Għadu kemm ħareġ ir-rapport Moneyval. Aqraw sunt tar-rapoport hawn. Fir-rapport hemm numru ta’ kwotazzjonijiet ġmielhom u m’hemmx dubju li l-gvern ser jagħmel minn kollox biex jagħtihom tifsira qarrieqa bil-għan li jipprova jsib xi konsolazzjoni. Per eżempju r-rapport igħid li l-liġijiet tagħna huma miktubin tajjeb u dwar dan m’hemmx dubju għaliex kulma nagħmlu hawn hu li nikkupjaw il-liġijiet Ewropej u nagħmluhom tagħna.
Imma s’hawn biss naslu.
Ir-rapport Moneyval jifqa’ l-bużżieqa tal-gvern meta dan imur igħid li “m’aħniex pajjiż li jagħti kenn lil dawk li jevadu l-ħlas tat-taxxa”. Ir-rapport jammetti li, fit-teorija, Malta ma taħbix l-ismijiet ta’ dawk is-sidien li joħolqu kumpanniji fostna. Madankollu d-dikjarazzjoniet li jsiru minn dawn is-“sidien” mhux qed jiġu mgħarbla sewwa u l-multi li jiġu mposti fuq dawk li jagħmlu dikjarazzjonijiet foloz tant huma żgħar li ma jħallu ebda effett.
Din hi t-tema ġenerali tar-rapport. Il-liġijiet Maltin jagħtu wieħed x’jifhem li Malta hi ġurisdizzjoni bla tebgħa. Iżda l-fatti juru mod ieħor.
L-FIAU hi entità dgħajjfa. L-infrastruttura istituzzjonali tagħha hi bil-wisq żgħira meta wieħed iqis l-ammont kbir ta’ flejjes li jgħaddu minn Malta. M’għandniex numru kbir biżżejjed ta’ persuni biex igħassu l-flejjes li qed igħaddu minn pajjiżna. Għalkemm f’każijiet ta’ ħasil ta’ flus maħmuġin, il-qrati ta’ sikwit jordnaw il-konfiska ta’ ġid l-akkużati, ħafna drabi dawn l-ordnijiet jibqgħu biss fuq il-karta. Kważi ħadd qatt ma jiġi mħarrek fuq akkuża ta’ ħasil ta’ flus maħmuġin, sakemm akkuża bħal din ma tkunx marbuta ma’ reati kriminali oħrajn. Dan ma jistax ħlief ifisser li mhux qed isiru nvestigazzjonijiet fuq persuni akkużati b’ħasil ta’ flus maħmuġin sakemm dawn stess ma jkunux ukoll il-persuni li jkun qed jiġġeneraw dawn il-flejjes.
Tal-Moneyval dan kollu qiegħduh fil-kuntest tiegħu. Malta għandha ekonomija sewda li hi mdaqqsa u li tinsab kontinwament mhedda mid-dħul ta’ flejjes ġejjin mill-kriminalità internazzjonali. Biex ma nsemmux ukoll il-ħasil ta’ flejjes ġejjin minn reati kriminali li jseħħu f’Malta bħalma hu t-traffikar tad-drogi. Il-qasam tal-gaming huwa settur li huwa pjuttost vulnerabbli għall-ħasil tal-flus maħmuġin. U għalkemm Malta għandha liġijiet kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, dawn ma jiġu nfurzati qatt.
Fejn għandhom x’jaqsmu s-superviżjoni ta’ dawk li jipprovdu servizzi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ dawk li jaħslu flus maħmuġin, il-konfiska tal-ġid ta’ dawk li jaħslu l-flus u l-infurzar tal-liġijiet kontra t-tixrid ta’ armi nukleari u bijoloġiċi, jidher li Malta weħlet fl-eżami bil-kbir.
Malta weħlet ukoll fejn għandu x’jaqsam il-mod kif jiġu mgħarbla l-organizzazzjonijiet volontarji bil-għan li dawn jiġu miżmuma milli jiġu wżati minn min jaħsel il-flus maħmuġin u fejn jidħol l-infurzar tal-liġijiet bankarji ta’ kontra l-ħasil tal-flus. Weħlet ukoll fil-qasam tal-użu tat-teknoloġiji ġodda u fejn jidħlu l-irrappurtar ta’ transazzjonijiet suspettużi u t-trasparenza fl-informazzjoni dwar min fil-fatt huma s-sidien ta’ kumpanniji.
Ma tridx wisq għerf biex tintebaħ minn fejn ġej l-inkwiet. Tal-Moneyval sabu li f’Malta hi dgħajfa fejn għandhom x’jaqsmu r-regolamentazzjoni u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji kif ukoll fejn tidħol l-għassa li suppost issir fuq persuni fil-professjoni li jagħtu pariri lil klijenti li jaħslu flus maħmuġin. Sabu wkoll li Malta ftit li xejn tikkopera ma’ aġenziji internazzjonali meta dawn jagħmlu sforzi biex jaqbdu lil dawk li jaħslu flus maħmuġin u li jaħbu flushom f’pajjiżna.
Jingħad x’jingħad, ir-rapport ċertament ma jagħmlilniex ġid. Jeħtieġ li l-pajjiż ixammar kmiemu mill-aktar fis u jibda’ jieħdu din il-problema tal-ħasil tal-flus bis-serjetà għaliex l-oqsma tas-servizzi finanzjarji u tal-gaming saru jħollu u jorbtu għall-ekonomija ta’ pajjiżna: ma nistgħux nibqgħu passivi u bħala pajjiż jeħtieġ nuru li għandna l-kuraġġ naqbdu l-barri minn qrunu.
Ir-responsabbiltà għad-dgħjufija f’dak li huwa l-infurzar tal-liġijiet taqa’ fuq il-gvern. Din m’hix biss kwistjoni ta’ inkompetenza. L-inkompetenza wieħed jista’ jsib tarfha bis-saħħa tat-taħriġ u tat-tagħlim.
Fil-parti li tittratta dwar il-mod kif tiġi mgħarbla l-ħidma tal-banek, ir-rapport Moneyval igħid hekk: “Għalkemm dawn iż-żewġ banek ġew mgħoddija minn għarbiel, il-mod kif tal-MFSA għalqu għajnejhom għar-riskju meta dawn iddeċidew li jagħtu liċenzja lil bank b’sid wieħed biss li ma kellu ebda esperjenza f’dan il-qasam, iqajjem kwistjonijiet minn perspettiva (ħasil ta’ flus / finanzjar tat-terroriżmu) aktar wiesa’.” Tgħid hawn qed jirreferi għall-Pilatus Bank?
Dan kollu jfisser li ma setgħux isibu raġuni valida il-għala tal-MFSA għażlu li jieħdu dan ir-riskju meta kienet inħarġet il-liċenzja. Il-problema, aktar milli hi waħda ta’ inkompetenza, hi waħda ta’ korruzzjoni.
U l-korruzzjoni ma ssibx tarfha kif ġieb u laħaq.