Dalgħodu segwejt il-kummenti li ta’ Louis Galea fuq l-istazzjoni televiżiv tal-PN dwar l-inkarigu li ngħatalu ‘l bieraħ waqt laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv li fiha ġiet approvata proposta ta’ Adrian Delia biex huwa jiġi mqabbad biex ifassal programm ta’ riforma għall-PN.

Għandi x’ingħid mhux ħażin dwar dak li seħħ il-bieraħ iżda bi ħsiebni nidħol f’aktar dettall nhar il-Ħadd li ġej fis-Sunday Times of Malta.

Mhux bi ħsiebni ntawwal.

Louis Galea qed igħid li xogħlu se jkun li jġib l-għaqda, li jiftaħ il-bibien għal dawk kollha li jkunu jridu jikkontribwixxu u li jgħarbel u jirriforma l-istrutturi tal-partit sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu sostenibbli u biex b’hekk il-partit ikollu sisien sodi fuqhiex ikun jista’ jqum fuq saqajh. Il-mira hi waħda nobbli: il-PN jeħtieġ li jkun Oppożizzjoni b’saħħitha li tkun ta’ kontro-bilanċ għall-gvern b’riżq it-tisħiħ tad-demokrazija għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.

Kliemu kien meqjus. Ma tkellem b’ebda trijonfaliżmu dwar ir-rebħiet li l-partit għad irid ikollu. Lanqas ma qal li l-PN għandu jitbiegħed minn ma’ dawk li huwa ma jarax għajn m’għajn magħhom. Jew li dawk li għandhom jiġu kastigati dawk li m’huma qed juru ebda entużjażmu.

Tkellem dwar l-għaqda. Ma tkellmix dwar tkeċċijiet jew qtugħ ta’ rjus.

Louis Galea tkellem dwar is-saħħa li ġġib l-għaqda u mhux dwar il-kastigi.

Tkellem dwar il-ftuħ beraħ tal-bibien u mhux tat-tisbit tal-bibien f’wiċċ id-dissens.

Fi kliem ieħor, Louis Galea tkellem bl-istess manjiera li kien tkellem kull mexxej tal-PN dakinhar tal-elezzjoni tiegħu.

Bis-saħħa tal-inkarigu li huwa ta lil Louis Galea, Adrian Delia mingħajr ma ried, ammetta li huwa ma kellux il-ħila li jagħmel dak li suppost kellu jagħmel: jiġifieri li jirriforma l-istrutturi, li jiddjaloga ma’ dawk li ma jaqblux miegħu, li jorganizza r-riżorsi mill-ġdid u li jibni s-sisien ta’ Oppożizzjoni b’saħħitha.

F’leġislatura ta’ 5 snin, il-PN ma tantx dam biex għażel mexxej ġdid. Il-proċess inbeda’ f’Ġunju 2017 u sa Settembru l-Partit kellu mexxej ġdid. Wara li issa għaddew kważi sentejn, kulma rajna tfeġġ fil-PN kienet dagħdigħa ta’ estremiżmu lemini, ta’ ksenofobija u ta’ bigottiżmu.

Barra l-fatt li PN wera’ ruħu nieqes mil-lat ideoloġiku u strutturali u defiċjenti fil-qasam tal-tfassil tal-politika, t-tmexxija l-ġdida tal-Partit wriet ukoll li ma kellhiex il-ħila li taħseb b’mod strateġiku.

Minħabba l-imġieba tiegħu stess, Adrian Delia kemm il-darba sab ruħu dahru mal-ħajt. L-iktar taħwida riċenti kienet dik dwar il-vot ta’ fiduċja fil-Kunsill Ġenerali.

Issa li ntlagħbet il-karta “Louis Galea”, il-kwistjoni dwar l-eliġibilità ta’ Adrian Delia fit-tmexxija tal-partit ġiet posposta bi ftit xhur. Din il-karta taf tgħinu jibqa’ fil-wiċċ ikun x’ikun ir-riżultat tal-vot fil-Kunsill Ġenerali. Fil-frattemp, aħsbu ftit kemm saret ħsara sakemm wasalna sa dan il-punt.

Erbat ijiem biss wara li ħareġ ir-riżultat tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, Lawrence Gonzi pubblikament ta parir lil Adrian Delia biex jitlob vot ta’ fiduċja fil-Kunsill Ġenerali. Adrian Delia ma riedx jaf. U ftit wara smajna li kienet qed tiġi ċirkolata petizzjoni bil-għan li jiġi mġiegħel jitlob vot ta’ fiduċja. Ma riedx jaf b’din ukoll. Aktar tard, hekk kif ġiet preżentata l-petizzjoni, bdew ħerġin l-iskużi banali dwar il-validità ta’ wħud mill-firem. Fil-frattemp, ġiet ċirkolata petizzjoni oħra – li ġabet magħha l-periklu li taqsam lill-partit b’mod irrimedjabbli – li titlob li ssir kundanna lid-deputati tal-partit eletti direttament mill-poplu. Minflok waqqaf din il-petizzjoni, Adrian Delia kompla nkoraġġiha.

Meta mbagħad laqqa’ l-Kumitat Eżekuttiv, ta’ ġifa li hu evita li jitkellem dwar is-suġġett.

Iżda l-bieraħ, wara li dam jillużinga għal ġranet u ġimgħat sħaħ, Adrian Delia dar dawra durella u reġa’ lura għall-parir li kien tah Lawrence Gonzi: issa huwa stess ser isejjaħ Kunsill Ġenerali biex jittieħed vot ta’ fiduċja fit-tmexxija tiegħu.

L-ambigwitajiet li nħolqu ma jispiċċaw qatt. M’huwiex ċar jekk huwiex qed jistenna li jkollu maġġoranza ta’ 50%+1 favurih biex b’hekk ikun jista’ jgħid li żamm postu. M’huwiex ċar x’ried ifisser meta qal li l-Kunsill Ġenerali għandu jħalli f’idejn it-tesserati dwar it-tmexxija tal-partit.

M’huwiex ċar Adrian Delia liema triq bi ħsiebu jaqbad. Min jaf? Forsi f’għeluq is-sena tal-ħatra ta’ Louis Galea, għad insiru nafu.