Dawk li qed imexxu l-mozzjoni ta” fiduċja dwar Adrian Delia qed jilmentaw fil-beraħ li s-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli qed jisfida l-ordnijiet tal-Kumitat Eżekuttiv dwar it-termini ta’ riferenza tal-kunsill ġenerali li ser jissejjaħ fis-27 ta’ Lulju.
Laqgħa tal-Kunsill Ġenerali ssejħet wara li aktar minn 150 firmatarju talbu li din tissejjaħ. Madankollu, l-amministrazzjoni tal-Partit qalet li fil-petizzjoni kien hemm inqas minn 150 firma valida u dan peress li kienu tneħħew mil-lista dawk kollha li ma kinux għadu ħallsu t-tessera għall-2019.
Wieħed mill-firmataji tal-petizzjoni qalli l-amministrazzjoni tal-Partit qed taqa’ għall-assurditajiet għax ikun ifisser li s-sħubija ta’ kull membru tal-partit tiġi sospiża fl-ewwel jum ta’ kull sena sakemm dawn iħallsu t-tessera li ħafna drabi titħallas f’xi żmien matul is-sena meta l-kolletturi f’kull lokalità jmorru jħabbtu l-bibien biex jiġbru l-ħlas.
Ta’ min ifakkar li, kieku verament jeżisti dan ir-regolament, Adrian Delia ma kienx ikun eliġibbli biex jivvota – aħseb u ara biex jikkontesta l-elezzjoni għal kap tal-partit – ġaladarba kien sentejn lura fil-ħlas tat-tessera tiegħu.
Madankollu jidher li l-kwistjoni dwar jekk għandux jissejjaħ Kunsill Ġenerali jew le jidher li nstab tarfha f’laqgħa riċenti tal-Kumitat Eżekuttiv li fiha Adrian Delia huwa mifhum li nsista li jissejjaħ il-Kunsill biex tiġi diskussa l-fiduċja fih.
Il-firmatarji tal-petizzjoni – li fosthom hemm l-eks President tal-Kumitat Eżekuttiv Mark Anthony Sammut u l-eks kandidat Ivan Bartolo, f’ittra indirizzata lill-President il-ġdid tal-Kumitat Eżekuttiv Alex Perici Calascione lmentaw li l-kliem tal-mozzjoni għall-kunsiderazzjoni tal-Kunsill inbidel b’mod li m’għadux jintagħraf.
Issa jidher li teknikament il-Kunsill ser jissejjaħ mill-Kap b’aġenda dettata minnu by him u dan m’huwiex ser jivvota dwar jekk Adrian Delia jgawdix il-fiduċja jew le. Mhuwiex ċar b’liema mod ser tinbidel il-mozzjoni ta’ fiduċja oriġinali.
Dan mhux kollox. Għaliex il-firmatarji llum allegaw li ġiet imbagħbsa l-kompożizzjoni tal-Kunsill Ġenerali permezz ta’ tibdiliet fid-dritt tal-vot ta’ ċerti membri u dan wara li kienet ġiet preżentata l-petizzjoni biex jissejjaħ il-Kunsill. Qed jiġi allegat li dan sar biex ċerti kunsilliera li m’għandhomx grazzja mal-Kap jitneħħew u jiddaħħlu oħrajn li x’aktarx ikunu lesti li jappoġġjawh f’vot ta’ fiduċja.
Mark Anthony Sammut u Ivan Bartolo qalu li kienu saru jafu b’dan it-tbagħbis f’laqgħa li saret il-bieraħ mal-kummissjoni elettorali tal-Partit immexxija minn Francis Zammit Dimech. Għal din il-laqgħa kien preżenti wkoll is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli.
L-ilment tal-firmatarji jitfa’ dawl fuq l-istat miskin li bħalissa jinsab fih il-PN.
Minkejja d-diskors ta’ Adrian Delia fejn talab li jkun hemm proċess trasparenti ta’ verifika dwar il-mozzjoni ta’ fiduċja li ġiet preżentata kontra x-xewqa tiegħu, qiegħed jagħmel minn kollox biex jevita t-teħid ta’ vot formali li għandu jistabbilixxi b’ċertezza dwar jekk l-ogħla organu tal-PN għandux fiduċja fit-tmexxija tiegħu.
Kemm il-darba ma jirnexxilux jevita t-teħid tal-vot, jidher li se jerġgħu jqajjmu rashom allegazzjonijiet dwar eliġibilità u tbagħbis. Allegazzjonijiet bħal dawn kienu diġà saru fl-elezzjoni li kien rebaħ Adrian Delia li permezz tagħha nħatar kap tal-partit. U reġa’ ġara’ l-istess riċentement waqt vot li ttieħed fil-Kumitat Eżekuttiv dwar il-persuna li kellha tingħażel biex tieħu post fil-Parlament li tbattal minn David Stellini.
F’dawn il-każijiet kollha, dawk ta’ madwar Adrian Delia ġew mixlija bi tbagħbis.
Taħsbu li riżultat imbagħbas qatt jista’ jwassal għar-rikonċiljazzjoni u għat-tiġdid fil-PN?