L-Imħallef Mark Chetcuti iffissa għal nhar it-Tnejn is-smiegħ tar-rikors li ppreżentat Repubblika biex jitwaqqaf il-proċess tal-ħatriet tal-ġudikanti sakemm jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja.

Il-Qorti ordnat li l-gvern għandu jiġi notifikat b’dan id-digriet immedjatament.

Madankollu, jidher li l-President ta’ Malta George Vella ser jippresjiedi fuq il-ġuramenti tal-ħatra tal-ġudikanti l-ġodda illum wara nofsinhar fit-3.00.

Dan ikun ifisser li George Vella jkun qed jinjora dak kollu li kellha xi tgħid il-Kummissjoni ta’ Venezja fis-sens li l-metodu tal-għażla tal-ġudikanti huwa wieħed li jikser il-Kostituzzjoni għax ma jaqbilx mal-prinċipji tad-demokrazija. Wara kollox, jekk ma jkunx hemm ġudikatura indipendenti, m’hemmx demokrazija.

Dan ikun ifisser ukoll li l-President George Vella ikun qed jinjora l-fatt li nhar it-Tnejn bi ħsiebha tisma’ r-raġunijiet li ser jinġiebu għala dak li ser iseħħ illum mhux biss imur kontra d-demokrazija iżda jikser ukoll il-Kostituzzjoni.

Il-għala din l-għaġġla kollha?

Fil-frattemp, Repubblika ippreżentat fil-Qorti talba urġenti oħra li fiha l-Qorti ntalbet twaqqaf lill-gvern milli jibqa’ għaddej biċ-ċerimonja tal-ħatriet.