Il-vendetta m’hix prinċipju aċċettabbli għal-liġijiet ta’ żmienna. It-tfittxija għall-ġustizzja għandha twassal għat- tiswija u mhux għat-tpattija.
Ejjew nitkellmu ftit dwar il-liġijiet tal-libell fejn min allegatament illibella jkun miet. Dawn il-liġijiet jeżistu bil-għan li min ikun ġie libellat ikun jista’ jħares ir-reputazzjoni tiegħu, dejjem jekk ikollu reputazzjoni x’iħares. Iżda fil-liġijiet tal-libell, bħal f’kull liġi oħra aċċettabbli għaż-żminijiet tal-lum, id-dritt li wieħed jitlob likwidazzjoni ta’ danni li jkollu l-ħila jipprova li ġew kaġunati lilu minn libell, ma jwassalx ukoll għall-pretensjoni ta’ xi dritt li jiżgura li jkun hemm piena.
Għal xi wħud jista’ jkun li din id-distinzjoni hi kemmxejn sottili. Iżda għall-prim ministru ċertament m’hi sottili xejn.
Meta l-bieraħ reġa’ tenna’ li l-werrieta ta’ Daphne għandhom jiskużaw ruħħom miegħu dwar dak li huwa jidhirlu li ommhom naqset dwaru fil-konfront tiegħu tul ħajjitha, il-prim ministru wera’ li la għandu diċenza bażika u wisq inqas komprensjoni dwar dak li hu ġust u sewwa.
Anki jekk ma nidħolx fil-mertu dwar jekk għandux raġun jew le u anki jekk, għall-grazzja tal-argument, nassumi li qed ikun ġenwin fil-konvinzjoni tiegħu li hu għandu raġun, meta jibqa’ jinsisti li, fiż-żminijiet li qed ngħixu fihom, ir-raġel u wlied Daphne għandhom jirtu xi forma ta’ ħtija ma tagħmel ebda sens.
Dan possibbli li m’huwiex jinduna l-pożizzjoni li ħa kemm qegħda tagħmillu ħsara? Daphne Caruana Galizia ma nqatlitx għax xi ħadd tajjarha b’karrozza. Inqatlet b’karrozza-bomba fiż-żmien meta hu kien prim ministru. Joseph Muscat għadu jilmenta dwar kemm kienet “iebsa” bil-kritika fil-konfront tiegħu u baqa’ jitħassar lilu nnifsu għall-fatt li l-assassinju tagħha spiċċa biex pinġieh f’dawl ikraħ.
Allura il-għala baqa’ jinsisti li jkompli jħarrax is-sitwazzjoni għalih innifsu?
Araw ftit il-mod kif wieġeb il-gvern il-bieraħ għat-talba tal-Kunsill tal-Ewropa biex iċedi l-libelli li kien għamel kontra Daphne Caruana Galizia. Joseph Muscat qal li l-gvern “ma jistax jindaħal dwar jew iħassar jew idgħajjef kawża ċivili, għaliex jekk isir hekk jitqajjmu kwistjonijiet dwar id-dritt ta’ smiegħ xieraq taħt il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem”.
Possibbli li Joseph Muscat m’huwiex jintebaħ bl-imbeċillaġni tiegħu stess meta jagħżel li jitkellem b’dan il-mod u kif bħal donnu jippretendi li għandu jagħti xi tagħlima jew tnejn lill-Kummissarju Ewropew dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem?
Il-verità hi li Joseph Muscat m’għandu ebda ħtieġa li “jindaħal, iħassar jew idgħajjef ” xejn biex iċedi kawża li kien għamel huwa stess kontra l-werrieta ta’ Daphne Caruana Galizia. Għalkemm skont il-liġi għandu dritt li jiftaħ kawża, m’għandu ebda obbligu biex jagħmel dan. U m’għandux għalfejn iħassar liġijiet biex ikun jista’ jċedi l-kawża.
Joseph Muscat m’huwiex xi persuna kwalunkwe. Huwa l-prim ministru. Xogħolu hu li jħares il-libertà tal-kelma u mhux li jipprova jintimida lilna l-ġurnalisti b’xi twissija li, jekk jiġri li ninqatlu b’xi karrozza-bomba, ma tkunx waqgħet id-dinja u li jkun hu stess li jiżgura li wliedna wkoll ikollhom isofru konsegwenzi akbar milli sofrew bis-saħħa tal-mewtna.
Liġi li “tindaħal dwar, li tħassar jew li ddgħajjef” id-dritt ta’ xi ċuċ bħal Silvio Debono li jibqa’ jippersegwita lill-werrieta ta’ Daphne għaliex, meta din kienet għadha mimlija bil-għomor, kienet kitbet dwar in-negozji tiegħu forsi tkun timmerita diskussjoni aktar profonda. Wara kollox, mhux possibbli li wieħed igħaddi liġi kontra min ikun moħħu biss biex jivvendika ruħu.
Madankollu għanda dritt nistennew li min ikun f’pożizzjoni ta’ tmexxija jkollu l-minimu tad-diċenza. Diċenza li tinsab fis-sisien tal-moralità li l-Kummissarju tad-Drittijiet tal-Bniedem li m’għandux għalfejn jagħmel sforzi kbar biex jesprimiha. Diċenza li, fil-kuntest tal-insistenza tiegħu li jibqa’ jippersegwita lil Peter, Matthew, Andrew u Paul Caruana Galizia dwar dak li kienet kitbet Daphne dwaru qabel ġiet assassinata permezz ta’ karrozza-bomba, Joseph Muscat ċertament jinsab totalment nieqes minnha.
L-aħwa Caruana Galizia qalu li ma kienx bi ħsiebhom iċedu għar-rikatti u li ċertament m’humiex ser jiskużaw ruħħom ma’ Joseph Muscat: huma ma jafux bl-allegati fatti li Joseph Muscat qed igħid li hu biss jaf bihom dwar dak li kienet kitbet ommhom dwaru.
L-aħwa Caruana Galizia huma wlied ommhom: għandhom id-dinjità, l-kburija u l-kuraġġ.
Madankollu dan ma jfissirx li t-triq li qabdu hi xi waħda għall-wita’.
Xi kultant naħseb f’uliedi. Jidhirli li dawn għandhom dritt li jgħixu ħajjithom u li jekk ix-xogħol tiegħi kellu b’xi mod jifridni minnhom, ma nkunx irrid inkun il-kaġun li huma jbatu xi konsegwenzi anki wara li nkun ħallejt din id-dinja. Għall-mument, insew il-liġijiet tal-libell. Immaġinaw li kieku kelli ninqabad f’xi frodi – bħal, per eżempju, nibdel opri ta’ arti ġenwini ma’ kopji tagħhom u nbiegħ il-ġenwini fis-swieq klandestini. U qabel immut ikolli nħallas ta’ għemili b’xi piena. Allura uliedi, li huma totalment innoċenti, għandhom jintbagħtu l-ħabs floki?
Dan kollu Joseph Muscat jafu sew. Eżatt bħal Salamun, qed igħid li t-tarbija għandha tinqasam fi tnejn sabiex hu jkollu nofs it-tarbija.
U ma tridx tkun għaref wisq biex tintebaħ il-għala qed jagħmel dan.