Għalkemm il-bieraħ il-Prim Ministru għamel ħiltu kollha biex jinstema’ loġiku, ħassrulu l-festi n-numru kbir ta’ kontradizzjonijiet u nkonsistenzi kontinwi li wera’ tul is-snin. B’ironija liema bħalha, huwa qal li ma jistax jissaporti aktar l-ipokresiji ta’ wħud u dan minkejja l-fatt li l-ipokresiji tiegħu ilhom jiddominaw ġmielhom. Huwa lmenta dwar dawk l-Insara li jxejjru l-Bibbja, li jattendu l-proċessjonijiet u li bħalissa qed jiċċelebraw l-Għid il-Kbir u fl-istess waqt jirriflettu dwar il-gwaj li hawn fid-dinja. Dan il-gwaj, skont kif jarawh huma, jinkludi l-abort għaliex għalihom ifisser eliminazzjoni tal-ħajja umana minn meta din tibda’ fil-ġuf. Huwa ma daħalx fil-mertu dwar jekk l-abort huwiex ammissibbli jew le, u lanqas m’hu bi ħsiebu jidħol f’dan il-mertu. Jidhirli li ma tantx hemm skop li jsir dibattitu fuq is-suġġett ġaladarba dan mhux qiegħed fuq l-aġenda tal-partiti politiċi.

Meta politiċi jitkellmu dwar affarijiet li jafu li m’għandhomx ċans li jseħħu fil-ġejjieni qarib, x’aktarx jagħmlu dan għaliex ma jkunux iridu jitkellmu dwar dak li jkun qed iseħħ bħalissa. Skużawni, iżda l-bużullotti politiċi drajt inxommhom minn seba’ mili ‘l bogħod. Il-Prim Ministru għażel li jsemmi l-abort għaliex dan huwa suġġett provokattiv li jqanqal l-emozzjonijiet ta’ dawk li jiflu kull kelma li jgħid biex jaraw ikunx hemm xi ħjiel li jista’ jtihom raġun billi jibda’ l-proċess għall-introduzzjoni tal-abort. Minflok, tkellem dwar dan is-suġġett sensittiv biex jiftaħ attakk fuq dawk l-insara li jxejjru l-Bibbja, li jattendu l-purċissjonijiet u li m’humiex lesti li jagħmlu l-kompromessi dwar il-valur tal-ħajja mill-konċepiment sat-twelid iżda li ma tantx iħabblu rashom dwar ħajjet l-immigranti suwed imdendlin bejn sema’ u ilma x’imkien bejn l-Afrika u l-kenn tal-portijiet tagħna. Li kieku qal dan biss, fiha u ma fihiex. Iżda dak li lissen ksieh b’kisja ta’ kontradizzjonijiet  u ta’ nkonsistenzi lloġiċi.

Dan it-tkażar kollu bl-ipokresija kien is-sisien biex jiġġustifika d-deċiżjoni li ħa biex ma jħallix l-immigranti suwed imwaħħlin x’imkien fl-ibħra ta’ bejn pajjiżna u l-Afrika li jingħataw kenn fil-portijiet tagħna. Joseph Muscat huwa l-prim razzist f’pajjiż fejn issa l-preġudizzju razzjali sar kredu. Ċertament Muscat ma jitkellimx bl-intensità ta’ Norman Lowell fejn jidħol ir-razziżmu tiegħu – lil dan tal-aħħar ħadd ma jirbaħlu għall-kliem iebes u kattiv ta’ barra min hawn li jlissen.

Ikun politikament ħafna aktar utli li kieku wieħed ikejjel l-impatt ta’ fehmiet razzisti fuq ħajjet ħaddieħor. Il-Prim Ministru għandu r-responsabbiltà u s-saħħa li jiddeċiedi d-destin ta’ ħajjet ħaddieħor. U Joseph Muscat konsistentement jieħu deċiżjonijiet li jqiegħdu ħajjet il-bnedmin – bnedmin b’ġilda sewda – f’periklu ċar. Il-bieraħ il-Prim Ministru ta l-verżjoni tiegħu tal-istorja Alan Kurdi. It-Times of Malta ikkwotatu hekk: “Vapur reġistrat f’isem NGO Ġermaniż għabba 64 immigrant qrib il-kosta tal-Libja. Minflok irritorna lejn il-Libja jew lejn it-Tuneżija, il-vapur salpa lejn it-territorju Taljan ta’ Lampedusa. Iżda meta l-awtoritajiet ta’ hemmhekk ma tawħx permess jidħol fil-port, il-vapur daħal fl-ibħra Maltin u bdiet il-pressjoni internazzjonali biex jitħalla li jiddaħħal fil-portijiet tal-gżira.” Il-Prim Ministru ġie kkwotat ukoll li qal: “’Fis-soċjetà ta’ żmienna, jeħtieġ li naċċettaw il-pressjoni bħala fatt. Iżda mhux bi ħsiebna naċċettaw li teħel Malta minħabba s-sitwazzjoni’. Huwa kompla jgħid li ż-żieda ta’ 64 ruħ fil-gżira mhux se tagħmlilna daqshekk differenza iżda hemm prinċipju fin-nofs. “Is-sajf jinsab magħna u x’aktarx dan l-istaġun iġib miegħu żjieda fl-immigrazzjoni u l-gvern kien qed jaħdem f’dan il-kuntest.”

