Il-kumitati sezzjonali tal-PN tal-Mosta u ta’ Raħal Ġdid xandru dikjarazzjonijiet li permezz tagħhom ikkritikaw it-tmexxija tal-partit u talbu li, minflok toqgħod tispjega r-raġunijiet għat-telfiet elettorali riċenti, għandha terfa’ r-responsabbiltà għal dan id-diżastru.

Dawn id-dikjarazzjonijiet segwew il-protesti li saru mill-attivisti Għawdxin wara l-attentat li sar biex jitwarrab Kevin Cutajar biex b’hekk ikun jista’ jinqeda’ il-mimmi t’għajnejn it-tmexxija tal-PN, Jean Pierre Debono.

Hemm bosta raġunijiet importanti għal dawn is-sinjali bikrija ta’ bidla f’ċerti realtajiet fi ħdan il-PN. Wieħed minnhom huwa l-fatt li fost dawn il-kumitati, Adrian Delia kellu appoġġ li issa ntilef. Jekk issir elezzjoni ġdida għal kap, x’aktarx li Adrian Delia ma jikkwalifikax għat-tiġrija finali bejn l-aħħar żewġ kandidati.

Iżda hemm ukoll kwistjoni li hi ta’ sinjifikat akbar. Il-kumitati tal-Mosta u ta’ Raħal Ġdid – kif għamlu l-kumitati Għawdxin qabilhom – kissru għal kollox il-perċezzjoni falza li seta’ kien hemm li l-kritika fil-konfront ta’ Adrian Delia kienet ġejja biss minn naħat ta’ Tas-Sliema u ta’ San Ġiljan.

Mhux minnu li t-tmexxija ta’ Adrian Delia ħolqot xi firda fost il-partitarji tal-PN minn naħa ta’ fuq u dawk minn naħa t’isfel ta’ Malta, jew inkella firda bejn dawk li jitkellmu bil-Malti u dawk li jippreferu l-Ingliż jew bejn dawk li kienu jsegwu l-kitbiet ta’ Daphne u dawk li ma kellhomx grazzja magħha.

Il-folja nqalbet. Sena ilu Adrian Delia irnexxielu jaħrab minn vot tal-Kumitat Eżekuttiv jew tal-Kunsill Ġenerali għax beża’ li rebħa mqanżħa setgħet tikkonferma li teżisti minoranza mdaqqsa li ma kinitx lesta tappoġġjah.

Is-sitwazzjoni attwali hi għal kollox differenti. Li kieku kellu jittieħed vot, x’aktarx jirriżulta li hemm maġġoranza li tridu jwarrab.

Ikun jista’ jirbaħ vot jekk jipparteċipaw fih partitarji Laburisti fl-elezzjoni. Li kien għal dawn, Adrian Delia jmissu jibqa’ f’postu għal dejjem għax hekk jaqblilhom.

Dalgħodu ktibt li għal kull azzjoni, tad-Dar Ċentrali fittxew li jkun hemm reazzjoni. Stennew issa li ssir pressjoni fuq il-kumitati biex japprovaw mozzjonijiet ta’ appoġġ għall-kbir mexxej.

Ifakkruni ħafna f’Comical Ali, persunaġġ li huwa magħruf aħjar bħala Baghdad Bob, li fl-2003 kien jindirizza konferenzi stampa biex jirrakkonta dwar kif il-kbir Saddam Hussein kien qed ikisser lill-għedewwa alleati li kienu qed jinvadu lill-Iraq. Kien iħarref li ajruplani Britanniċi u Amerikani kienu qed jitwaqqgħu u li l-armata Iraqqina kienet qed tagħmel rebħiet kbar fuq l-għadu. U meta mill-uffiċċju tiegħu kienu nstemgħu ħsejjes ta’ bombi niżlin fuq Baghdad, kien qal li dan ma kien xejn ħlief nar tal-festa li ġie sparat biex tiġi ċelebrata r-rebħa kbira ta’ Saddam.

Issa l-verità hi li Saddam kien diġà mar jinħeba’.

Faċli li tilgħab bid-diskors. Iżda ma tistax tbiddel ir-realtà bid-diskors biss.