aġir etiku u l-moralità fil-politika jiġu l-ewwel u qabel kollox. Għandna bżonn mexxej ta’ dan il-kalibru u ta’ din il-fibra bħall-ħobż.
B’xorti ħażina llum qed ikollna nitqannew bi klassi politika li bħal donnu ħadet il-lezzjonijiet tagħha fl-iskola ta’ Macchiavelli. Skola li fiha l-moralità pubblika titgħaffeġ taħt is-saqajn ta’ dawk il-politiċi li moħħom biss biex iħarsu lejn il-mera biex jammiraw is-sbuħija ta’ wiċċhom.
Ġaladarba Yorgen Fenech qed jgħaddiha lixxa għax min hu fid-dmir li jinvestigah u jħarrku farfar minn dmirijietu, Schiavone u Debono lanqas dwar kif ser ikun it-temp għada ma messhom tkellmu miegħu. Mhux minnu li laqgħa bħal din kienet xi waħda ta’ inġenwinità politika u tista’ titqies bħallikieku kienet l-inkin u l-bewsa fuq id l-imgħallem.
Issa ninsabu f’sitwazzjoni fejn is-sondaġġi qed juru li votanti li ilhom għomorhom u żmienhom jivvutaw PN – persuni li tradizzjonalment m’humiex iffissati fil-politika – qed igħidu li m’għandhomx għażla bejn il-kleptokrazija li għandha llum fil-gvern u dawk li qed igħalqu għajnejhom għaliha.
Le, Herman Schiavone, m’hemm ebda strateġija maħduma għal qabel l-elezzjonijiet ta’ Mejju li hi mmirata biex tagħmel il-ħsara lil Adrian Delia.
Bi ħbieb bħal Kristy Debono, l-għedewwa x’jambihom?