Giddibin huma dawk li jixlu lill-ġurnalisti bit-tixrid tal-fake news. U dawk li jkunu fgati f’demmhom minħabba l-imrar u l-mibgħeda x’aktarx ikunu l-istess persuni li jixlu lil ġurnalisti bit-tixrid tal-mibgħeda.

Frank Portelli għandu mit-tnejn.

Dakinhar li ddeċieda li jtellaq fit-tiġrija bħala kandidat għal Kap tal-PN, ma nista’ qatt ninsa’ d-dieqa li ħassejt meta, b’mod mill-aktar drammatiku, rema’ biċċa karta minn idu biex jemfasizza li, bħal Daphne Caruana Galizia, dik il-karta kienet ser tispiċċa fil-qiegħ nett tal-miżbla tal-istorja. Il-kliem mimli velenu li għoġbu jlissen dakinhar ma jintesiex malajr.

Frank Portelli qatt ma kellu l-iċken ċans li jirbaħ it-tellieqa tal-2017 għat-tmexxija tal-PN iżda, mill-erba’ kandidati li kkontestaw, x’aktarx li kien l-aktar kandidat li ġie stimolat bis-saħħa ta’ dik l-elezzjoni. Il-kandidatura tiegħu tagħtu ċerta leġittimità u pinġietu bħala bniedem li għandu aspetti oħra fil-karattru tiegħu minbarra wieħed mimli bil-qrusa tal-imrar u nkoerenti li ma akkwista xejn f’ħajtu ħlief stat ta’ falliment. Ilu miż-żmien li l-Isptar San Filippu kien kostrett li jagħlaq għal kollox jipprova jsib tarf tad-dejn kbir li kien għamel. U kulma għamlet Daphne Caruana Galizia kien li kkonfermat dak li l-pajjiż kollu kien diġà jaf bih, jiġifieri li Frank Portelli jinsab mgħobbi b’dejn enormi.

Iżda meta tal-PN kienu aċċettaw il-kandidatura tiegħu, dawn ippermettewlu li jagħmel tabirruħu bħallikieku ma’ kien hemm xejn umiljanti jew tal-mistħija fl-imġieba tiegħu. U minn dakinhar ‘l hawn, Frank Portelli ħadha bħala drawwa li jigdeb u jlissen diskors mimli velenu dwar s-suġġetti numerużi tal-mibgħeda tiegħu. Għoxrin xahar wara l-assassinju tagħha, għadu ffissat bil-kbir fuq Daphne Caruana Galizia.

Din il-ġimgħa kiteb fil-Facebook li dawk li kienu jgħaddu informazzjoni lil Daphne huma responsabbli għall-qtil tagħha. Nistaqsi: x’provi għandu dwar dan? Provi m’għandu xejn affattu. Dan donnu mingħalih li Daphne Caruana Galizia kienet ixxandar l-istejjer għaliex kienu jġiegħluha biex tagħmel dan. Min kien jipprova jġiegħlha tagħmel xi ħaġa kien jaf x’risposta kien jirċievi mingħandha. Bħal kull persuna oħra, Daphne Caruana Galizia kienet ukoll soġġetta għall-iżball. Iżda l-informazzjoni li kienet tiġbor ma kienitx ixxandru bl-addoċċ: b’reqqa kbira kienet tivverifika u tiċċekkja kollox. L-assassinju tagħha ma kienx ir-riżultat ta’ dan kollu. U l-għejjun li kellha m’għandhomx fuq xiex ikollhom indiema talli kienu tkellmu magħha dwar dak kollu li kienu jafu.

Frank Portelli m’huwiex kapaċi japprezza li ħadd m’għandu jiġi assassinat minħabba dak li jogħġbu jikteb jew għax ikun ingħata informazzjoni minn sorsi qabel jgħaddi biex ixandar.

Issa Frank Portelli anki fuqi ħadha drawwa li jxerred il-mibgħeda. Din il-ġimgħa kiteb li jien merċenarju li nippretendi li nitħallas għal dak li nikteb. M’għandix għal xiex noqgħod niddefendi lil nnifsi minn dan il-ħmieġ kollu. Nista’ ngħid li m’aċċettajtx reklamar ipprenotat minn qabel biex ħadd ma jaħseb li jista’ jinfluwenzani dwar dak li nikteb. Kien hemm każijiet fejn donazzjonijiet ta’ flus bgħatthom lura minn fejn ġew kull meta ssuspettajt li  d-donatur seta’ ppretenda li jeżerċita xi influwenza fuq kitbieti. Nista’ wkoll niġbed l-attenzjoni għall-fatt li dak li nikteb niktbu taħt ismi u dejjem nerfa’ r-responsabbiltà għal dak li nikteb.

Iżda l-punt li nixtieq nagħmel huwa wieħed mill-aktar sempliċi. Frank Portelli m’huwa xejn ħlief ċarlatan u ħadd m’għandu għalfejn iħallasni għal dan li għadni kemm ktibt. Kuntent li nikteb dan kollu mingħajr ma nitħallas. M’għandi ebda dejn ta’ sptar fallut x’niġbor biex nagħmel tajjeb għal dak li nikteb. U qatt ma xħedt lil ħadd f’qiegħ xi miżbla tal-istorja – għalkemm dan ikun post fejn Frank Portelli ċertament ikun jixraqlu li jinxteħet.