M’għandniex xi ngħidu, ma ta ebda ħjiel dwar fuqiex tinsab imsejsa din l-idea. Mhux biss ma jġibx l-iċken prova. Lanqas biss igħid li tkellem ma xi ħadd li qallu li sema’ lil ħaddieħor igħid li kien hemm min kien qed iħallasha. Ifakkarni ħafna f’karattru f’xogħol tematiku ta’ John Carpenter: bniedem li jbiddel qoxortu skond kif ikun jaqbel.
Mhux ħaġa sabiħa li tilbes iż-żarbun ta’ Emanuel Cuschieri: bniedem li, tista’ tgħid, jivvinta qlajjiet bir-rimi. Meta l-Facebook kien għadu ma wasalx fostna, kien il-leħen ewlieni tal-gideb u tal-qerq. U l-bieraħ ħass li kien żmien tajjeb biex jerġa’ jqanqal it-teorija li Matthew Caruana Galizia kien ikkopera fl-assassinju ta’ ommu meta huwa pparkja l-karrozza, li hi kellha ssuq l-għada, f’post li setgħu jilħquh dawk li kienu qiegħdu l-bomba li spiċċat biex ħasditilha ħajjitha. Jew inkella li kien hu stess li kien qiegħed il-bomba.
Hekk mar igħid. U kien hemm min ikkummenta li din it-teorija hi waħda li tista’ titwemmen aktar mill-idea li seta’ qatilha ħaddieħor li ma jiġix minnha. Minn hawn il-quddiem, tibda’ tinfirex il-mibgħeda. Iżda din m’hix biss mibgħeda: hi wkoll turija ta’ ġenn spjetat u ta’ ħdura mxajtna.
It-teorija li kien binha li qatilha mbagħad tiġi segwita bit-teorija l-oħra dwar il-laptop. Emanuel Cuschieri (u s-segwaċi fidili tiegħu) jistaqsu il-għala l-laptop ta’ Daphne Caruana Galizia “spiċċa fil-Ġermanja”, meta dawn kien imisshom staqsew il-għala l-awtoritajiet Maltin, li suppost tant għandhom ħeġġa li jsiru jafu l-motiv wara l-qtil, baqgħu m’aċċettawx l-offerta tal-pulizija Ġermaniża biex jaraw x’informazzjoni jeħtieġu mill-istess laptop.
M’hemm assolutament xejn ġdid f’dan kollu. L-imbarazz li lissen Emanuel Cuschieri smajnieħ drabi oħra. U ġaladarba ma qal xejn ġdid, allura x’inhi r-raġuni li reġgħu xandru dak li qal? Ir-raġuni hi din: Emanuel Cuschieri — jiġifieri l-Partit Laburista — baqa’ jirrepeti l-qlajjiet. Dawn m’humiex jippruvaw jikkonvinċi lili, u x’aktarx lanqas lilek, li Daphne Caruana Galizia kienet inqatlet minn binha.
Araw ftit x’qegħdin jippruvaw jagħmlu hawn: lil Matthew Caruana Galizia qed jippruvaw jiddemonizzawh.
Lil ommu ta’ sikwit kienu jakkużawha li hi saħħara. U din l-akkuża rripetewha biżżejjed drabi biex f’moħħ is-segwaċi tal-Labour ma baqgħetx kunsidrata bħala bniedma tad-demm u l-laħam. Kien biżżejjed biex, għal dawn in-nies, dak li kienet tikteb ma kienx jiswa’ u li għalhekk kien ħaqqha li tmut.
Binha qed ipinġuh bħala l-assassin ta’ ommu. F’moħħ il-ħsibijiet perversi ta’ dawn in-nies, is-sħaħar iwelldu l-mostri.
U jekk taħsbu li qed nesaġera, agħtu daqqa t’għajn lejn il-kitba ta’ Emanuel Cuschieri u aqraw ukoll il-kummenti li hemm taħt.
X’inhi l-importanza ta’ dan kollu? Qed ngħixu f’pajjiż li fih ġurnalista ġiet assassinata.
Taħsbu li ma jistax ikollna assassinju ieħor meta nafu li dak huwa eżatt li jridu dawk li qed iżoqqu lil Emanuel Cuschieri?