Il-kobor tal-problemi finanzjarji li għandu ma’ wiċċu Adrian Delia komplew joħorġu fil-beraħ skont kif jirriżulta minn dokumenti tal-qorti li huma pubbliċi u li ġew fil-pussess tiegħi. Permezz ta’ protest ġudizzjarju ppreżentat illum kontra Adrian Delia mill-avukat Albert Libreri, li huwa l-konsulent legali ta’ mart il-Kap tal-Oppożizzjoni Nickie Vella de Fremeaux, huwa ġie mfakkar dwar ħames twissijiet bil-miktub li ntbagħtulu mill-HSBC Bank u dan wara li naqas li jħallas djun li kellu jħallas f’Mejju u Ġunju 2019. Il-Bank talbu jħallas penali fuq il-ħlas tal-imgħax dovut u tah sal-20 ta’ Lulju biex iħallas pagament ta’ ‘l fuq minn €7,500. Il-protest jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li teżisti l-possibilità li l-bank jibda’ proċeduri biex ibiegħ b’subbasta d-dar residenzjali fejn jgħixu mart Adrian Delia u l-ħames uliedhom biex jiġbor il-flus li għandu jieħu.

Minkejja l-fatt li Adrian Delia kien informa lil martu permezz ta’ messaġġ bil-WhatsApp li kien ħallas dak li kien dovut lill-bank, il-bieraħ stess il-bank — erbat ijiem wara li skada t-terminu  — informa lil Nickie Vella de Fremaux li ma kienu saru ebda ħlasijiet minn Adrian Delia. Fil-frattemp, l-HSBC kiteb lil Adrian Delia biex javżah li ser jeħel penali fuq il-ħlas tal-imgħax u dan wara li huwa għażel li jinjora diversi ittri u talbiet mill-bank biex iħallas dejnu. L-HSBC qed jitlob ukoll mingħand Adrian Delia il-ħlas ta’ pagamenti fix-xahar li jinsabu lura fuq żewġ credit cards li fuqhom għandu jagħti ‘l fuq minn €25,000.

Minn naħa tiegħu il-Bank of Valletta kiteb lil Adrian Delia biex jgħidlu li standing order ta’ ftit aktar minn Eur800 ma setax jiġi onorat minħabba nuqqas ta’ fondi.

Il-protest ġudizzjarju juri wkoll tħassib għall-fatt li hemm riskju li jinqata’ s-servizz tad-dawl u l-ilma tad-dar residenzjali ta’ martu u wliedu minħabba kontijiet li Adrian Delia baqa’ ma ħallasx u li jeċċedu s-somma ta’ €19,000. Adrian Delia ġie mfakkar ukoll li fil-Qorti huwa kien impenja ruħu li jħallas pagamenti kull xahar lill-banek fuq self, overdraft u self ieħor marbut man-negozju li qed tagħmel tajjeb għalihom il-dar matrimonjali fejn igħixu martu u wliedu. Kien minħabba dan l-impenn li dak iż-żmien il-Qorti kienet ikkalkolat ir-rata tal-manteniment dovut lil mart u wlied Adrian Delia – rata li Nickie Vella de Fremeaux tqis li mhix biżżejjed biex tkun tista’ trabbi ħamest itfal.

F’Jannar li għadda, il-Qorti kienet ordnat li jitħallas il-manteniment wara li kienet saret talba minn Nickie Vella de Fremeaux. Skond il-protest ġudizzjarju, Adrian Delia kien gideb lil martu dwar kwistjoni serja ħafna, ġab ruħu b’mod irresponsabbli u abbużiv u ġab lil martu u lil uliedu f’pożizzjoni li jistgħu jispiċċaw bla saqaf fuq rashom kemm il-darba d-dar residenzjali tinbiegħ bis-subbasta. Barra wkoll mill-fatt li d-dewmien fil-ħlas qed ifisser aktar spejjeż f’dawk li huma ħlasijiet ta’ penalitajiet fuq l-imgħax dovut.

Il-protest ġudizzjarju lil Adrian Delia jfakkru wkoll li martu u wliedu kellhom ibaxxu l-livell tal-għajxien tagħhom għaliex m’humiex qed ilaħħqu mal-ispejjeż u saħansitra kellhom jirrikorru għall-għajnuna finanzjarja mingħand il-ġenituri ta’ Nickie Vella de Fremeaux, li Adrian Delia diġà jinsab midjun magħhom f’ammonti konsiderevoli ta’ flus. Adrian Delia nżamm responsabbli għad-danni kollha li sofrew martu u wliedu u ġie mitlub jonora l-impenji finanzjarji li kien daħal għalihom.