Jaqaw dawn kienu kkonsultaw mad-deputat gwardjan tal-latrina fejn jinqdew il-ħaddiema li jaħdmu fil-kċina?
Ibqgħu ċerti li naqsu li jikkonsultaw mal-Kumitat legali u tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa jew mar-rapporteur speċjali li nħatar minn dak il-Kumitat u li mbagħad ġie konfermat mill-Assemblea Parlamentari. Dan sirna nafuh għaliex illum lil tal-Kumitat Pieter Omtzigt qalilhom li “il-mod kif ġie kostitwit il-bord tal-inkjesta ma jilħaqx l-aspettattivi tal-Assemblea”.
U f’dikjarazzjoni li għamel illum, il-Kumitat qabel mal-fehma tar-rapporteur tiegħu.
Allura dawn ma’ min ikkonsultaw?
Dawn kienu qalu li damu tliet xhur sħaħ iħammu sakemm il-ġimgħa li għaddiet skada ż-żmien mogħti mill-Kunsill tal-Ewropa għaliex riedu jsibu kompromess dwar dak li kien qed jistenna’ mingħandhom il-Kunsill. Iżda l-aspettativi tal-Kunsill jidher li ma ntlaħqux u erġajna koppi għas-sitwazzjoni li konna fiha tliet xhur ilu. Jew erġajna lura għal dik il-famuħa intervista li l-prim ministru kien għamel ma’ Christiane Amanpour li fiha, bi tbissima fuq fommu, kien wiegħed li kien ser isir min kollox biex jinstab tarf l-assassinju. Mhux hekk tgħid!
Fl-istqarrija tiegħu tal-lum, il-gvern reġa’ qal li m’għandux fiduċja f’Pieter Omtzigt għaliex darba fost oħrajn kien ippermetta lil xi ħadd jitkellem f’laqgħa pubblika dwar l-isplużjoni tal-ajruplan MH17 li rriżulta wara li ma kien jaf xejn dwar il-każ.
Allura l-gvern m’għandux grazzja ma’ Pieter Omtzigt. Iżda dan kollu x’għandu x’jaqsam mal-kwistjoni tla-kompożizzjoni tal-bord tal-inkjesta? Dawn kemm il-darba kienu għamlu minn kollox biex jippruvaw itajjruħ u kull darba sabu oppożizzjoni minn naħa tal-entitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa.
Il-gvern jeħtieġ idaħħalha f’rasu li sakemm il-Kunsill tal-Ewropa jibqa’ jkollu fiduċja f’Pieter Omtzigt, irid jew ma jridx ikollu ta’ bilfors jaħdem miegħu.
Ikun aħjar jekk iħaffu għaliex bid-dikjarazzjonijiet, l-azzjonijiet u l-qerq tagħhom, is-sitwazzjoni mill-ħażin qed tmur għall-agħar.
Pieter Omtzigt wera’ l-appoġġ tiegħu għall-osservazzjonijiet li saru hawn Malta metal -gvern ħabbar il-ħatriet għal fuq il-bord tal-inkjesta. Ian Refalo hu l-avukat ta’ Adrian Hillman u tal-FIAU u Anthony Abela Medici jiġbed paga mingħand il-gvern. Dawn huma raġunijiet li għandhom jiskwalifikawhom milli jservu fuq il-bord.
Il-gvern gideb meta stqarr li kien ikkonsulta mal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ħatriet. Lanqas mal-familja mġarrba ma kkonsultaw.
U issa skadew it-tliet xhur mogħtija lill-gvern Malti mill-Assemblea Parlamentari u xorta bqajna mingħajr l-inkjesta pubblika u indipendenti.
Diffiċli timmaġina li għad qatt jista’ jkollna inkjesta bħal din.