Mur applika biex taħdem ma’ xi bank, ma’ xi gaming company jew ma’ xi sales office u tkixxef biex tara jekk is-sidien ikunux disposti li jistaqsuk mistoqsijiet li tant trolls fil-Facebook qegħdin jiktbu li huma personali wisq biex jiġu mwieġba minn Adrian Delia. Jekk is-sidien jintebħu li int dejjem tard fil-ħlas tad-dejn tiegħek, kunu ċerti li mpjieg magħhom lanqas biss iħalluk ixxommu.
Adrian Delia huwa l-kap tal-PN. Kemm ilu fit-tmun, lill-membri tal-partit qalilhom kemm il-darba li qed isib tarf tal-problemi finanzjarji kbar li għandu l-partit u li wiret mingħand ta’ qablu. Id-dħul li kellu l-PN minn negozji kważi spiċċaw għal kollox u qed jiddependi biss fuq id-donazzjonijiet.
Tant ilhom jiftaħru bil-“ġabra rekord oħra għall-Partit Nazzjonalista” li kważi jagħtuk x’tifhem li qed igħumu fil-liri. Arahom f’dan ir-ritratt meħud f’Marzu 2018 jiċċelebraw ġabra kbira waqt maratona. Jingħad li l-ġabra kienet waħda rekord. U kif jidher mil-link kellhom għal xiex jiċċelebraw f’Għawdex.
U mbagħad f’Diċembru tgħidx kemm ferħu hekk kif iċċelebraw tmiem l-2018 b’“somma rekord li turi l-appoġġ li kiseb il-PN”. Kienet ġabra “rekord” ta’ €670,632. Dan ifisser li matul l-2018 ġabru €1,544,965.
Il-membri tal-Kunsill Ġenerali ingħataw x’jifhmu li l-partit miexi ‘l quddiem u jibni fuq sisien sodi.
M’għandniex xi ngħidu, minn dan kollu ma kien hemm xejn.
Fi tmiem l-2018, hekk kif irrikonċiljaw il-ġabriet, irriżultalhom li kienu ġabru €1,570,384 li kienu qalu li kienet ġabra rekord.
Iżda matul is-sena ta’ qabel fl-2017, il-PN b’kollox ġabar €3,363,859 f’dawk li huma donazzjonijiet. Taħt id-direzzjoni tal-“kap ta’ suċċess”, li suppost kellu jsib tarf tad-diżastru finanzjarju li wiret, id-dħul mid-donazzjonijiet waqa’ għal 53.3%.
Dan ifisser li d-donazzjonijiet li jsostnu lill-PN naqsu bin-nofs u dan minkejja l-assikurazzjonijiet ta’ Adrian Delia li, bi tbissima, serraħ ras kulħadd li kien ser isalva lill-partit minn diżastru finanzjarju.
M’għandniex xi ngħidu, issa stennew li l-PN joħroġ xi stqarrija biex igħid li dan huwa “attakk viljakk u personali minn blogger”. Idħlu ftit fil-link biex taqraw id-dokumenti uffiċjali ffirmati mit-teżorier tal-PN li huma xhieda ta’ dak li ktibt.
M’jien nikxef ebda sigriet.
Lill-dawk l-għorrief kollha li qed jiktbu fil-Facebook li jien ikkonvinċejthom biex jivvutaw lill Adrian Delia għaliex “qed nattakkah bil-familja”, ngħidilhom li dan huwa r-riżultat li jkollok meta jinħatar lil xi ħadd biex imexxilek organizzazzjoni li ma jkollux il-ħila li jfassal skond id-drapp li jkollu.
Hu huma dawn l-għorrief li jagħżlu min għandu jibqa’ bħala kap tal-partit.
Iżda l-bqija tal-poplu għandhom id-dritt li jagħżlu min jinħatar prim ministru.