Din hi l-omelija ta’ Dun David Cilia fil-quddies li ta llum fil-Kappella tal-Bidnija b’suffraġju għal Daphne Caruana Galizia, 18-il xahar mill-assassinju tagħha.
Il-bieraħ f’Malta ċċelebrajna Jum id-Duluri u mil-lejla l-liturġija tibda tiċċelebra Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej. Bejn dawn iż-żewġ ġrajjiet, il-lejla qed infakkru it-18-il xahar mill-assassinju ta’ ġurnalista, Daphne Caruana Galizia u noffru l-Ewkaristija b’suffarġju għal ruħha, filwaqt li nitolbu għall-familja tagħha. Jiena u ngħix dawn il-ġrajjiet, igħadduli minn moħħi diversi ħsibijiet:
- Bħala qassis nieħu gost nara l-kotra tal-Maltin jiġu l-Knisja, jieħdu sehem fil-quddiesa, u jimxu fl-eluf tagħhom wara x-xbiha ta’ Marija Addolorata, b’binha mejjet fuqha. Imma meta niftakar li l-istess kotra ta’ Maltin taċċetta kompromessi mal-kuxjenza tagħha, basta ddawwar lira, jew għax kulħadd hekk jagħmel, jew minħabba biża’ jew favur, allura jkolli ngħid li din hi waħda mill-kontradizzjonijijet li ngħixu aħna l-Maltin. Irridu nagħmlu li jaqblilna imma rridu ukoll nidhru reliġjużi.
- Min-naħa l-oħra din il-ġimgħa ulied Daphne tawna xiehda tal-esperjenza tagħhom, f’diversi fora, u li grazzi għal Shift News, u l-blog Truth be told, stajna aħna ukoll inkunu parteċipi. Ma niddejjaq xejn insejjaħ dawn l-esperjenzi l-passjoni li l-familja ta’ Daphne bdew għaddejjin minnha wara dak il-jum fatali tas-16 ta’ Ottubru 2017. Ġrajja li bidlet ħajjithom kompletament u li minn ulied issa għamlithom xiehda
Il-qari pproklamat għal darb’oħra huwa l-qari tal-funeral ta’ Daphne. Il-Kelma ta’ Alla hija dejjem ġdida u tkellimna llum ukoll. Xtaqt nikkummenta xi frażijiet mill-ewwel qari, mill-ktieb ta’ Kohelet:
- Żmien li tiskot u żmien li titkellem
Andrew fil-kunsill tal-Ewropa spjega kif wara l-assassinju ta’ ommhom, il-familja ma kellha l-ebda ħsieb li titkellem, jew li tidħol f’polemika ma’ awtoritajiet jew persuni oħra. Li wassal lill-familja titkellem kienet in-narrattiva qarrieqa li bdiet tingħalef lill-ġurnalisti xxokkjati għall-qtil ta’ waħda minnhom, bil-ħsieb li flok toħroġ il-verita’, il-każ jingħalaq u ma’ Daphne jispiċċaw ukoll il-mistoqsijiet skomdi, u t-tfittxija għall-verita’.
Matthew f’Perugia fakkar dak li ħass Andrew, kburija lejn ommu, li biex tissikket kellha tinqatel. “Huma tilfu u aħna rbaħna”, qal Matthew għax “issa hu ċar għal kulħadd li minn qatel jinsab fil-ħażin”.
Għal domanda li saritlu f’Perugia, dwar kif tista’ taħdem bħala ġurnalista fuq il-mewt ta’ ommok, Matthew wieġeb: “Jeħtieġ li nirrakkontaw l-istorja tagħha.” Dan bir-raġun għax fi kliem Peter, Daphne, “was an extraordinary woman, but you probably know this already, because no one would go to such great lengths to silence a woman who doesn’t matter. My wife was killed because she mattered, because the powerful were afraid of her and because the criminals were infuriated by her.”
Nixtieq nirringrazzjakom, mhux biss lill-ulied, imma lill-familja kollha, speċjalment lil Peter u lil Corinne, Michael u Rose, li fil-mument meta kien dritt tagħkom iġarrbu l-luttu privatament u fl-intimita’ tal-familja tagħkom, intom għażiltu li titkellmu. U jekk intom kburin bil-ħidma ta’ ommkom, bintkom, oħtkom, martek, jiena ninsab ċert li Daphne, minn fejn tinsab, hija kburija bikom għax qed turu li intom denji tar-rabta li eżistiet bejnietkom.
