Dun David Muscat bil-mod il-mod qed isir il-kelliem ewlieni tal-partit Nażist ta’ Malta, l-Imperium Europa.
Għall-festa tat-8 ta’ Settembru huwa mexxa delegazzjoni tal-partit fondat minn Norman Lowell lejn il-Mafkar tal-Assedju l-Kbir u “indirizza” lil dawk li kellu quddiemu liebes l-ilbies ta’ saċerdot hu u jxejjer kuruna tar-rużarju f’idu fl-istil ta’ Matteo Salvini.
Fuq ix-xellug tiegħu kellu raġel ta’ madwar sittin sena li kien jixbaħ statwa tax-xama’ u ġuvnott ta’ madwar għoxrin sena li f’rasu kellu pettinatura stil Hitler-Jugend li ma setax jaħbi t-tbissim fuq xufftejh hekk kif David Muscat qal li “s-suwed” huma xbiha t’Alla.
David Muscat ma qabilx mal-għażla li saret mill-gvern ta’ Dr Abdalla Kablan, għalliem fl-Università ta’ Malta, biex jagħmel id-diskors ta’ din is-sena waqt iċ-ċerimonja uffiċjali tat-8 ta’ Settembru.
Huwa oġġezzjoni għal din l-għażla minħabba l-fatt li Dr Kablan jifhem fil-“computational finance”, qasam li għandu x’jaqsam mas-settur finanzjarju li dwaru David Muscat għandu ħafna riżervi.
Iżda din ma kinitx l-unika raġuni il-għala m’għoġbitux l-għażla ta’ Dr Kablan.
Skont hu, ir-raġuni ewlenija hi li l-“antenati” ta’ Dr Kablan kienu għedewwa li kienu assedjaw lil Malta waqt l-Assedju l-Kbir. Għalih Kablan huwa ħati tad-dnub oriġinali tal-ġens u tar-razza tiegħu.
Għalkemm David Muscat jiċħad, dan m’huwa xejn ħlief razziżmu.
M’għandniex xi ngħidu, David Muscat ma jistax jagħti garanzija li huwa stess m’huwiex xi dixxendent ta’ bagħal li kien ġie fid-dinja bis-saħħa ta’ xi suldat Ottoman tal-armata ta’ Dragut Rais.
Anki jekk ikun liebes kullar saċerdotali u f’idejh ikollu kuruna tar-rużarju hu u jagħmel riferenza għall-Madonna, min jikkundanna lil ħaddieħor għax jiġi assoċjat ma’ dak li seħħ ħames sekli ilu minn persuni ta’ razza differenti, m’hu xejn ħlief razzist.
David Muscat ibati mill-marda tal-iżlamofobija. U, m’għandniex xi ngħidu, huwa njorant tal-prima klassi. Hekk kif beda’ jitkellem, lill-ġemgħa qalilha li għandna tliet ommijiet: l-ewwel dik li ġabitna fid-dinja, it-tielet il-Verġni li hemm fis-smewwiet u t-tieni l-“patrija” tagħna. Jekk xejn, Patrija għandha tkun missier, Dun David.
Aktar tard lissen isem Dr Kablan għal diversi drabi b’ton sarkastiku u razzista għall-aħħar li lin-nies jikklassifikahom skond kemm wieħed ikun jista’ jippronuzja isimhom mingħajr diffikultà. Isem Dr Kablan huwa Abdalla, qaddej ta’ Alla. Isem li ċertament ma jixraqx lil Dun David Muscat.
Napprezza li l-Knisja hi ħerqana li lil dan is-saċerdot faxxist ma tagħmlux martri. Iżda l-verità hi li dan il-bniedem m’huwiex jagħmel ġid lill-Knisja.