Il-gvern fl-aħħar ċeda u ntebaħ li ma setax ikompli jirreżisti t-tnedija ta’ inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan wara li għaddew 20 xahar ta’ pressjoni pubblika, wara li l-familja tagħha rebħet kawża fil-qorti dwar aspett ieħor tal-klawsola in kwistjoni tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, wara li għaddiet riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, wara li matul sena sħiħa saret kampanja madwar id-dinja mill-NGO’s ewlenin dwar il-libertà tal-kelma, wara li saret petizzjoni minn uħud minn kittieba letterarji ewlenin minn madwar id-dinja, wara li nkitbu editorjali f’uħud mill-ġurnali ewlenin tad-dinja, wara li saret kampanja minn wara l-kwinti fost gvernijiet simpatizzanti f’pajjiżi oħrajn, wara li saru protesti regolari fi Triq ir-Repubblika u wara li wlied Daphne Caruana Galizia daru d-dinja u tkellmu favur it-twettiq tal-ġustizzja ma’ ommhom.

Meta ftit ġimgħat ilu Kurt Farrugia kiteb lil ġurnalista biex igħidilha li ma jaħsibx li Daphne kienet ġiet assassinata, il-gvern kompla jogħdos ‘l isfel fil-ħama u, mingħajr ma ried, wera’ kemm fil-fatt huma minnhom il-veritajiet li l-gvern tiegħu qed jagħmel minn kollox biex jostor.

Meta ġurnalista tinqatel, tbati d-demokrazija. U d-demokrazija li għandna lanqas biss ingħatat l-opportunità li tgħarbel ir-raġunijiet għala tħalla jseħħ dan l-assassinju u dwar jekk tinħassx il-possibilità li qtil bħal dan jerġa’ jseħħ. Il-gvern farfar ir-responsabbiltà li jassigura li l-Istat jiġi mġiegħel jagħmel sensiela ta’ mistoqsijiet lilu nnifsu.

Lill-Istat ma stajniex nistaqsuh setax għamel aktar biex jevita l-assassinju u biex insiru nafu il-gvern kienx interessat jew le jitgħallem mill-iżbalji.

Fid-dawl tar-riżultati tal-investigazzjonijiet – fejn għandna tliet akkużati li għad narawhom jiġru barra bil-libertà proviżorja għar-raġuni li l-att tal-akkuża għadu ma ġiex preżentat u m’hemm ebda ħjiel dwar l-identità ta’ min qabbadhom biex iwettqu d-delitt – għadna ma fhimniex jekk tassew sarux l-isforzi kollha meħtieġa biex jinstabu t-truf kollha.

Il-gvern tagħna farfar mir-responsabbiltà li jgħarbel lid-demokrazija tagħna biex ikun jista’ jifhem aħjar in-nuqqasijiet tagħha.

M’għandniex xi ngħidu, il-mod li bih tkellem Carmelo Abela llum hu u jħabbar l-inkjesta bħallikieku ried ifakkarna li xi darba l-imgħallem tiegħu kien qal li l-Inkjesta Pubblika kienet ser issir, ma jwassalx biex jinstab tarf tal-kwistjoni. Għadna biss fil-bidu.

Iżda jekk il-gvern bi ħsiebu jaħtar xi Philip Sciberras ieħor biex jikteb rapport li jispiċċa biex jitfa’ t-tort tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia fuqha nnifisha għaliex “jaħasra, stednitha b’idejha”, ikollna konferma oħra li l-unika ħeġġa li għandu l-gvern hi li jgħatti xturu jew xtur ħaddieħor.

L-inkjesta pubblika għandha tingħata s-setgħa li tgħarbel b’mod dettaljat l-imġieba tal-gvern u ta’ awtoritajiet oħrajn fis-snin qabel seħħ l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u minn dakinhar tal-assassinju ‘l hawn.

L-inkjesta għandu jkollha s-setgħa li tisma’ l-provi fil-pubbliku. M’għandhiex tkun limitata għal xi ġrajja’ speċifika jew għal xi ċirkostanzi speċifiċi iżda għandha tkun ħielsa li titkixxef dwar kollox u dan biex tkun tista’ tifhem aħjar iċ-ċirkostanzi li huma rilevanti dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Għandu jkollha s-setgħa wkoll li tgħarbel:

(1) l-imġieba tal-Istat matul dak iż-żmien,

(2) il-kuntest wiesa’ tal-libertà tal-istampa u tas-saltna tad-dritt f’Malta,

(3) kemm kienu effettivi l-azzjonijiet li kienet ħadet il-pulizija,

(4) il-konsegwenzi tal-fatt li l-gvern ried bilfors lil Silvio Valletta biex imexxi l-investigazzjoni,

(5) kienx hemm biżżejjed koperazzjoni ma’ aġenziji barranin tal-infurzar u jekk din il-koperazzjoni ġietx b’xi mod limitata,

(6) it-tħaddim ta’ politika dwar il-ħarsien tal-ġurnalisti u dwar kif din intlaqtet, eċċetra.

