Stqarrija ta’ Repubblika:
Repubblika hi grata li l-Prim Awla tal-Qorti Ċivili laqgħet it-talba tagħha li r-rikors li daħħlet dal-għodu biex il-gvern jitwaqqaf milli jaħtar Imħallfin u Maġistrati ġodda sakemm idaħħal ir-riformi li esiġiet il-Kummissjoni Venezja jinstema’ b’urġenza.
Fil-fatt il-Qorti dal-għodu ordnat li l-gvern iwieġeb l-argumenti ta’ Repubblika s’għada fil-għaxija biex il-każ jibda jinstema fil-Qorti nhar it-Tnejn fil-għodu.
Repubblika hi diżappuntata, għalkemm bl-ebda mod m’hi sorpriża, li meta ra dan il-Gvern fi ftit minuti irriġmenta lill-President biex jagħti l-ġurament lil sitt ġudikanti promossi jew ġodda.
Safejn nafu din kienet l-akbar darba li nħatru f’salt wieħed Imħallfin u Maġistrati f’daqqa f’ċerimonja organizzata bl-għaġġla u fi sforz ta’ paniku ma jmurx xi Qorti tilħaq twaqqaf l-intenzjoni espliċita tal-Gvern li jimla l-bank tal-ġudikatura b’nies tal-għażla tiegħu.
Wara li tħabbret iċ-ċerimonja tal-lum Repubblika talbet lill-Qorti tordna li ċ-ċerimonja titwaqqaf iżda l-Qorti sabet li dan ma kienx meħtieġ għax ma kien se jiġri xejn illum li ma jistax jitreġġa lura.
Aħna infurmati li f’kummenti lill-istampa llum il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici issuġġerew li din id-deċiżjoni tal-Qorti kienet tfisser xi forma ta’ rebħa għall-Gvern. Impliċitament ikkonfermaw ukoll li ddeċidew li jgħaġġlu biex jaħtru l-ġudikanti l-ġodda ma jmurx tilħaq tiġi deċiżjoni materjali ta’ xi Qorti li twaqqafhom milli jagħmlu li jridu.
Naturalment m’hu minnu xejn li l-Gvern illum rebaħ xi ħaġa fil-Qorti. Il-Qorti llum astjeniet milli tordna li titwaqqaf iċ-ċerimonja tal-lum għax jekk wara li tisma’ b’urġenza l-kawża ssib li l-ħatriet tal-lum ma kellhomx isiru, il-Qorti għandha l-poter tiddikjarhom nulli u tirriversahom. Il-Qorti dehrilha li kien ikollha tindaħal illum biss li kien jiġri xi ħaġa li ma tistax titreġġa lura.
Fil-prattika, din tkun eventwalità ferm agħar milli kieku l-Gvern ħalla l-kors urġenti tal-ġustizzja qabel jibqa għaddej bil-ħatriet, iwieġeb fil-Qorti s’għada u jagħmel l-argumenti tiegħu fil-Qorti minn nhar it-Tnejn.
Kuntrarju għal dak li qal illum il-Prim Ministru b’difiża għall-aġir tal-Gvern, il-ħatriet mgħaġġla tal-lum juru disprezz effettiv lejn il-kors tal-ġustizzja. Il-Gvern hu determinat li bil-kliem jgħid li jrid jimplimenta r-riformi demokratiċi li trid il-Kummissjoni Venezja u bil-fatti jaġixxi biex ikompli jgħaffeġ l-indipendenza tal-ġudikatura u konsegwentement id-demokrazija f’Malta.
Nhar it-Tnejn fil-għodu Repubblika se tkun fil-Qorti biex tispjega għalfejn il-Kostituzzjoni ta’ Malta li trid li Malta tkun demokratika, teħtieġ li l-Imħallfin u l-Maġistrati ma jibqgħux jinħatru bl-għażla tal-Prim Ministru.
Repubblika m’għandhiex xi illużjoni li l-protesti u l-inizjattivi tagħha b’xi mod jinkwetaw lill-Prim Ministru. Xejn s’issa ma żamm lil Joseph Muscat mill-eżerċizzju sistematiku li jieħu pussess partiġġjan tal-istituzzjonijiet suppost indipendenti tal-pajjiż. M’għandniex xi illużjoni li weħidna se nibdlu din ir-realtà.
Dan iżda ma jnaqqas xejn mid-dmir tagħna li anke jekk weħidna nitkellmu u naħdmu bil-mezzi kollha li tippermettilna l-liġi biex nipproteġu d-demokrazija f’Malta.
Il-missjoni tagħna mhix motivata b’xi garanzija ta’ rebħa aħħarija, iżda bil-konvinzjoni li mingħajr l-isforz tas-soċjetà ċivili, gvern li jgħaffeġ id-demokrazija jingħata raġun jaħseb li m’hemm xejn xi jżommu jibqa’ għaddej minn fuq il-liġi.