Mid-dehra tal-PN il-bieraħ kellhom ippjanat aktar minn attività waħda jiġifieri konferenza li kellha bħala suġġett l-irvellijiet tas-Sette Giugno biex jipprovaw jiddevjaw l-attenzjoni mill- protesta organizzata mill- Moviment Graffitti. Adrian Delia flimkien ma’ wħud mill-istudenti li mistennija li jibdew imexxu lill-MŻPN minflok il-mexxejja preżenti li ma kinux lesti li jservu ta’ pupazzi għat-tmexxija dgħajjfa tal-partit li hemm bħalissa, il-bieraħ ħarġu jnaddfu.
Wieħed minn dawn l-istudenti l-bieraħ xandar ritratt fuq il-paġna tiegħi tal-Facebook li fih jidhru jitbissmu fil-presenza ta’ salt boroż tal-iskart. Mid-dehra ried jurina kemm huwa bieżel.
M’hemmx dubju li ġeneralment it-tindif jagħmel il-ġid. Grazzi għal Adrian Delia u għal sħabu llum hemm inqas skart fl-inħawi ta’ Burmarrad milli kien hemm il-bieraħ. Naf x’inhu għaddej f’moħħkom meta nirreferi għall-“iskart f’Burmarrad”. Mhux aħjar aħjar jekk nidħku ftit mingħajr ma’ noqgħodu nispeċifikaw?
It-tindif m’għandux l-effett biss li jnaqqas l-iskart li jkun intrema’ dakinhar li jinġabar. Li kieku kien hekk biss, ma kien ikun xejn ħlief tagħżiq fl-ilma kif tfakkarna l-parabbola ta’ Santu Wistin dwar it-tifel f’xatt il-baħar.
It-tindif għandu jservi wkoll biex iniggeż il-kuxjenza ta’ min hu indifferenti. Kuxjenza li titniggeż kull meta niġi mwiddeb minn binti kull darba li narmi teabag fil-borża s-sewda minflok fil-borża organika jew meta niekol xi ġelat minn wara dahar marti.
Fi żminijiet oħrajn, it-tindif organizzat mill-PN kien iservi biex jingħata eżempju. Kien ikun eżerċizzju ta’ tmexxija u vetrina b’riżq politika favur il-konservazzjoni.
Il-bieraħ ma kien hemm xejn minn dan kollu. Ma saret ebda proposta minn Adrian Delia biex ikun hemm żieda fit-taxxa fuq l-użu tal-plastik jew sabiex jiġi projbit l-użu tal-fliexken tal-plastik. Lanqas ma ħareġ b’xi proposti sabiex ikun hemm multi aktar ħorox fuq min jarmi barra u biex ikun hemm infurzar aħjar fejn jidħol l-ambjent. Ma semma’ xejn dwar il-miri tiegħu biex ikun hemm anqas konġestjoni tat-traffiku jew dwar kif min jivvjaġġja bir-rota jkun jista’ jagħmel dan mingħajr periklu. Ma qalx jekk huwiex favur li jkun hemm limitu fuq l-ogħli tal-bini jew fuq l-iżvilupp tal-art. Lanqas ma wiegħed projbizzjoni fuq it-tibdil fl-użu ta’ proprjetà mibnija fuq art pubblika. Ma semma’ xejn dwar il-miri tiegħu għall-enerġija riċiklabbli.
Wera’ biss li jinqala’ għall-ġbir tal-iskart. U dak il-politiku li jinqala’ biex jiġbor l-iskart mingħajr ma jkun jinqala’ wkoll li jipproponi politika li twassal għal tnaqqis fir-rimi tal-iskart m’huwiex politiku – jinqala’ biss biex jiġbor l-iskart. Fih innifsu dan m’huwiex xi insult. Jekk hi ħaġa tajba li tara politiku jgħaddi ġurnata jiġbor l-iskart mill-art, ikun ukoll tajjeb jekk ikun aktar nies bħal dawn li jagħmlu dan ix-xogħol kuljum mingħajr ma jippretendu li jippużaw għar-ritratti biex xogħolhom jiġi mxandar.
L-isforz nofs kedda tal-bieraħ kien attentat minn naħa tal-PN – li spiċċa biex falla – biex inessi r-realtà li n-nies qed tippreferi titfa’ ħarsitha fuq l-isforzi ta’ grupp ta’ Marksisti li għandhom il-kuxjenza f’postha milli fuq dawk ta’ Adrian Delia.
Lill-politiċi, tal-Moviment Graffitti qalulhom li mhux posthom fid-dimostrazzjoni li saret il-bieraħ. Mal-ħażin weħel it-tajjeb għax hemm uħud minn fosthom li huma sinċiera fi twemminhom. Lil tal-Graffiti forsi wieħed jista’ jasal biex jifhimhom. Iżda r-realtà hi li dak li ntqal waqt id-dimostrazzjoni tal-bieraħ jagħmel ħafna sens tant li għad jirbħu ħafna appoġġ mingħand in-nies.
L-aħjar ħaġa li setgħu għamlu l-bieraħ dawk li ma kinux mistiedna għad-dimostrazzjoni kienet tkun li jibqgħu d-dar u jħallu l-protesta u r-rabja tan-nies jitkellmu weħidhom. U mbagħad kienu jkunu fil-libertà li jappoġġjawha u li joħorġu bi proposti kredibbli bħala tweġiba għat-talbiet li saru minn dawk li marru jipprotestaw.
Din ċertament kienet tkun tweġiba dinjituża minn naħa ta’ dawk li ntalbu li jżommu ‘l bogħod mill-protesta.
Iżda ma kien hemm ebda dinjità minn naħa ta’ min waqqaf lil madwar għoxrin żagħżugħ milli jingħaqdu mal-miġemgħa fil-protesta u minflok kaxkarhom miegħu biex jippużaw għar-ritratti li wassal il-messaġġ li ġej:
Li l-PN jinsab lil hinn mill-komunità u jiġi jaqa’ u jqum mir-rabja tan-nies u mill-protesti. M’huwiex interessat li jmexxi lin-nies jew li jkun parti mill-protesti.
Interessat biss li jmur sa Burmarrad biex jiġbed ir-ritratti.