L-inkjesta pubblika għandu jkollha s-setgħa li tirċievi informazzjoni mingħand kulħadd – individwi jew għaqdiet – jekk dawn iħossu li jistgħu jikkontribwixxu b’riżq it-tfittxija tal-verità u għandha tisma’ x-xhieda ta’ kull min għandu x’jikkontribwixxi. Il-proċess għandu jixxandar fuq il-mezzi tax-xandir.

Il-konklużjonijiet tal-inkjesta għandhom jixxandru u dawn għandhom jinkludu analiżi dettaljata sabiex inkunu nistgħu nifhmu aħjar x’ġara’ u għaliex seħħ dak li seħħ. Għandha tinkludi wkoll rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet li jeħtieġ jittieħdu mill-gvern.

U biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-inkjesta għandha titmexxa’ minn persuna jew minn grupp ta’ persuni b’kredenzjali ta’ integrità. Dawn jeħtieġ li jkunu persuni b’esperjenza fil-qasam tal-liġi kriminali u f’dak li hu infurzar tal-liġijiet. Jeħtieġ ukoll li jkunu jifhmu fl-oqsma tal-amministrazzjoni pubblika, tal-libertà tal-kelma u tal-ġurnaliżmu. Dawn ma jistgħux ikunu nies benvisti mill-gvern: għandhom ikunu imparzjali, indipendenti u oġġettivi u għandhom ukoll jidhru li huma hekk b’mod partikolari minn dawk li batew l-aktar minħabba dan l-att ta’ vjolenza: jiġifieri l-membri tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.

Għar-riżorsi tagħha, għall-awtorità amministrattiva, għal-libertà tagħha li ssejjaħ xhieda u għall-infurzar tal-ordnijiet tagħha, l-inkjesta m’għandhiex tiddependi mill-pulizija jew mill-avukat ġenerali.

U meta l-gvern jirrifjuta li jxandar kwalsiasi informazzjoni li jkollu f’idejh bl-iskuża tal-investigazzjoni kriminali jew tas-sigurtà nazzjonali, l-inkjesta għandu jkollha s-setgħa li tikkontesta dan ir-rifjut fil-qorti jew li jkollha s-setgħa li tiċħad ir-rifjut tal-gvern.

Jekk ikun hemm xhieda li jirrifjutaw li jwieġbu għall-mistoqsijiet li jsirulhom jew li jirrifjutaw li jidhru wara li jkunu ssejjħu bl-iskuża li ma jkunux iridu jinkriminaw ruħħom, dan il-fatt għandu jiġi dokumentat b’mod speċifiku u għandu jittieħed in konsiderazzjoni meta ssir l-analiżi finali.

L-inkjesta m’għandhiex tkun limitata biż-żmien u min ikun qed imexxiha u dawk li jkunu qed jassistuh għandhom jaħdmu fuq bażi ta’ full-time. Is-smiegħ tax-xhieda għandu wkoll ikun regolari.

Dawn huma biss il-ħsibijiet tiegħi. M’ghandix dubju li jeżistu kunsiderazzjonijiet oħrajn li s’issa għadhom ma’ ġewx f’moħħi. Il-gvern għandu jikkonsulta mill-qrib ma’ Pieter Omtzigt li huwa r-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa, mal-Kummissjoni ta’ Venezja, mal-GRECO, ma’ diversi NGO’s dwar il-libertà tal-kelma u mal-avukati tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia qabel jikkonkludi d-dettalji tat-termini ta’ riferenza u jiftaħ l-inkjesta.

Il-gvern għandu wkoll jara li l-inkjesta tissodisfa l-ħtiġijiet tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Peress li diġà nafu x’inhuma l-fehmiet tal-avukat ġenerali dwar dan is-suġġett, il-gvern jmissu jieħu parir minn min  tassew jifhem.

U għandu jagħmel dan issa. Mhux tliet xhur oħra.