Il-bieraħ Adrian Delia deher fuq l-istazzjon tat-televiżjoni li jinsab taħt il-kontroll tiegħu biex jitkellem bħallikieku jinsab f’nofs l-ewwel kampanja li kkontesta biex jinħatar kap tal-partit, għalkemm it-ton tiegħu kien xi ftit aktar trankwill.
Il-messaġġ li ried iwassal kien li, wara l-vot li ser jittieħed nhar is-Sibt, bi ħsiebu jibda’ paġna ġdida fl-istorja tal-partit. Qal li jrid iseddaq il-għaqda fost kulħadd. “Għandna opportunità biex nibdlu lill-PN – li bosta qegħdin igħidu li jinsab fl-afja tal-mewt – f’PN ġdid, żagħżugħ, ħaj, mimli ħeġġa favur it-tibdiliet interni u favur il-ħila tiegħu li jġib il-bidla f’ħaddieħor u biex ibiddel lill-pajjiż. Dejjem ngħid li jien m’jinix il-partit. Il-partit huwa intom — agħtu sehemkom għall-bidla”.
Bla dubju li kliemu għandu l-ħila li jħawru biz-zokkor. Qisu dak ir-raġel li joqgħod iżiegħel b’martu wara li jkun xeba’ jfajjrilha bil-ponn fuq ġisimha.
Tkunu ċwieċ jekk temmnuh.
Jista’ jagħti l-każ li huwa stess jinsab konvint li l-intenzjonijiet tiegħu huma tajbin. Meta jlissen diskors bħal dan, jista’ jagħti l-każ li verament ikun qed jemmen dak li jkun qal. Iżda m’għandix dubju li jaf sew li, tul dawn l-aħħar sentejn, il-kliem li lissen u l-fatti li seħħew ma qablu xejn bejniethom. Madankollu għandu l-ħabta li jwaħħal f’ħaddieħor: ċertament it-tort qatt ma hu tiegħu u għalhekk kulħadd għandu joqgħod għal dak li jgħid hu u, jekk tobdi, ċċapċap, xxejjer il-bandiera u teqred id-dubji li jista’ jkollok, il-partit ser ikollu kap kbir.
Fl-artiklu tiegħu tal-lum fit-Times of Malta, Ranier Fsadni jagħti diversi raġunijiet il-għala nhar is-Sibt li ġej bosta mill-Kunsilliera bi ħsiebhom jivvutaw lil Adrian Delia u dan minkejja l-fatt li m’għandhom grazzja miegħu u minkejja l-fatt li jafu li fl-elezzjoni li ġejja l-partit se jkollu diżastru. M’għandhomx alternattiva u ma jridux iħallu lill-partit imdendel mingħajr tmunier: allura dawn jirraġunaw li aħjar il-partit joqgħod bil-baħnan li qed imexxih bħalissa milli ma jkun hemm ħadd fit-tmun.
U, b’diskors mimli ħlewwa, Adrian Delia din il-ġimgħa m’huwiex joqgħod lura biex lill-Kunsilliera jħajjarhom jikkonfermawh nhar is-Sibt li ġej.
Madankollu ħafna drabi taħrablu x-xewqa li għandu biex jivvendika ruħu. Fil-Malta Independent tal-Ħadd li għadda tkellem dwar id-“deċiżjonijiet ibsin” li jeħtieġ li jittieħdu. Dak li dejjem kien ħobża u sikkina miegħu – Pierre Portelli – qed jehda fit-tkeskis u lill-kritiċi ta’ Adrian Delia staqsihom x’bi ħsiebhom jagħmlu kemm il-darba Adrian Delia jirbaħ il-vot ta’ nhar is-Sibt.
Huwa ċar daqs il-kristall li Adrian Delia m’għandux il-ħila li jwettaq il-wegħda li kien għamel sentejn ilu – wegħda li issa reġa’ rxuxtaha u qed ixerred fuqha niskata zokkor – li jġedded lill-partit. Spiċċa ż-żmien li noqgħodu nittamaw fil-mirakli.
Wara nhar is-Sibt li ġej, hekk kif b’nofs qalb Adrian Delia jiġi konfermat fil-kariga, il-PN mhux ser ikun dak il-partit żagħżugħ mimli ħeġġa għall-bidla. Li kieku dan kien possibbli, f’dawn l-aħħar sentejn konna nilmħu mqar xi ftit tal-ħjiel dwar dan.
U minflok se ikollna partit immexxi minn bniedem li ma żammx il-wegħda li kien għamel lill-kollegi tiegħu biex bil-kwiet isib tarf tal-problemi personali tiegħu. Dawn il-problemi – kif ukoll ir-rabja inevitabbli li juri meta xi ħadd ikellmu dwarhom – ser ikomplu jifnuh fil-ħajja pubblika tiegħu.
Għaldaqstant se jkollna l-issuktar ta’ dak li ilna naraw tul dawn l-aħħar sentejn u l-partit ser ikollu jitqanna’ b’kap paranojku, dejjem fuq id-difiża u mħares mill-manigoldi.
U dan sakemm jasal iż-żmien li jiġġarraf kollox taħt saqajh.