Stqarrija ta’ #occupyjustice:
Pjazza Kastilja kienet baħar attivisti jżommu ‘l fuq ritratti ta’ Daphne Caruana Galizia biex ifakkru t-tmintax-il xahar mill-assassinju brutali tal-ġurnalista, azzjoni li tfakkar xena mill-film Being John Malkovich.
L-attivisti, miġbura wara l-islogan #occupyjustice, iltaqgħu quddiem l-uffiċju tal-Prim Ministru b’messaġġ wieħed: “Vuċi waħda ġiet imsikkta, imma għadd kbir ta’ vuċijiet qamu biex ikomplu jsejjħu għall-Verità u l-Ġustizzja.”
L-attivisti ta’ #occupyjustice ppuntaw subgħajhom lejn il-Prim Ministru, biex ifakkruh li wara sena u nofs mill-assassinju, il-pajjiż għadu fid-dlam min ikkummissjona l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
“Inġbarna flimkien għan-nom ta’ Daphne biex nassiguraw li inti ma tiknisx ħajjitha, xogħlha, flimkien max-xemgħat u l-fjuri li tarmi kuljum.”
L-attivisti għal darb’oħra rrepetew it-talba tagħhom biex issir inkjesta indipendenti, liema appell ilhom jagħmluh ħhat-tmintax-il xahar.
“Ninsabu ddisgustati bil-mod kif il-Prim Ministru qed iħalli KULL ġebla f’postha biex ma jinstabx il-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne,” sostnew l-attivisti. “Tista’ tmaqdar u xxejjen ir-rappurtaġġ tal-midja internazzjonali kemm trid, Prim Ministru, imma l-fatti jibqgħu fatti: il-ħbieb tal-qalba tiegħek huma korrotti u inti tibqa’ tipproteġihom. Jekk għad fadallek mqar farka ta’ kuxjenza, allura erfa’ r-responsabbiltà politika issa.”
Aħna determinati li niġġieldu għas-sewwa, għall-ġustizzja u għal soċjetà ġusta u ugwali. Dan huwa n-nazzjon tagħna, din hija darna, u aħna l-poplu.
Nistennew aħjar, jistħoqqilna aħjar, irridu aħjar.