Il-gvern għandu l-ħabta jwissina biex ma ngħaġġlux meta niġu biex niġġudikaw. Kienet motivata minn preġudizzji razzjali l-isparatura li seħħet il-ġimgħa li għaddiet f’Birżebbuġa? Qalulna li nkunu “irresponsabbli” jekk nippruvaw inwieġbu għal din il-mistoqsija qabel ħaġa bħal din tiġi aċċertata mill-investigaturi. Din m’hi xejn ħlief tarka oħra ta’ difiża li qed jinħeba warajha l-gvern biex il-verità jipprova jaħrabha. Kif, wara kollox qed jipprova jaħrab mill-verità kull darba li jirrifjuta li jniedi inkjesta indipendenti dwar iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Filwaqt li jippretendu li ħadd m’għandu jiġbed il-konklużjonijiet dwar responsabbiltà amministrattiva jew politika, jippretendu wkoll din ir-responsabbiltà stess m’għandhiex tiġi investigata.
Ian Borg kompla għaxxaqha. Ma kellux il-paċenzja jistenna li jintemmu l-inkjesti maġisterjali li għandhom jiġbru l-provi kollha dwar l-inċidenti fatali li seħħew fit-toroq tagħna f’dawn l-aħħar sigħat. Bis-saħħa ta’ dawn l-inkjesti, tista’ tinġibed konklużjoni dwar dak li kkawża l-inċident u, possibbilment, li l-imwiet ma seħħewx minħabba x-xogħlijiet li jinsabu għaddejjin fit-toroq bħalissa. Madankollu, l-inkjesti jistgħu ukoll jikkonkludu li dawn l-imwiet seħħew minħabba x-xogħlijiet li jinsabu għaddejjin fit-toroq. Ian Borg xi dritt għandu li jiskolpa lill-gvern, lid-dipartiment tat-toroq, lill-kuntratturi – lil kulħadd – minn kull responsabbiltà, anki jekk din tkun parzjali?
Ian Borg jinsab inkwetat li d-diżgrazzji li jseħħu fit-toroq isiru ballun politiku. Allaħares naslu għal dan. Madankollu wieħed ikollu jammetti li d-diżgrazzji stradali huma suġġett ta’ natura politika. L-amministraturi għandhom responsabbiltà ċara li jaraw li t-toroq ikunu ħielsa mill-periklu. Dawn huma wkoll responsabbli li jiżguraw li x-xogħlijiet stradali ma jnaqqsux is-sigurtà. Jekk f’dan il-każ is-sigurtà ma naqsitx u x-xogħlijiet stradali ma kellhomx x’jaqsmu mal-inċidenti, dan kollu għandu jkun konfermat mir-riżultat tal-inkjesta. Jekk, mill-banda l-oħra, jagħti l-każ li fil-fatt dawn kellhom x’jaqsmu, allura nkunu fid-dmir li nagħmlu dawk il-mistoqsijiet li jkun hemm bżonn: il-kuntrattur leħaq il-livell meħtieġ fejn tidħol is-sigurtà? Il-livelli ta’ sigurtà huma adegwati? Ittieħdet xi deċiżjoni politika biex il-proċeduri u r-regoli jitwarrbu fil-ġenb biex il-progamm ta’ xogħlijiet fit-toroq jitħaffef malajr?
Jien ma nafx jekk dan huwiex il-każ. Iżda Ian Borg imissu jifhem li ma nistgħux inserrħu biss fuq il-kelma tiegħu li ma teżistix rabta bejn l-inċidenti u x-xogħlijiet. F’din il-kwistjoni, Borg huwa parti interessata u ħadd m’hu ser iserraħ rasu għax huwa deherlu li għandu jagħti l-assoluzzjoni lilu nnifsu. Seħħew id-diżgrazzji. Setgħu ġew evitati? Biex dak li seħħ ma jerġax jiġri, jeħtieġ li jkollna tweġiba għal din il-mistoqsija.
Meta Ministru tal-gvern jitkellem b’mod hekk kategoriku, ikun qed jippreġudika il-proċess tal-ġustizzja. Allura, ngħid jien, l-esperti maħtura mill-Maġistrat issa jinsabu taħt pressjoni biex jiġbdu konklużjonijiet li jkunu konsistenti mal-konklużjonijiet li ġibed Ian Borg? Ma nistax nerħi minn moħħi l-ħsieb li dan huwa eżatt dak li jixtieq li jseħħ Ian Borg.