F’dik in-narrazzjoni tant personali ta’ Paul, Death of a Journalist, Daphne’s Sons, Paul jikteb, “We were happy and close growing up. My mother once described my brothers and me, during one of our fights over who took whose jeans or whatever, as a qaqoċċa, an artichoke, which in Malta are smaller and the leaves more tightly wound around the heart. And my parents, under incredible strain to protect us and themselves were too”. Matthew ukoll semma’ din l-għaqda fil-familja bħala sors ta’ saħħa f’dan il-mument fejn huwa ż-żmien li titkellem.
Dawn preżenti, u ħafna oħrajn ta’ rieda tajba, jixtiequ iduru magħkom f’tgħanniqa ta’ solidarjeta’ u ta’ appoġġ għal dak li qed tagħmlu biex isseħħ ġustizzja. Il-Mulej qalilna, il-verita’ teħliskom (Ġw 8, 32). Tibżgħux tgħidu dejjem il-verita’, kif għixtuha, kif tafuha. Min ma jridx jisma’ l-verita’ jgħid li hi negattiva, jew diviżiva, jew li hija tixwix … imma l-verita’ ma tinbidilx, hija waħda u fl-aħħar tirbaħ. Mhix min igħid il-verita’ jittradixxi, imma min joħloq kultura ta’ omerta’ li ssikket il-verita’.
- Żmien it-taqbid u żmien il-paċi
Fit-tagħlim soċjali tal-Knisja nsibu l-assjoma ‘mhemmx paċi bla ġustizzja’ (Ara Papa San Ġwann Pawlu II, Messaġġ għal Jum il-Paċi 2002).
Paul qasam magħna ħsieb intimu tiegħu, “I don’t know when that time will come. And I don’t know that we’ll always be children of the light in what, at times, feels complete darkness”.
Illum ħafna nirrealiżżaw li ħallejna wisq waħedha lil Daphne, tagħmel il-ġlidiet għalina. Il-ġlieda li qed issir mhijiex tagħkom, imma tagħna. Kif qal Matthew lill-ġemgħa ta’ ġurnalisti f’Peruġia, Daphne mhix se terġa’ tiġi lura, imma l-ġlieda għall-ġustizzja magħha hi biex ħadd aktar ma jgħaddi minn dak li għaddiet hi.
Ħafna jinsew li l-ġlieda għas-sewwa, għall-ġustizzja, għal Stat san, għal ħajja normali hija ġlieda għall-futur tagħna u ta’ uliedna. Figħting back, kif semma’ t-tema tad-diskors tiegħu Matthew, hi ġlieda għal pajjiżna, għal Malta.
L-aktar għeżież, grazzi ta’ dak li qed tagħmlu; imma din mhix ir-responsabilita’ tagħkom biss, hija s-sejħa li qed issir lil kull wieħed minna. Imma biex inkunu koerenti rridu niġġieldu għal ġustizzja ta’ kulħadd, ibda mill-ħajja ta’ l-iżjed innocenti u li ma jistgħux jiddefendu rwieħhom.
Kull min qiegħed hawn, u jiena ċert, ħafna oħrajn, qed ngħidulkom, “Qatt aktar waħidkom”. Din ġlieda għal Malta tagħna, għas-sewwa, u għall-ġustizzja.
San Ġwann Pawlu II fil-messaġġ tal-2002 li diġa, irreferejt għalih, jgħid ukoll, mhemmx ‘mhemmx ġustizzja bla maħfra”. Nikkwotah, “by contrast, the failure to forgive, especially when it serves to prolong conflict, is extremely costly in terms of human development”. Jalla t-traġitt lejn il-ġustizzja iwassal ukoll biex il-poplu Malti isib rikonċiljazzjoni fil-verita’, ħa jsaltan is-sliem.
Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, u d-dawl ta’ dejjem jiddi fuqha. Tistrieħ fis-sliem. Amen.