Jista’ ikollok disgħa u disgħin elf, disa’ mija u disgħa u disgħin xjentist li b’leħen wieħed igħidulek li ż-żjieda katastrofika fis-sħana madwar id-dinja jaħti għaliha l-bniedem. Iżda dejjem ser issib lil xi ħadd li, jekk iżżoqqu sewwa u tagħtih l-attenzjoni li jkun ħerqan għaliha, l-fehma ta’ dawn ix-xjentisti kollha jkun lest li jmeriha.
Jekk fuq it-telviżjoni jkollok rappreżentant tad-99,999 xjentist flimkien ma’ dak li jkun lest jgħid li hi biss qlajja li t-temp madwar id-dinja qiegħed jisħon b’rata mgħaġġla, jkollok żewġ fehmiet. U jekk int bniedem li ma tkunx trid tisma’ b’aħbarijiet ħżiena, bejnek u bejn ruħek tista’ tgħid li ma tafx lil min ser taqbad temmen.
Din m’hi xejn ħlief ix-xjenza tal-qerq.
George Hyzler ġibed l-attenzjoni għall-fatt li skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta, għandu jkun hemm is-separazzjoni tas-setgħat u li l-membri parlamentari ma jistgħux jagħmlu parti mill-eżekuttiv (jiġifieri mill-gvern) sakemm ma jkunux ġew maħtura bħala Ministri. Ma tistax tkun parti mill-gvern u tagħmel l-għassa fuq l-istess gvern fl-istess ħin.
Semma’ wkoll li s-servizz ċivili dejjem huwa mistenni li jżomm il-bogħod mill-politika sabiex b’hekk ikun f’pożizzjoni li jaħdem b’mod effettiv ikun x’ikun il-programm li jkun intagħżel mill-elettorat u fl-istess waqt jinżamm element ta’ kontinwità hekk kif jinbidlu l-Ministri. Din hija proprju r-raġuni għala l-ħaddiema tas-servizz ċivili jridu joqgħodu għar-regolamenti ta’ Kodiċi tal-Etika li jipprovdu li għandhom iżommu ‘l bogħod mill-politika partiġġjana meta jkunu qed jokkupaw gradi għoljin fis-servizz. Iżda jekk dawn ikunu membri parlamentari wkoll, ma jistgħux iżommu ‘l bogħod mill-politika. Għaliex il-politika hi parti mix-xogħol tagħhom.
Hemm oħrajn li għandhom l-istess fehma ta’ George Hyzler.
Meta l-Kumitat dwar Affarijiet Legali tal-Kunsill tal-Ewropa – l-istess kumitat li dan l-aħħar ippreżenta rapport mill-aktar kritiku dwar Malta lill-Assemblea Parlamentari – kien qed jiddeċiedi dwar jekk għandhiex tiġi nvoluta l-Kummissjoni ta’ Venezja, wħud mill-membri tagħha tant kienu skantaw bil-fatt li membri parlamentari kienu qed jiġu mpjegati mill-gvern, li dehrilhom li kellha tittieħed azzjoni.
F’Malta, eżatt bħalma jiġri fir-Renju Unit, il-Ministri jintagħżlu minn fost il-membri tal-Parlament. Din is-sistema diġà hi redikola kif inhi. Iżda fir-Renju Unit jeżistu regoli li jiżguraw li ma jkunx hemm aktar minn ċertu numru ta’ membri parlamentari minn naħa tal-gvern li jingħataw salarju għax-xogħol amministrattiv li jwettqu. Dan biex jiġi żgurat li jkun hemm numru biżżejjed ta’ membri parlamentari li ma jkunux taħt l-influwenza diretta tal-partit fil-gvern u li tibqagħalhom il-libertà li jivvutaw skont il-kuxjenza tagħhom.
Ippruvaw ifhmu x-xenarju li għandna quddiemna llum. Tiftakruhom l-istalletti li kienu ta’ sikwit jimmiraw Jesmond Mugliett, Franco Debono u Jeffrey Pullicino Orlando lejn Lawrence Gonzi u l-gvern tiegħu ta’ bejn l-2008 u l-2013?
Għaliex taħsbu li ħadd mill-grupp parlamentari ta’ Joseph Muscat ma qatt jażżarda jmerih? Għax dejjem ikollu raġun? Mhux hekk tgħid!
