Atmosfera serena

By
2019-07-11T09:23:48+02:00Thu, 11th Jul '19, 09:23|0 Comments

Agħtu daqqa t’għajn lill-intervista li Herman Grech dalgħodu għamel lil Louis Galea fuq timesofmalta.com. Hemm ħafna x’wieħed x’jixtarr dwar din il-konversazzjoni.

Bi ħsiebni nitkellem fuq aspett wieħed.

Louis Galea għamel trietaq mill-argument li ta’ sikwit nisimgħu mingħand dawk li jaqbżu għal Adrian Delia: il-fatt li ġie “elett mit-tesserati” m’huwiex daqstant importanti. Il-biċċa l-kbira tat-tesserati huma biss spettaturi u l-għażla tal-kap permezz ta’ votazzjoni mit-tesserati twassal għal aktar firda.

Il-bieraħ Newsbook irrapporta li waħda mill-ewwel inizjattivi li ħa Louis Galea kienet li jrażżan il-manigoldi li ħaduha drawwa li fuq l-internet igħajjru lil kull min jesprimi fehmiet li m’humiex għal kollox konsistenti mad-domma tad-dritt divin li għandu Adrian Delia li jirrenja fuq il-PN. Din ma kienet xejn ħlief daqqa ta’ ħarta oħra lill-awtorità li fadallu il-kap tal-PN. Fi żminijiet ta’ kriżi – u kien hemm bosta minn dawn – kien Adrian Delia li serraħ fuq l-appoġġ ta’ dawn il-manigoldi. Dawn jagħmlu parti minn minoranza voċifera li ma jaħsbuhiex darbtejn biex iheddu u jagħmlu l-arja ma’ ħafna minn dawk li ħajjithom iddedikawha għall-PN u li jiġġustifikaw l-imġieba tagħhom bis-saħħa tal-elezzjoni ta’ Adrian Delia mit-tesserati. Dawn ta’ sikwit jiftakru fl-għajta ta’ Adrian Delia qabel sar Kap li “jeħtieġ li l-partit jintradd lura lill-partitarji”.

Minn dakinhar ‘hawn, dawn inħakmu minn ossessjoni li l-mexxejja ta’ qabel kienu qed jippjanaw li jerġgħu jaħtfu lill-partit u li jwarrbu l-mexxej li kienu għażlu huma. U minħabba din il-paranoja, feġġ renju ta’ terrur.

Louis Galea għamel użu minn kliem diplomatiku meta stqarr li jeħtieġ li tintradd lura s-serenità. F’dan l-aħħar żmien, intilfet ħafna aktar mis-serenità. Li jeħtieġ li jerġa’ jintradd lura huwa s-sens komun. Inevitabilment, daħal ċertu sens ta’ ottimiżmu fost dawk li lill-Partit iħobbuh b’mod sinċier. B’kuntrast man-nuqqas ta’ ħila ta’ Adrian Delia, Louis Galea libes żarbun li ġieħ mill-ewwel u bosta kienu dawk li ħassew li ħadu r-ruħ grazzi għal dan l-iżvilupp. Iżda dan l-ottimiżmu mhux biss m’huwiex ġustifikat, iżda huwa perikoluż ħafna. Ħafna aktar perikoluż mill-intimidazzjoni u t-theddid li attivisti tal-partit qed isibu ma’ wiċċhom kuljum. Għaliex iwassal għal sens ta’ sigurtà u ta’ normalità falza.

Ippermettuli nispjega ftit.

Jekk wieħed jistaqsi lil dawk li minn dejjem ivvotaw PN dwar x’jaħsbu li kienet l-aqwa deċiżjoni li kien ħa Alfred Sant meta kien mexxej Laburista, x’aktarx li t-tweġiba tkun waħda unanima: hekk kif ħa r-riedni tal-Partit kmieni fis-snin  disgħin, wettaq dak li bosta kienu ħasbu li kien impossibbli li jwettaq u rnexxielu jdabbar l-irjus tal-manigoldi li għal bosta snin kienu mdendlin ma’ djul politiċi bħal Wistin Abela u Lorry Sant. Sa dakinhar, ħafna kienu dawk fi ħdan il-Partit Laburista li kienu jemmnu li l-Partit ma setax ikampa mingħajr dawn il-manigoldi li wħud minnhom kienu saru leġġendarji – bħalma kienu l-Qattus, it-Toto’, il-Qaħbu  u l-bqija.

