Il-Ħadd li għadda Noel Grima għamel paragun bejn it-tenaċità tal-attivisti favur is-sewwa u l-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia man-nofs keded tal-Partit Nazzjonalista. “Bejn u bejn ruħi,” kiteb Noel Grima, “ma nistax ma nammirax mhux biss it-tenaċità ta’ dan il-grupp żgħir ta’ persuni li l-mezzi tagħhom huma limitati, li m’għandhomx appoġġ tanġibbli u li huma neqsin minn għeruq politiċi, iżda wkoll il-fatt li rnexxielhom joħolqu rabta bejn il-kelliema u l-udjenza (minkejja l-fatt li l-kamera kienet qed tiffoka biss fuq il-kelliema). Mhux se noqgħod nidħol f’kontroversji dwar kemm kien hemm nies fost l-udjenza, iżda nista’ nikkonferma li l-folla kienet tenaċi daqs il-kelliema”.

Noel Grima laqat il-musmar fuq rasu.

Din il-kampanja ilha għaddejja sentejn. Kampanja li ma tarahiex biss fil-velji li jsiru kull xahar. Taraha fil-battalja li sseħħ kuljum f’Misraħ l-Assedju l-Kbir.

Il-bieraħ iltqajt ma’ ġar tiegħi li qalli li xxukkja ruħu meta sema’ b’dak li ħaseb li kien seħħ il-ġurnata ta’ qabel fil-Belt Valletta. Hu kien segwa filmat fuq il-Facebook fejn dehru żewġt irġiel jagħtu bis-sieq u jobżqu fuq ritratti ta’ Daphne huma u jarmu fjuri li tħallew mal-mafkar tal-Assedju. Huwa segwa l-aggressjoni fiżika li seħħet fil-konfront ta’ ħut Daphne u qalli li tnikket jara f’Malta f’hiex konna wasalna. Jien weġibtu li dak li kien segwa fil-filmat ma kienx seħħ il-bieraħ iżda xi ġranet ilu meta kien hemm xi ġurnalisti jiġbdu filmat.

Iżda jien ma kontx korrett għal kollox. Il-filmat li xxandar kien tabilħaqq ixxandar ftit tal-ġranet ilu mill-crew ta’ M6 li xandar dokumentarju nhar il-Ħadd filgħaxija. Iżda din hi xena li sseħħ kuljum. F’ħin minnhom jidher raġel li jgħolli idu x-xellugija f’ponn u jinstema’ jgħid “Viva l-Labour!” U mbagħad jinstema’ jgħid “jew iddabbar rasek jew noqtlok”. Theddida bil-mewt reġistrata fuq filmat quddiem diversi xhieda. U, għal ġieħna, qiesu ma ġara’ xejn.

Din hi battalja li qed tiġi miġġielda kuljum u għamel sewwa Noel Grima li ntebaħ bit-tenaċità li żżomm ħaj l-entużjażmu.

Issa agħtu daqqa t’għajn lejn il-botta u risposta li kien hemm fuq il-Facebook dalgħodu bil-bulijiet ta’ Misraħ l-Assedju jagħmlu l-arja saħansitra fuq il-media soċjali. 

Il-manigold u buli Anthony Mifsud Bonnici Giordani (tliet kunjomijiet, għal ġieħna!) huwa kunsillier tal-Partit Laburista. Dan suppost li jiffoka ħidmietu fuq il-lokalità tiegħu ta’ San Ġwann, iżda ma felaħx li ma jagħmilx ftit tal-arja soċjalista fil-belt kapitali. Ad unur u glorja ta’ Joseph.

Tgħid x’ser imur igħid Anthony Mifsud Bonnici Giordani meta s-Sindku ta’ Palermo, Leoluca Orlando (ara dan kuntent b’kunjom wieħed biss!) iżur il-mafkar tal-Assedju l-Kbir biex jingħaqad ma’ dawk li qed jaħdmu b’riżq is-sewwa u l-ġustizzja għal Daphne u għal Malta?