Ma jistax ma jiddispjaċinix għal Matthew Vella u għal Kurt Sansone li flimkien kitbu editorjal wara li l-kjass li nqala’ wara li tal-Lovin Malta kixfu li kumpannija tal-Malta Today, li sidha huwa d-direttur maniġerjali ta’ dan il-ġurnal, kienet tqabbdet biex tagħmel xogħol ta’ relazzjonijiet pubbliċi u ta’ reklamar għall-gvern dwar il-qtugħ tas-siġar fit-triq li hemm proġettata f’Ħ’Attard.

Din ma kienitx l-ewwel darba li fiha ġurnalisti tal-Malta Today sfaw imbarazzati mill-imgħallem bla sinsla li għandhom. Dakinhar li Daphne Caruana Galizia wriet li kellha l-provi f’idejha li, f’nofs ta’ lejl,  Saviour Balzan kien irċieva ordnijiet mingħand Keith Schembri kien jum ikraħ għalihom ilkoll.

M’għandniex għalfejn naqblu ma’ kull ma jinkiteb mill-ġurnalisti tal-Malta Today. Jien ċertament wieħed minn dawk li ma naqbilx ma kull ma jiktbu. Wara kollox, wieħed għaliex għandu bilfors jikteb biss dak li jdoqq għal widnejja? Madankollu nsibha diffiċli biex nemmen li persuni bħalma huma  Matthew Vella jew James Debono jew Kurt Sansone ser jaslu biex jiktbu rapporti fil-ġurnal tagħhom għax ikunu tħallsu baxx baxx minn x’imkien ieħor biex jiktbu b’ċertu mod.

Dan li għadni kemm ktibt ma jgħoddx għal Saviour Balzan.

Qabel l-elezzjoni tal-2013, meta kont għadni naħdem mal-gvern, Saviour Balzan kien avviċina kollega li kien jaħdem f’Ministeru ieħor u li dak iż-żmien kien taħt ċerta pressjoni minħabba artikli li kienu qed jixxandru fil-Malta Today (sa ċertu punt kellhom ftit tar-raġun). Balzan kien qallu li lest itaffi l-ħruxija tal-irrappurtar ta’ stejjer fil-ġurnal tiegħu kemm il-darba jiżdied in-numru ta’ riklami mħallsa mill-Ministeru għall-ġurnal tiegħu. Il-kollega tiegħi jiftakar il-kliem eżatt li kien qallu: “jeħtieġ tħallas jekk tridni nżomm is-skiet”.

Il-kollega tiegħi ma kienx imdorri jinnegozja mat-terroristi u s-“skiet” li kien għall-bejgħ kien kaħħlu ma’ wiċċ Saviour Balzan. U talli għamel hekk, bdiet kampanja selvaġġa ta’ kritika nġusta kontra l-kollega tiegħi u dan biex dan ipatti għall-fatt li kien irrifjuta li jonfoq flus pubbliċi biex jinxtara’ s-skiet.

Il-gvern preżenti ma jbatix minn skrupli bħal dawn. Il-fibra morali ta’ dan il-gvern lanqas biss teżisti.

Dan huwa l-mod kif jittantaw li jimmanipulawk dawk li ripetutament jixlu lil ħaddieħor b’aġendi moħbija.

Il-bieraħ fuq il-website tagħhom Matthew Vella u Kurt Sansone beżgħu li setgħu ġew impinġija bħallikieku kienu merċenarji li jiktbu bil-mod li jiktbu għax imħallsin biex jagħmlu dan. Lil tal-Lovin Malta, li kienu huma li ħarġu b’din l-istorja, qalulhom li ċertament huma ma jiktbux b’tali mod għax ikunu tħallsu minn dawk li jinkitbu stejjer dwarhom.

Iżda l-verità hi li dan ma jgħoddx għal Saviour Balzan li m’huwiex merċenarju daqs kemm huwa  estorsjonist.

Lill-klijenti tiegħu tat-Transport Malta mhux bi ħsiebni npinġihom bħala l-vittmi tiegħu. Jekk xejn, dawn huma kompliċi miegħu. U l-impatt huwa ħafna akbar minn kull influwenza oħra li seta’ kien hemm fuq il-linja li ttieħdet mill-Malta Today.

Matthew Vella u Kurt Sansone jaslu biex jammettu li, minkejja kull sforz li jkollhom il-ħila li jagħmlu, it-TVM jilħaq numru ħafna akbar ta’ persuni milli qatt jistgħu jilħqu l-ġurnali tagħhom.

Nhar il-Ġimgħa li għadda fuq it-TVM rajna lil Saviour Balzan “jintervista” lill-klijent tiegħu Frederick Azzopardi li, għan-nom tal-gvern, huwa l-“wiċċ” tal-proġett tal-qtugħ tas-siġar.

