Lill-Qorti Kostituzzjonali, Konrad Mizzi qed jitlobha tipproteġih mill-gvern li huwa stess jifforma parti minnu. F’rikors li ppreżenta fil-Qorti huwa stqarr li l-Istat m’għandu jippermetti lil ħadd li jitlob li ssir inkjesta dwar il-Panama Papers. Huwa qed jinsisti wkoll li l-proċeduri li għamlu użu minnhom kemm Simon Busuttil kif ukoll Repubblika jiftħu kwistjonijiet li diġà kienu ngħalqu minn qrati oħrajn u li din is-sitwazzjoni qed tikkawża inġustizzja fil-konfront tiegħu. Qed iħarrek lill-gvern f’ismu proprju. Iżda l-kawża li ppreżenta hi tarka biex tagħti kenn lil Keith Schembri wkoll. U tista’ tgħid ukoll li sservi l-interessi ta’ Joseph Muscat.

Se nispiċċaw bi gvern sħiħ iħarrek lilu nnifsu! Din hu sitwazzjoni redikola u komika daqs kemm ukoll hi assurda. Ministers għandhom is-setgħa li jgħaddu l-liġijiet mill-Parlament. Il-back-benchers tagħhom ituhom appoġġ indiskuss. Jekk liġi tikser il-Kostituzzjoni u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem , għandhom is-setgħa u d-dmir li jibdluha. Wara kollox, liġi li tikser il-libertajiet fundamentali ta’ persuna waħda, tikser il-libertajiet fundamentali ta’ kulħadd. Madankollu hawn għandna sitwazzjoni fejn Ministru qed jintebaħ li hemm liġi li qed tikser il-libertajiet fundamentali ta’ kulħadd għax – skont hu – qed jintmess hu stess.

Mhux faċli li tlaħħaq ma’ “loġika” bħal din ta’ Konrad Mizzi. Filwaqt li fil-Qorti jidħol fil-mertu tekniku ta’ proċess legali li ftit huma dawk li jistgħu jifhmuh, ċara u tonda li l-mira tiegħu hi li jwaqqaf kull possibilità li ssir investigazzjoni dwar l-iskandlu Panama Papers jew li jiġu priservati l-provi marbutin ma’ dawk ir-reati kriminali. Fil-Qorti qal li d-dritt tiegħu għal smigħ xieraq japplika wkoll għall-‘proċessi preliminari’ as well. Iżda inkjesta lanqas biss tammonta għal stadju ġudizzjarju preliminari. Għadna ma wasalniex s’hawn. Dan donnu qed igħid li jekk jien nagħmel rapport kontra tiegħu fl-għassa tal-pulizija, nkun qed niksirlu d-drittijiet fundamentali tiegħu. Jekk il-ġar tiegħek isejjaħ lill-pulizija għax bil-lejl int qed tagħmel ħafna storbju, int se tirrabja speċjalment jekk int tabilħaqq tkun qed tikkawża storbju żejjed bil-lejl u tixtieq tkompli tagħmel hekk. Jekk xi ħadd jagħmel ilment kontra tiegħek, int xorta waħda għandek dritt għal smiegħ xieraq u li tgħid tiegħek u xorta waħda jkollok id-dritt li tappella kontra s-sentenza.

Iżda dan kollu għaliex il-pulizija tkun irċeviet rapport u mbagħad tibda’ tinvestiga, dan ma jfissirx li tkun qed issir inġustizzja fil-konfront tiegħek. Int xorta waħda jkollok id-dritt li tgħid tiegħek. Konrad Mizzi m’hux interessat li jgħid tiegħu għax il-verità hi li ma jistax iwieġeb għall-mistoqsijiet li jsirulu. Mistoqsijiet bħal:

  1. Il-għala l-accountant tiegħek ħoloq kumpannija fil-Panama għalik ġimgħa biss wara li ħadt il-ġurament tas-setgħa?
  2. Il-għala l-accountant tiegħek lil banek madwar id-dinja kitbilhom biex igħidilhom li int ser tagħmel miljuni kbar ta’ flus minn negozji li fil-fatt int m’għandekx?
  3. Il-għala ndħalt fejn ma kienx jesgħek fin-negozju mal-Ażerbajġan dwar iż-żjut?
  4. Il-għala l-accountant tiegħek kiteb li kumpannija ta’ Yorgen Fenech fid-Dubaj kienet ser tħallsek $5,000 kull jum?
  5. Il-għala l-accountant tiegħek għażel is-sħubija li Yorgen Fenech għandu mal-Ażerbajġan biex tiġi fornuta l-enerġija lil Malta?

Lil kieku hemm xi spjegazzjoni raġjonevoli għal dawn il-mistoqsijiet, din ilna li smajniha u xhur u snin ilu Konrad Mizzi kien bilġri jmur il-Qorti biex jispjega kollox. Iżda spjegazzjoni m’hemmx u din hi r-raġuni għaliex irid iżomm lil kulħadd milli jagħmillu l-mistoqsijiet.

Issa jgħaddilek, Konrad.