Sinċerament ma nara ebda skop wara dan id-dawrien kollu madwar il-lewża proverbjali. Fl-aħħar mill-aħħar, huwa Joseph Muscat li obbligat jerfa’ r-responsabbiltà aħħarija għal dak kollu li jista’ jirriżulta minn inkjesta indipendenti u imparzjali. Jekk ser jirriżulta li l-istat seta’ għamel aktar biex iħares ħajjet Daphne Caruana Galizia, ir-responsabbiltà aħħarija jkollha tintrefa’ minn Joseph Muscat. Jekk ser jirriżulta li l-istat naqas li jinvestiga l-assassinju tagħha b’mod xieraq, ir-responsabbiltà aħħarija jkollha tintrefa’ minn Joseph Muscat. Jekk ser jirriżulta li l-libertà tal-kelma f’Malta tħalliet titnaqqar minħabba l-azzjonijiet li ttieħdu mill-gvern jew minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tal-gvern, ir-responsabbiltà aħħarija jkollha tintrefa’ minn Joseph Muscat.
Għaldaqstant, il-fatt li Joseph Muscat “għandu fiduċja sħiħ” f’dawk li għażel huwa stess biex iwieġbu għal dawn il-mistoqsijiet mhux biss huwa rrilevanti iżda jagħti lok għal tħassib. L-istess bħallikieku Alfred Degiorgio jmur igħid li għandu fiduċja sħiħa fil-ġurati li jagħżel huwa stess.
Il-bieraħ Alfred Sant taha għas-sarkażmu meta kiteb li, fl-isfond tar-reazzjoni għall-ħatriet ta’ Joseph Muscat fuq il-bord tal-inkjesta, kien messu ħatar lili – Manuel Delia – flimkien ma’ Jason Azzopardi u Ana Gomes biex imexxu l-bord tal-inkjesta.
Ċertament jien m’jinix kwalifikat biex inservi fuq bord bħal dan. Iżda Alfred Sant m’għandu għalfejn jiskanta xejn b’dak li ssuġġerixxa. Fl-Istati Uniti, meta jinħatru persuni biex imexxu l-inkjesti speċjali dwar nuqqasijiet minn naħa tal-gvern federali, dawk maħtura jkunu persuni jew li ma jkollhom suddizzjoni lejn ħadd jew inkella li jkunu magħrufin għan-nuqqas ta’ grazzja li jkollhom mal-amministrazzjoni li jintalbu biex jinvestigaw.
Gvern jista’ jnaddaf ismu b’dan il-mod biss: jekk ikun hemm persuni li jmexxu l-inkjesti li ma jkollhomx suddizzjoni jew xi raġuni biex ikollhom grazzja miegħu.
Joseph Muscat jaf sew li jista’ b’xi mod jiġi eżonerat kemm il-darba jżomm ir-riedni tal-kontroll f’idejh. Hekk kien għamel fl-inkjesta Egrant li nbdiet fuq talba tiegħu stess tard il-Ħamis bil-lejl f’April 2017 u dan wara li kull biċċa evidenza li setgħet tkun utli kienet diġà għebet u ttajjret mar-riħ.
Għall-din l-inkjesta dam ikaxkar saqajh għal sentejn sħaħ u fl-aħħar kellu jċedi u jniediha għax ma setax ikompli jirreżisti l-pressjoni internazzjonali.
Issa jrid jikkontrolla l-eżitu tal-inkjesta billi jikkomprometti l-membri tal-bord: wieħed minnhom minħabba s-sehem tiegħu f’inkjesta kriminali li għadha għaddejja, l-ieħor minħabba l-attitudni servili tiegħu fil-konfront tal-gvern li jimpjegah u l-ieħor minħabba s-sigrieti professjonali li diġà jaf bihom u li jkollu jżomm bejnu u bejn ruħu.
L-iktar ħaġa li tweġġa’ hi l-mod kif il-gvern qed iġib ruħu mal-membri tal-familja Caruana Galizia b’sens ta’ vendetta li ma jitwemminx. Araw li ma tmorrux tifirdu t-“tħabbira” ta’ din it-taparsi nkjesta minn mal-istqarrija ta’ Joseph Muscat li fiha qal li lill-membri tal-familja Caruana Galizia jridhom “jirrikonoxxu” l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant minkejja l-fatt li dawn il-konklużjonijiet ma tħallewx li jaqrawhom. Tifirduhiex lanqas minn ma’ l-istqarrijiet ta’ lagħqin tal-Labour bħal Karl Stagno Navarra li stqarr li l-familja jistħoqqilha li tgħaddi minn din it-tbatija kollha. Lanqas m’għanda tinfired minn dak li kiteb Alfred Sant li, mingħajr mistħija ta’ xejn, qal li l-familjari ta’ ġurnalista assassinata m’għandhomx dritt li jgħidu tagħhom dwar dawk li ser jeżaminaw ir-raġunijiet għala ommhom ġiet assassinata.
L-ewwel tohrog b’gidba oxxena li kwasi destabilizzat pajjiz, u l-Kunsill tal-Ewropa trid li l-PM iwaqqa’ l-libelli…u mela le!