Preżenti għall-“intervista” kien hemm biss Balzan u Azzopardi. L-“intervista” xotta u kajmana kienet tixbah lil dik li Balzan kien għamel lil Konrad Mizzi. Ma nafux kemm tħallas għal din l-“intervista”: nafu biss li wieħed minn dawn it-tnejn huwa ħalliel. Ieqaf aħseb ftit fuq dan li għadni kemm ktibt.

Skont il-liġijiet tax-xandir, l-“intervista” li Saviour Balzan għamel lill-qerried tas-siġar Frederick Azzopardi minnha nnifisha kienet żbilanċjata għall-aħħar. Il-liġi tipprovdi li, meta jkun hemm kwistjonijiet ta’ kontroversja pubblika, x-xandir nazzjonali għandu jassigura li jkun hemm bilanċ: jiġifieri huwa fid-dmir li jxandar il-fehmiet kemm ta’ dawk favur kif ukoll ta’ dawk li huma kontra. Minflok bilanċ, ma’ wiċċna ċappsulna lil Frederick Azzopardi li – hu u jindilek bix-xama’ minn Saviour Balzan – ittanta jbellagħhielna li l-proġett tal-qtugħ tas-siġar u tat-twessiegħ tat-toroq huwa wieħed favur l-ambjent.

Hekk kif tintebaħ li dak li kien qed jagħmel l-intervista lir-rappreżentant tal-gvern huwa mħallas mill-istess gvern, tisħajjlek tiżfen f’nofs xena ta’ xogħol letterarju ta’ George Orwell.

Li kieku l-Awtorità tax-Xandir kellha ttajjar in-ngħasa li bħalissa tinsab fiha, lil Saviour Balzan kienet tordnalu jwarrab mill-programm tiegħu stess u kienet tagħti l-istess ammont ta’ ħin lil rappreżentanti ta’ dawk li organizzaw il-protesta ta’ nhar il-Ħadd li għadda biex isemmgħu fehmithom dwar is-Central Link project.

Matthew Vella u Kurt Sansone assigurawna li kemm il-darba jkollhom nuqqas ta’ qbil ma’ Saviour Balzan dwar il-kontenut tal-linji editorjali. Ma naħsibx li jkun ġust jekk nitfa’ xi dubju dwar is-sinċerità tagħhom f’dan ir-rigward. Dak li għaddew minnu huwa ħafna agħar minn dak li kienu għaddew minnu u dak li ħassew ġurnalisti tat-Times of Malta meta d-direttur maniġerjali tal-Allied Newspapers, Adrian Hillman, kien inkixef li kien ixxaħħam minn Keith Schembri, chief of staff ta’ Joseph Muscat.

Saviour Balzan m’huwiex id-direttur maniġerjali tal-Malta Today group, iżda huwa l-editur maniġerjali. Anki jekk huwa minnu – kif qed jallega – li huwa ma jiħux deċiżjonijiet marbuta mal-kontenut tal-editorjali, fil-prattika qed ikollu xi jgħid magħhom dwar il-kontenut tal-editorjali li suppost m’għandux ikollu x’jaqsam magħhom ġaladarba huwa mħallas biex jieħu ħsieb ir-relazzjonijiet pubbliċi.

U minkejja dan kollu jibqa’ jippoża ta’ ġurnalist, saħansitra anki fuq ix-xandir nazzjonali.

Dan lanqas ma tista’ ssejjaħlu inċest daqs kemm tista’ ssejjaħlu awto-sodomija.

Saviour Balzan innifsu huwa prova u eżempju tal-attakk fuq ix-xandir ħieles f’Malta u l-gvern sab l-opportunità biex jisfrutta l-karattru korrott tiegħu. Il-gvern, minflok jibgħat il-ġurnalisti l-ħabs, sab mezz biex iżiegħel bis-sidien tal-ġurnali permezz tat-tixħim. 

U fil-frattemp, ġurnalisti onesti mħallsa miżerjament u mifnijin bix-xogħol u li moħħhom biss biex jagħmlu dak li hu sewwa, qed ikollhom jiffaċċjaw battikata wara l-oħra biex jiżguraw li xogħolhom jiġi mxandar.

Il-ġurnalista tal-Malta Today li b’saħħa kien ċaħad li l-libertà tal-istampa f’Malta tinsab taħt attakk huwa Raphael Vassallo. Min jaf, forsi issa se jkun lest li jirrevedi l-pożizzjoni tiegħu hekk kif jintebaħ li l-imgħallem tiegħu, Saviour Balzan, ma kienx qed jaqbeż għall-gvern ta’ xejn?

Anki jekk ma jintebaħx bihom mill-ewwel, kull fejn iħares jara l-ħallelin.

Araw fejn hu wieħed minnhom.