Sakemm feġġ Alfred Sant fil-quċċata tal-Partit Laburista, tal-PN kienu ħaduha drawwa jirrepetu l-frażi li “tal-Lejber ma jinbidlux” u li l-vjolenza politika kienet saret ħaġa waħda man-natura tagħhom. M’għandniex xi ngħidu, il-PN ma kellu ebda storja ta’ vjolenza politika, għalkemm tal-Labour ġieli għamlu sforz biex ipinġu lill-PN mod ieħor speċjalment kull meta partitarji Nazzjonalisti kienu jirrifjutaw li joqgħodu għas-swat billi jiddefendu lilhom infushom.

X’fettilli qed nikteb dwar dak li kien seħħ 25 sena ilu? Għamilt dan għaliex dawk li f’dawn l-aħħar xhur sfaw vittma tal-intimidazzjoni li seħħet bil-barka tal-mexxej tal-PN, bħalissa qed jifirħu bil-fatt li lill-manigoldi issa qalulhom biex iżommu ‘l bogħod mid-Dar Ċentrali. Hi ħaġa tassew tal-iskantament li, fl-isfond tal-fatt li t-theddid u l-intimidazzjoni tant saru l-ordni tal-ġurnata, li l-fatt li issa ttieħdu l-passi meħtieġa qed jiġi kunsidrat bħala aħbar tajba.

Is-serenità u l-kalma li jrid iġib Louis Galea jservu biss bħala droga jekk dawn iwasslu biss biex fil-Partit tinżamm l-istatus quo. Ta’ xejn tibla’ l-kalmanti int u nieżel mill-preċipizzju għal isfel. M’hemmx dubju li jkun aħjar jekk, huma u jattendu l-Kunsill Ġenerali lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar, il-Kunsilliera tal-PN jkunu sereni għax ma jkunux maħkumin mill-biża’ frott it-theddid. M’għandhomx għalxiex iħossuhom grati għan-nuqqas ta’ theddid jew tal-vjolenza.

Il-mistoqsija li ser ikollhom iwieġbu ma nbidlitx: Adrian Delia jimmeritah li jibqa’ kap tal-partit? Ċertament li le. Ir-raġunijiet kollha li jimmilitaw kontra l-konferma tiegħu hemm baqgħu.

Tal-aħħar. Hu u joħloq atmosfera b’riżq riflessjoni serena, Louis Galea qiegħed jindirizza waħda mill-biżgħat importanti tal-Kunsilliera meta dawn kellhom jiddeċiedu għandhomx jesprimu ruħħom u jgħidu li Adrian Delia huwa fid-dmir li jerfa’ r-responsabbiltà. X’se jiġri jekk idabbar rasu? L-affarijiet ser imorru minn ħażin għall-agħar? Le. M’għandhomx jittieħdu deċiżjonijiet mgħaġġlin. Iżda dan ma jfissirx li m’għandhom jiġu ffaċċjati r-realtajiet. Il-membri tal-Kunsill Ġenerali jkun jeħtieġ li jiftakru min kien dak li ħoloq is-sens ta’ biża’; min kien dak li ħeġġeġ lill-manigoldi; min kien dak li organizza t-trolls; min kien dak li ħoloq il-fake profiles; min kien dak li għamel konfoffa mal-midja tal-Labour; min kien dak li ġab din il-firda kollha.

Għaliex issa teżisti ċerta pawsa ma jfissirx li dak li kien responsabbli għandu jgħaddiha lixxa. Jekk jitħalla jgħaddiha lixxa, d-diżgwid li kien hemm jerġa’ jerfa’ rasu.

Il-persuna responsabbli m’hi ħadd ħlief Adrian Delia.