Joe Brincat kien pubblikament tkaża b’dawk li pprotestaw kontra t-tnaqqir tas-saltna tad-dritt. U f’intervent li kien għamel f’kawża kostituzzjonali li għamilt jien, ipprova jiżżuffjetta bl-argument li jien kont ġibt fis-sens li l-libertà tal-kelma u d-dritt li wieħed jipprotesta huma aktar importanti mill-ħeġġa ta’ Owen Bonnici li jiżgura li fjuri mqiegħdin mal-mafkar tal-Assedju l-Kbir ma joqorsuħx personalment u politikament fil-laħam il-ħaj.

Għaldaqstant inħoss ċertu sodisfazzjon meta nara lil Joe Brincat iduq ftit mill-esperjenzi li aħna stess għaddejna u għadna ngħaddu minnhom. Il-protesti li jsiru kontra l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ma jsirux biss kontra l-inġustizzja sfaċċata li ġab miegħu l-qtil tagħha. Isiru wkoll għaliex il-qtil tagħha ġab fit-tmiem tagħha l-kampanja bla heda li hi kienet qiegħda tagħmel biex tikxef il-qerda tas-saltna tad-dritt.

Joe Brincat huwa direttur fuq il-bord tal-MFSA. Inħatar f’din il-kariga għaliex huwa Laburist sa ġuf ommu u min ħatru ċertament stenna li għandu jeżerċita d-dmirijiet tiegħu b’impenn sħiħ lejn il-partit mingħajr ma jkun imxekkel mit-tniggiż tal-kuxjenza. Iżda inzerta li Joe Brincat iż-żokra politika tiegħu ilha ħafna li waqgħetlu u għaldaqstant jaf li, f’dan l-istadju ta’ ħajtu, m’għandux għalfejn joqgħod jogħmodha biex forsi ma jieħu għalih ħadd. Għal Joe Brincat jidher li, jekk Joseph Muscat mhuwiex kuntent b’dak li jgħid jew dak li jagħmel, jista’ jmur isaqqi l-ħass. Joe Brincat wera’ li m’huwiex lest joqgħod ċiċċi bil-qiegħda waqt li xi bażużlu ta’ Joseph Muscat – f’dan il-każ Joseph Cuschieri – jmexxi aġenzija tal-gvern bħallikieku din kienet proprjetà tiegħu u jagħmel użu minn terminoloġija repubblikana meta jgħid li Joseph Cuschieri m’huwiex “xi re”. Seta’ wkoll qal li m’huwiex “xi kink”. Jew forsi hekk għamel ukoll.

Joe Brincat għandu mnejn diġà ntebaħ li l-ardir ta’ dawk li jiżfnu għad-daqq ta’ Joseph Muscat li jippretendu li ma tista’ għalihom ebda liġi, huwa ardir li Daphne Caruana Galizia kienet għamlet kampanja bla heda kontrih fl-ewwel ġurnata li Joseph Muscat rifes fuq l-għatba ta’ Kastilja bħala prim ministru. Hi kienet kitbet dwar dawk il-ħaddiema tas-servizz ċivili li kienu qed jiġu sostitwiti bħala segretarji permanenti minn bażużli magħrufa. Kienet kitbet dwar kummissarji tal-pulizija li tkeċċew jew li ġew imġiegħla jirriżenjaw sakemm imbagħad din il-kariga ngħatat lil xi ħadd li jidhirlu li l-prim ministru għandu bajd tal-ħadid. U kienet kitbet dwar il-prinċpijiet – James Piscopo, Joseph Cuschieri u Jason Micallef fost oħrajn, u dan biex ma nsemmux lill-prinċep tad-dlamijiet innifsu Keith Schembri – ilkoll maħtura biex jikkmandaw fuq ħaddieħor skond l-aptit li jinzerta jkollhom u dan mingħajr rispett lejn ir-regolamenti u l-liġijiet.

Fil-frattemp it-tensjoni li hemm bejn Joe Brincat u l-MFSA kompliet tirranka.  Agħtu daqqa t’għajn lejn dak li hemm stampat fil-ġurnal finanzjarju speċjalizzat International Investment li din it-tilwima bejn Joe Brincat u Joe Cuschieri qed iqisha bħala theżżiża qawwija għall-industrija tas-servizzi finanzjarji. Jekk din it-theżżiża ma xammejthiex ġejja, dan x’aktarx seħħ għaliex ma kontx moħħok hemm. Hi appuntu attitudni bħal din li spiċċat biex tefgħet fl-inkwiet ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala ċentru finanzjarju: jiġifieri meta jkollok nies bħal Keith Schembri li, biex jaqdu l-interessi personali tagħhom u jiġbdu lejn xawwathom, jaraw kif jagħmlu biex il-liġijiet jarmuhom il-baħar.

Il-Pilatus Bank kien ingħata liċenzja mill-MFSA. Iżda kien Keith Schembri li għamel użu mis-servizzi ta’ dan il-bank. Rajnih jippoża fir-ritratti ma’ Joseph Muscat minn naħa u ma’ Ali Sadr Hashemi Nejad minn oħra waqt tieġ f’Firenze.

Kif sewwa stqarr Joe Brincat fil-qorti, lid-dinja m’aħniex ser nimpressjonawha bil-kwalità ta’ liġijiet li għandna kemm il-darba dawn l-istess liġijiet ma jkollhomx is-saħħa li jwaqqfu lill-kbir tal-MFSA milli jarmi l-baħar eluf ta’ flejjes tal-Awtorità biex jissodisfa l-kapriċċi personali tiegħu. Dawn huma affarijiet li jseħħu biss fir-repubbliki tal-banana.

Ara ma jkunx hawn minn jaħseb li Joe Brincat huwa xi eroj. Kien ċertament jitqies bħala eroj li kieku, fl-ewwel ġimgħa li Joseph Muscat għamel fis-setgħa, kellu l-ħila li jilmaħ it-twissijiet u jxomm id-diżastru li kien ġej ma’ wiċċna. F’dik l-ewwel ġimgħa, jista’ jkun li ma kienx jaf li Keith Schembri u Brian Tonna kienu qed joħolqu l-kumpanniji Egrant, Tillgate u Hearnville bil-moħbi. Iżda ċertament kien jaf li kienu qed jinqatgħu bl-addoċċ l-irjus ta’ numru ta’ segretarji permanenti u ta’ regolaturi. U filwaqt li kienu qed jinqatgħu l-irjus tal-istituzzjonijiet, dawn il-prinċpijiet bdew jagħmlu l-arja.

Fl-Awtorità tal-Artijiet jidher li l-bord tat-tmexxija mmexxi minn Lino Farrugia Sacco m’huwiex lest joqgħod għal dak li jogħġbu jordna James Piscopo, il-kbir magħżul minn Joseph Muscat.

U t-trikki trakki li hemm fil-MFSA issa huma magħrufa.

M’hemmx trikki trakki biss fil-postijiet li huma mmexxijin mil-lagħqa bla kuxjenza li għalihom il-liġijiet ma jgħoddux.

Xi kultant issib nies bħal Joe Brincat – bniedem li m’għandu xejn x’jitlef – li juru li għandhom il-bajd.