Għadni kemm semmejt lill-membri tal-Kumitat tal-Ġustizzja tal-Kunsill tal-Ewropa li s-sena l-oħra kienu skantaw meta saru jafu li membri parlamentari minn naħa tal-gvern kellhom impjieg mogħti lilhom mill-istess gvern. Immaġinaw ftit x’kredibilità seta’ wera’ li għandu Stefan Zrinzo Azzopardi hekk kif qam minn postu biex jiddefendi lill-gvern meta rriżulta li dan kien inħatar mill-gvern bħala chairman tal-korporazzjoni dwar ir-riġenerazzjoni tal-portijiet. L-istess jista’ jingħad meta qam jitkellem Manwel Mallia: dan kien inħatar mill-gvern bħala chairman tal-aġenzija dwar is-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Tal-Kummissjoni ta’ Venezja lill-gvern kienu qalulu li din il-prattika għandha tispiċċa. L-istess qalulu tal-Kunsill tal-Ewropa. U wara inizjattiva tad-deputat tal-PD Godfrey Farrugia, il-Kummissarju dwar l-Istandards George Hyzler lill-gvern qallu l-istess ħaġa.
Din il-prattika ma tagħmilx ħsara biss lit-tħaddim xieraq tad-demokrazija. Tagħmel ħsara wkoll lill-karigi okkupati minn dawn id-deputati. Taħsbu li Manwel Mallia huwa persuna li tifhem fil-qasam tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol? M’huwiex tal-lant. Iżda xorta waħda qed jerfa’ responsabbiltà kbira. Filwaqt li dawk li huma esperti fil-materja m’humiex jinħatru u qed jitħallew barra, qed ikomplu jiżdiedu d-diżgrazzji fil-postijiet tax-xogħol fost il-bennejja.
L-aġir tal-gvern f’dan ir-rigward mhux biss huwa illegali. Hu wkoll nieqes mill-etika.
Taħsbux li Joseph Muscat dan jagħmlu biss biex lill-membri parlamentari tal-partit tiegħu jikkontrollalhom bwiethom. B’mod trasparenti jista’ jaqbad u jżidilhom is-salarji u, fil-kuntest tal-fatt li tal-Labour investew għal snin sħaħ fil-politika tal-għira, fl-istess waqt jassumi r-responsabbiltà politika għal din id-deċiżjoni. Il-parlamentari Maltin huma mħallsin miżerjament u ħafna minnhom jidħlu għall-ħajja fil-politika għax m’għandhomx il-ħila jgħoddu sal-għaxra.
Joseph Muscat issa qal li jeħtieġ li l-kwistjoni tiġi mgħarbla minn perspettiva oħra bħala alternattiva għal dik ta’ George Hyzler u ta’ kull min irrifletta dwarha. M’hemmx dubju li għad jinbet xi ħadd “indipendenti” li joħroġ jappoġġjah.
Tiftakru meta kienu sabu professur Russu li ħadd ma kien sema’ bih biex lill-Kummissjoni Ewropea jgħidilha li kien qiegħed jirrakkomanda lill-gvern Malti li jinbiegħu passaporti lil “investituri”? Lil xi ħadd dejjem isibu biex jaqlagħhom.
Araw ftit kif l-Ombudsman qed isir dejjem aktar inċiżiv fil-kritika li qed jagħmel lill-amministrazzjoni. Kull meta l-Ombudsman joħroġ xi rapport, Joseph Muscat jibgħatu dritt għand il-kap tas-servizz ċivili (persuna magħżula minn fost l-attivisti tal-Partit Laburista) biex imbagħad jinħareġ rapport ieħor alternattiv li jmeri lil ta’ qablu.
Din issa saret drawwa.
Drawwa bħal din taf tkun ta’ benefiċċju għal dawk il-kriminali li jkunu ingħataw piena mill-qrati. Permezz tal-kejl li juża Joseph Muscat, il-kriminali jkunu jistgħu jqabbdu xi avukat ieħor biex jikteb sentenza alternattiva għal dik miktuba mill-imħallef għaliex, ħej, il-munita għandha faċċata oħra.
Ibqgħu ċerti li l-gvern m’hux ser jiċċaqlaq dwar din il-kwistjoni. Kif baqa’ ma ċċaqlaqx dwar il-metodu tal-ħatra tal-imħallfin. Il-kwistjoni ser ikollha tinqata’ mill-qrati. U l-ewwel eċċezzjoni tal-gvern se tkun li din hi kwistjoni politika li l-qrati m’humiex kompetenti li jiddeċiedu dwarha.
Waqt li aħna qed induru għal denbna, huma qed jidħku bina.