Permezz ta’ stqarrija fil-qosor, il-gvern ħabbar li “l-Aġenzija Maltija tal-Individual Investor Programme ssospendiet il-liċenzji ta’ Chetcuti Cauchi Advisors Ltd, li huma s-sidien ta’ liċenzji IIP 001 u IIP 124, sakemm jinħareġ avviż ieħor.” Din is-sospensjoni seħħet wara li Jean-Philippe Chetcuti, wieħed mill-imseħbin fid-ditta legali, waqt dokumentarju ta’ stazzjon televiżiv Franċiż bl-isem M6 li xxandar il-bieraħ filgħaxija nstema’ jiftaħar li l-ħbiberija li għandu ma’ Owen Bonnici — li kien imsieħeb fl-istess ditta — ma’ Julia Farrugia u ma’ Joseph Muscat tfisser li għandu s-setgħa li jirranġa l-ħruġ ta’ passaport għal kull minn jitlobulu. Jean-Philippe Chetcuti tkellem ma’ ġurnalist li għamilha tabirruħu miegħu li kien qed jitkellem f’isem klijent Afrikan li għandu kondotta kriminali. Meta sarulhom mistoqsijiet mill-produtturi tal-filmat, il-ministri lkoll ċaħdu li kienu għamlu xi ħaġa ħażina.

Chetcuti Cauchi kienu fost l-aġenti ewlenin ta’ Henley & Partners fil-bejgħ tal-passaporti Maltin. Il-fuljett tar-riklamar tagħhom fiħ kitba ta’ approvazzjoni mingħand Fahdi Mehio, negozjant fl-industrija tal-bini fl-Emirati Għarab Magħquda, li faħħar l-effiċjenza tagħhom meta irnexxielhom jakkwistawlhom passaport. Uffiċjalment, Fahdi Mehio suppost igħix f’9B, Triq is-Sebuqa, San Ġwann. Madankollu, meta jien mort fil-post imsemmi ma’ crew tas-CBS TV sibna appartament taħt il-livell tat-triq li fih ma kien qed igħix ħadd. Fl-istess bieb għal 9B, hemm ukoll in-numru 9A fejn uffiċjalment igħix Dimitry Doyken, multi-miljunarju Russu u sid ta’ diversi ħwienet tal-isport.

Fil-filmat tad-dokumentarju jidher avukat li jaħdem fl-uffiċċju ta’ Chetcuti Cauchi jserraħ ras il-ġurnalist li d-ditta legali tiegħu tiggarantixxi l-ħruġ ta’ passaporti għal dawk il-klijenti li ma jissodisfawx il-kriterji ta’ residenza imposti mil-liġi. Hi ħaġa magħrufa li dan il-kriterju tal-liġi kważi qatt m’hu osservat. Fid-dokumentarju M6 jien nidher f’postijiet fl-Imġarr u f’Birżebbuġa fejn suppost igħixu sinjuruni Russi, iżda jgħixu f’dawn il-postijiet sibt bennej Malti u pensjonant Malti li igħixu f’dawn il-postijiet flimkien mal-familji tagħhom.

Waqt l-intervista tal-M6, Julia Farrugia tidher isserraħ ras ġurnalist ieħor tal-M6 li min jinqabad jigdeb dwar dak li jkun tniżżel fl-applikazzjoni għall-ħruġ ta’ passaport titneħħielu ċ-ċittadinanza Maltija. Dan m’huwiex minnu. Chetcuti Cauchi qed jirranġaw ukoll biex jakkwistaw passaporti barranin għall-klijenti tagħhom u applikaw biex jinħatru bħala aġenti għaċ-ċittadinanza tal-Montenegro.

Jean-Philippe Chetcuti ma’ kienx qed jirreċta meta ftaħar dwar kemm hu ħaġa waħda mal-gvern. Agħtu daqqa t’għajn lejn dan il-filmat li parti minnu ġie riprodott fid-dokumentarju M6, fejn Julia Farrugia tidher tfaħħar lil din id-ditta legali fis-Sala tal-Ambaxxturi li hi biss seba’ metri bogħod mill-kamra tal-prim ministru.