Maurice Mizzi m’għadux il-gwardjan tal-ġenerazzjonijiet tal-futur. Titlu vojt li fil-fatt ma jfisser xejn. Għalkemm kien ġie maħtur bħala għassies b’ittra mingħand Josè Herrera, jien qatt ma rajtu jgħasses xejn.

Dan huwa is-sinjurun li m’għandux ħwejjeġ biex jehda ħlief li joqgħod isemmagħlna l-fehmiet preġudikati u bigotti tiegħu filwaqt li jitmaxtar fit-tifħir tal-gvern li jiffinanzja u fl-istess waqt igawdi mill-indifferenza totali tal-gvern lejn ir-responsabbiltajiet li għandu biex, per eżempju, iħares l-interessi tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Maurice Mizzi spiċċa biex warrab minn din il-kariga mingħajr ma ndenja ruħu jammetti li l-fehmiet razzisti, islamofibiċi, reazzjonarji u iżolazzjonisti li għandu m’humiex biss bla bażi iżda, fir-rwol li kellu, saħansitra qarrieqa. Il-fehmiet tiegħu mhux biss huma inaċċettabbli f’soċjetà demokratika msejsa fuq id-drittijiet tal-bniedem mingħajr diskriminazzjoni bażata fuq reliġjon jew razza. Jagħtu wkoll eżempju ħażin li qatt m’għandu jingħata minn min għandu kariga pubblika.

Iżda dan l-għaref ma tantx ħabbel rasu. Warrab għaliex l-islamofobija li għandu kienet sors ta’ “inkwiet” għall-gvern.

Madankollu nsista li l-kummenti li għamel saru “fl-aħjar interess tal-gżejjer tagħna u ta’ min qed igħix fihom bħalissa” u li “kellu f’moħħu lil uliedna, lil ulied uliedna u dawk it-tfal li għad iridu jitwieldu”.

Imbagħad, b’mod mill-aktar ċiniku, staqsa “x’inhuma jagħmlu dawk il-ftit li kkritikawh biex igħinu lil dawn l-immigranti”.

Jekk dawn il-“ftit” m’huma jagħmlu xejn aktar, ċertament qiegħdin igħinu lill-immigranti bil-kritika għal Maurice Mizzi u għall-bigottiżmu li għandu. Bigottiżmu li jagħlaq għajnejh għat-tbatija ta’ min ikun qed jegħreq f’nofs baħar, għat-tbatija ta’ dawk li jintbagħatu lura lejn il-Libja biex igħixu ta’ lsiera jew għat-tbatija ta’ dawk li s-suldati jisparaw fuqhom bl-addoċċ.

Maurice Mizzi qal li rċieva “mijiet ta’ emails u ta’ telefonati” bi kliem ta’ appoġġ għall-fehmiet li jħaddan dwar ir-razza u r-reliġjon. Nafu li m’intix waħdek meta tmur tgħid li “l-Musulmani ma jinbidlux”. Stqarrija preġudikata u bigotta bħal din qed issir moda.

Lil kull min ikkritikah – u jien għandu l-unur ngħid li kont wieħed minnhom – Maurice Mizzi għajjarhom ipokriti.

Jista’ jkun ukoll.

Iżda bi kliemu Maurice Mizzi jkompli jitfa’ l-ħatab tal-biżgħat u tal-preġudizzji fin-nar ta’ wħud fost il-poplu li mhux biss bilkemm qatt ġew wiċċ imb’wiċċ “mal-oħrajn”, iżda li huma beżgħanin li jittiħdulhom xogħolhom u djarhom bħala riżultat ta’ invażjoni li teżisti biss fl-immaġinazzjoni tagħhom. Minħabba dawn il-biżgħat, kliem Maurice Mizzi jaf jinżlilhom għasel.

Hu stess m’għandux minn xiex jibża’, hux hekk? Ma nagħmlux mod li qed ilesti partijiet mill-ġonna u mid-djar li għandu biex jiġu akkomodati is-sezzjoni l-fqira “ta’ dawk li fil-preżent qed jgħixu fil-gżejjer tagħna” biex huma wkoll igawdu minn biċċa minn ġidu? X’qiegħed jagħmel biex igħinhom? Ipaċpaċ biss u jitfa’ l-ħatab fin-nar tal-biżgħat tagħhom?

Min hu l-ipokrita issa?

Issa, Sur Gvern, jekk bi ħsiebek taħtar gwardjan għall-ġenerazzjonijiet futuri jekk jogħġbok għażel lil xi ħadd li mhuwiex rgħib. Ma tantx għandi tama qawwija. Wara kollox, il-ħatra li kont għamilt hi riżultat tar-regħba tiegħek.