Jekk għadek ma qrajtx “l-ispjegazzjoni” ta’ Jean Pierre Debono għamel dan qabel taqra’ dan li-ġej. Huwa għamel ċaħdiet u ħareġ bi skużi u ttanta jispjega – jien xandart dak kollu li kiteb għaliex huwa ġust li wieħed ikun jaf il-verżjoni tiegħu x’inhi.

Iżda l-bużillis jinsab hawn. Il-kredibilità tal-“apoloġija” ta’ Jean Pierre Debono hi msejsa fuq l-konklużjoni li aħna lkoll bħaħan.

Hekk sirna fil-politika – politiċi jogħxew bil-ħila tagħhom li jħaddmu s-setgħa fuq in-nies – jiġifieri aħna – bħallikieku dawn huma xi ngħaġ li jeħtieġ li jinħalbu u li jiġu skarnati.

Il-Partit Nazzjonalista lanqas in-nies tiegħu stess m’għadhom ifittxu li jisimgħu dak li jkun irid igħid. Dan għaliex tant qed joħroġ b’kontradizzjonijiet, inkonsistenzi u gideb sfaċċat li kważi kważi rrinunzja għar-rwol tiegħu li jfassal il-fehmiet, li joħloq ir-reazzjonijiet u li jixpruna d-dibattiti.

Segwejt xi membri parlamentari jwieġbu l-mistoqsijiet ta’ Jacob Borg tat-Times of Malta – membri parlamentari li jemmnu fis-sewwa — Jason Azzopardi, Claudette Buttigieg, Beppe Fenech Adami u Chris Said. Iżda dawn ukoll jinsabu wisq mifnija, wisq imbeżżgħin u wisq konfużi biex jesprimu fi kliem dak li verament jinsab f’moħħhom.

F’mument minnhom, Jacob Borg lil Chris Said staqsieh jekk il-PN jistax ikompli b’Adrian Delia fit-tmun. Chris Said  wieġeb, “għaliex le?”

Għaliex le? Trid it-tweġiba l-qasira jew dik twila? Trid tiġbed linja bejn dakinhar li Delia tfaċċa fix-xena b’dak id-diskors dwar il-biċċa blogger u l-preżent? Jew tippreferi d-diskors li qal dalgħodu meta kien qed jitħaddet bħallikieku l-fatti ma jeżistux u waqt li lil tal-MaltaToday qalilhom li “jinsab kważi assolutament ċert”  – min jaf x’ried ifisser b’din il-frażi? –, li ma kienx hemm tbagħbis minn naħa ta’ Jean Pierre Debono fl-attentat tiegħu li jakkwista siġġu parlamentari?

Lil Chris Said se ntiħ raġuni waħda biss għala Adrian Delia m’huwiex kapaċi jmexxi: huwa tellef il-fiduċja li kellhom fih dawk ta’ madwaru, tal-grupp parlamentari u tas-segretarju ġenerali, tal-impjegati tal-partit u tal-uffiċjali, tal-kandidati u ta’ dawk li ġew eletti, tal-elettorat, tal-attivisti u ta’ dawk li jipprotestaw.

Lanqas għal ġurnata oħra m’għandu jibqa’ f’postu.

Jean Pierre Debono illum wera’ li kien inqabad f’nasba li kien ħejja huwa stess u mbagħad ipprova jbenġilha. Intebaħ f’moħħu li l-uniku mod kif jista’ jibqa’ jterraq fil-wiċċ huwa permezz tar-rinunzja tiegħu tas-siġġu parlamentari.

Għaliex dik hija l-aktar ħaġa mportanti, hux hekk? Li jibqa’ jimraħ fil-wiċċ. Li jibqa’ jkollu l-iskrivanija fl-uffiċċju tiegħu fid-Dar Ċentrali fejn ikun jista’ joqgħod jikkonkoffa u jimmanuvra dwar il-mod kif ikun jista’ jirbaħ it-taqtigħiet tal-immaġinazzjoni tiegħu.

U għaliex jinsab imkaħħal ma’ kariga li m’huwiex lest jitlaqha minn idejh, il-PN – li suppost qiegħed hemm biex iġib ruħu ta’ oppożizzjoni għall-gvern ta’ Joseph Muscat – issa sar il-post tal-kenn ta’ Jean Pierre Debono u ta’ Adrian Delia.

L-ittra ta’ Jean Pierre Debono qrajtuha. Fiha jsemmi kemm kien idum jaħdem sa tard bil-lejl u li saħansitra ma’ tħallasx għal xhur sħaħ. Isemmi wkoll id-dispjaċir tiegħu għall-fatt li m’huwiex ser jokkupa siġġu parlamentari li għadu jippretendi li huwa tiegħu.

Iżda ma jsemmi xejn dwar ir-rwol tiegħu ta’ impjegat tal-PN u “konsulent politiku prinċipali” ta’ Adrian Delia. Ma semma’ xejn li bi ħsiebu jirrinunzja għal dan ir-rwol.

U lanqas ma semma’ li Adrian Delia talbu jwarrab għaliex m’hemmx persuna oħra li tkun lesta tidħol għal dan ix-xogħol.

B’ċikka, din l-istorja dwar David Stellini/Kevin Cutajar reġgħet ġabitna wiċċ imb’wiċċ mal-marda li teżisti fi ħdan il-PN. Din il-marda kienet diġà tfaċċat b’mod drammatiku dakinhar li Adrian Delia daħħalha f’rasu li jqalfat lil Simon Busuttil ‘il barra mill-partit.

Meta mbagħad Adrian Delia daqq l-irtirata, kulħadd għadda biex jipprova jgħatti l-marda b’liżar.

Issa l-marda reġgħet tfaċċat u minn dakinhar kompliet tinfirex. B’ċikka l-liżar li kien qed jgħatti l-marda tgeżwer u,  wara tmiem il-ġimgħa mimlija tensjoni, erġajna lura għal fejn konna nhar il-Ġimgħa li għaddiet. U l-PN issa jridna nerġgħu ngħattu l-marda bil-liżar u nibqgħu għaddejjin bħallikieku ma ġara’ xejn.

Nhar il-Ġimgħa li għaddiet ħarġu r-riżultati kollha tal-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali. Il-PN ġab l-iżgħar perċentwali ta’ voti f’50 sena u ġenerazzjoni sħiħa ta’ mexxejja tidher li għebet.

Hawn min jgħid li s-sitwazzjoni tista’ titranġa. J’Alla jitranġa kollox b’wiċċ il-ġid.

Imma min ser jagħmel l-ewwel pass?