— Karl Stagno-Navarra (@ksnavarra) September 19, 2019
Dawk kollha li huma maħkumin mill-mibgħeda, sinjal bħal dan malajr ixommuh. Aqraw ix-xmara inevitabbli ta’ kitbiet fil-Facebook dwar kif kienu ulied Daphne li qatlu lil ommhom biex jitpinġa ikraħ Joseph Muscat.
Joseph Muscat igħaddiha lixxa għax m’hemm ħadd biex jiqaflu. Mhux sewwa li wieħed jippretendi li għandhom ikunu Peter, Matthew, Andrew u Paul Caruana Galizia li jagħmlu reżistenza għall-korruzzjoni mxajtna u għall-immoralità sfaċċata ta’ dan il-gvern bħalma ġara’ fiż-żmien meta ommhom weħidha ppruvat li tirreżisti u spiċċat ħallset b’ħajjitha.
Niddardar meta naqra kitbiet, anki minn uħud li jikkummentaw f’dan il-blog, li jħeġġu lill-familja Caruana Galizia li jkomplu jissieltu huma u jwiegħduha li jiffinanzjaw battalji legali bħallikieku qegħdin jiddevertu jassistu għal battalja-spettaklu bejn il-gladjaturi.
Peter, Matthew, Andrew u Paul Caruana Galizia għandhom dritt li jgħixu ħajjithom kif jidhrilhom huma. Iżda minflok qed narawhom jissieltu fuq quddiem nett minkejja t-tbatija li jinsabu għaddejjin minnha u minkejja l-mibgħeda kollha li qed ikunu esposti għaliha.
Qabel qatluha, lil ommhom kienu pinġewha bħala saħħara. Issa qed ipinġu lil uliedha bħala l-qattiela ta’ ommhom. Ejjew inkunu ċari. Meta lil uliedha jixluhom li ħbew il-provi – ħaġa li ċertament m’għamlux – jew li kkonfoffaw biex joqtlu lil ommhom meta ħallew il-karrozza li spiċċat qatlitha f’idejn l-assassini tagħha, qed jixluhom ukoll bil-qtil ta’ ommhom. B’dan il-mod qed ipinġihom bħala mostri u mhux bħala bnedmin.
Ara ma tmorrux taħsbu li l-ħruġ ta’ stqarrija ‘l hemm u ‘l hawn minn NGO bħal Repubblika, jew xi blog post minn naħa tiegħi, jew xi editorjal f’gazzetta, ttaffi t-tbatija li jinsabu għaddejjin minnha.
Jekk xejn, din it-tbatija tagħhom tkompli tikkarga. Agħtu daqqa t’għajn lejn dan ir-rapport mill-aħbarijiet ta’ Net TV tad-diskors nofs kedda li għamel Adrian Delia lejliet Jum l-Indipendenza li jkompli jikkonferma li l-PN jinsab igħix f’dinja għalih.
Milli jidher Adrian Delia mingħalih li qiegħed ‘jimponi l-aġenda’ u li kien grazzi għall-isforzi tiegħu li l-membri tal-familja Caruana Galizia ser ikollhom laqgħa ma’ Joseph Muscat. Dan possibbli jaħseb li qed igħix fl-istess dinja?
Joseph Muscat kellu jaċċetta li jiltaqa’ mal-membri tal-familja Caruana Galizia sentejn sħaħ wara l-qtil ta’ ommhom permezz ta’ karrozza-bomba għaliex f’dawn is-sentejn din il-familja ma setgħetx tissabbar anki għal ġurnata waħda biss għat-telfa li ġarrbet. Minn dakinhar ‘l hawn, il-familja għamlet kampanja intensiva biex titħares il-memorja ta’ ommhom, biex jitkompla x-xogħol ġurnalistiku tagħha u biex tinġibed l-attenzjoni tad-dinja għall-istat miskin li tinsab fih is-saltna tad-dritt f’Malta kif ukoll għall-kundizzjoni mwiegħra tad-drittijiet tal-bniedem. Dawn l-isforzi ssarrfu f’pressjoni internazzjonali u skadenza speċifika minn organizzazzjoni Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem li lanqas Joseph Muscat ma seta’ jaħrab minnha.
Il-familja Caruana Galizia m’għandha għalfejn tirringrazzja lil ħadd, wisq inqas lill-Partit Nazzjonalista li għal dawn l-aħħar sentejn għażel li jgħib mix-xena meta kien fid-dmir li jiġġieled favur it-tħaris tad-drittjiet tal-bniedem.
L-istorja qed tirrepeti ruħħa. Daphne tħalliet tissielet weħidha. Tista’ tgħid li żewġha u wliedha qed jissieltu weħidhom. Tista’ tgħid ukoll li m’hemm ħadd li jgħammar fid-dinja tal-politika lokali li huwa lest jieqaf magħhom. Jeżistu xi eċċezzjonijiet u dawn jinsabu biss fi ħdan il-PN. Hemm membri parlamentari u membri parlamentari tal-Parlament Ewropew li wrew qlubija. Iżda dawn jinsabu f’partit li ma jridx jiċċaqlaq.
B’oppożizzjoni bħal din, huwa minn ewl id-dinja li Joseph Muscat jħossu kunfidenti li jkollu r-riżultati li jkun jixtieq għax m’għandu lil ħadd biex jiqaflu.