Proprju hawn hi l-ipokresija sfaċċata tal-Prim Ministru. Kull gvern jiġi wiċċ imb’wiċċ ma’ problemi li dwarhom ikun bejn ħalltejn dwar kif se jsib tarfhom u Joseph Muscat ma staħax igħid l-ordni tal-prijoritajiet tiegħu f’hiex tikkonsisti. Il-“prinċipju” li hemm fin-nofs m’huwiex dak li jħares ħajjet l-immigranti iżda li jara li ħajjet dawn in-nies ma ssirx problema li nkunu rridu nsibu tarfha aħna. Faħħar lilu nnifsu talli m’huwiex aħrax daqs Matteo Salvini li l-problema jsib tarfha billi jagħlaq il-portijiet u jħalli l-immigranti jfendu għal rashom. Ta’ min ifakkar li Matteo Salvini jinqala’ ħafna biex jitħaddet (b’ċertu sarkażmu li jqalla’) dwar kemm jiddispjaċih għat-tbatija li jgħaddu minnha l-immigranti. Iżda dan id-“dispjaċir” tiegħu huwa falz għaliex bniedem li għandu s-setgħa li jsalvalhom ħajjithom qed jerħilhom jegħrqu.

Tabilħaqq, Matteo Salvini huwa eżempju tal-biża’. Il-ġirien tagħna jinsabu mmexxijin minn bniedem awtokrata, razzist u faxxist. Ma tridx wisq biex iġġib ruħek aħjar minn Matteo Salvini, iżda dan m’għandux iservi ta’ konsolazzjoni għal min qed imexxi f’pajjiżna. Il-Prim Ministru bil-kliem jgħid li jiddispjaċih. Iżda l-politika tiegħu, li fil-fatt qed iżżid ir-riskju ta’ aktar telfien ta’ ħajjet dawn il-bnedmin, qed jużaha biex jgħajjar lil ħaddieħor b’ipokrezija. Hemm min ma jaqbilx mal-kundanni mill-Insara. Lil dawn tista’ ssejjħilhom li trid, imma żgur li ma tistax tixlihom b’nuqqas ta’ konsistenza jew b’ambigwità minkejja d-dilemma morali li jista’ jkun hemm f’ċerti ċirkostanzi. Bis-saħħa tan-nuqqas ta’ ambigwità, l-Insara huma konsistenti f’dak li hu l-ħarsien tal-ħajja f’kull ċirkostanza. Wieħed għandu jistenniha li dawk li joġġezzjonaw għall-abort f’kull ċirkostanza ma jistgħux jittolleraw sitwazzjoni li fiha jidħlu fin-nofs “prinċipji” oħra li bis-saħħa tagħhom jiġi determinat jekk l-immigranti għandhomx jitħallew jidħlu fil-port biex jiġu salvati mill-għarqa. Huwa ipokrita kull min jitkellem favur id-drittijiet tal-embrijuni u fl-istess ħin jiġi jaqa’ u jqum mir-riskji għal ħajjet l-immigranti Afrikani.

Meta jittieħed kejl dwar il-konsegwenzi prattiċi tar-razziżmu, il-Prim Ministru ċertament ma jistax jakkuża lil ħaddieħor b’ipokresija. Araw x’qal Joseph Muscat meta ġie mistoqsi dwar il-qtil li seħħ f’Birżebbuġa (ktibt dwaru l-bieraħ fis-Sunday Times of Malta tal-bieraħ). Ma riedx igħid jekk il-qtil kienx riżultat tal-mibgħeda jew le u wera’ li ma kien tgħallem xejn mill-eżempju li tat il-Prim Ministru ta’ New Zealand meta din fakkret lid-dinja li l-politiċi għandhom ikattru l-komprensjoni bejn bnedmin ta’ razez, reliġjonijiet u sfondi differenti u li m’għandhom qatt jisfruttaw il-firdiet li jista’ jkun hemm bejniethom. Ir-rimarki li għadda kellhom l-iskop li jqarrqu l-aktar meta wieħed jikkunsidra li fl-istess ħin li kien qed jitkellem dwar il-qtil li seħħ f’Birżebbuġa, kien qed iżomm lill-immigranti milli jidħlu fil-portijiet tagħna.

Meta l-Papa Franġisku żar l-immigranti fuq il-gżira ta’ Lampedusa, huwa qal hekk: “Dawn ħutna kien qed jaħarbu minn sitwazzjonijiet diffiċli biex jippruvaw isibu s-sliem u s-serenità; kienu qed ifittxu post aħjar għalihom u għall-familji tagħhom, iżda minflok ġew wiċċ imb’wiċċ mal-mewt. Dawn in-nies kemm il-darba ma’ wiċċhom isibu n-nuqqas ta’ komprensjoni u n-nuqqas ta’ solidarjetà. U l-karba tagħhom tinstema’ minn Alla… “Il-kultura tal-kumdità, li ġġiegħelna naħsbu biss fina nfusna, tirrendina nsensittivi għall-karbiet ta’ bnedmin oħra u ġġiegħelna ngħixu fi bżieżaq tas-sapun li, għalkemm jidhru sbieħ, m’għandhom sugu ta’ xejn; dawn joffrulna illużjoni li tintemm u li hi bla sustanza u dan twassal għal indifferenza fil-konfront ta’ oħrajn; tabilħaqq, twassal ukoll għall-globalizzazzjoni tal-indifferenza.”

M’hemmx fejn wieħed jitfixkel biex jasal biex jifhem is-sinjifikat ta’ dan kollu.