Il-gvern qed jagħmel minn kollox biex ixejjen il-fehma ġenerali li ta’ Chetcuti Cauchi kienu ngħataw trattament privileġġjat. Il-gvern m’għandux triq oħra ħlief li jagħmel hekk għax jaf li jista’ jispiċċa fl-inkwiet u mhux se jieħu riskju għal wiċċ ta’ Chetcuti Cauchi.
Dawn ta’ Chetcuti Cauchi huma ħbieb – imma mhux ħbieb ta’ ġewwa nett. Dawn jifformaw parti minn grupp ta’ persuni li sabu il-riħ fil-qala mill-2103 ‘l hawn u li lill-pajjiż qed iqisuh bħallikieku huwa parti mill-ġid personali tagħhom. Jew, biex inqiegħdha aħjar, dawn huma nies li pajjiżna ingħatalhom fuq platt tal-fidda biex jagħmlu li jridu bih. Dawn, li tgħidx kemm kienu għajjtu li “Malta tagħna lkoll”, fil-fatt riedu jfissru “Malta tagħna biss u morru tnejjku”.
Il-fatt li s-Sala tal-Ambaxxaturi fil-Berġa ta’ Kastilja – sala li tinsab ftit passi bogħod mill-Uffiċċju ta’ Joseph Muscat – intużat f’filmat biex jirreklama lil Chetcuti Cauchi huwa wieħed mill-aktar simboliku. Tistgħu qatt timmaġinaw li jkun hemm ditta legali Ingliża li permezz ta’ filmat tagħmel użu minn sala f’10 Downing Street biex tirreklama s-servizzi tagħha? Ħaġa bħal din fl-Ingilterra lanqas biss joħolmu biha għax jafu li xenarju bħal dan jista’ jwassal għal inkwiet serju.
Naf x’inhu għaddej minn moħħ ta’ Chetcuti Cauchi bħalissa.
Żewġ affarijiet.
L-ewwel: is-sospensjoni li qalgħu – għalkemm x’aktarx temporanja – mhux se tagħmlilhom ġid f’għajnejn min ikun imħajjar jixtri l-passaporti u l-klijenti ħallelin li kienu jakkwistaw passaporti bis-saħħa ta’ Chetcuti Cauchi issa se jkollhom iċ-ċans li jakkwistawhom permezz tal-kompetituri tagħhom. Issa x’aktarx li ser ikun hemm ħaddieħor li jibda’ jiftaħar dwar kemm jinsab ħaġa waħda mal-gvern tant li jkun jista’ jserraħ moħħ il-klijenti “b’kondotta kriminali” li l-gvern kien ser jagħlaq għajn waħda. Biex nisselfu kliem il-gvern stess, issa ser ikun hemm ħaddieħor biex “jattira t-talent”. U ser ikun hemm ħaddieħor li joħroġ idejh biex jilqa’ għall-ħlasijiet tal-commission.
It-tieni: ta’ Chetcuti Cauchi tgħidx kemm ser jinkeddu meta jintebħu li nies bħal, per eżempju, Brian Tonna u Karl Cini, qatt ma ġiet sospiża l-liċenzja tagħhom għall-bejgħ tal-passaporti. U dan minkejja l-fatt li kienu ammettew li kkorrompew u li gawdew bis-saħħa tal-fatt li jinsabu qaqoċċa ma’ min għandu s-setgħa. Dawn kienu nqabdu jigdbu meta, huma u jduru d-dinja biex isibu bank li seta’ jaqdihom, kienu stqarrew li Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu mdaħħlin fin-negozju tar-riċiklar u dak marittimu u li ż-$2 miljun li kienu ser jiddepożitaw fl-ewwel sena kienu ġejjin minn għejjun leġittimi.
M’għandniex xi ngħidu, Brian Tonna ma ħareġ b’ebda filmat meħud f’xi kamra f’Kastilja biex jirreklama s-servizzi tiegħu. Ma kellu għalfejn jagħmel xejn minn dan kollu għaliex f’dak il-bini storiku għandu skrivanija bieb u għatba mal-iskrivanija tal-prim ministru. Il-liċenzja tiegħu ħadd ma ssospendihielu. U ħadd m’hu ser jissospendihielu.
Għaliex il-ħbieb huma kollha ndaqs. Iżda hemm ħbieb li huma ndaqs aktar minn ħaddieħor.