F’dawn laħħar ġranet, it-trolls li jappoġġjaw lil Adrian Delia kienu mimlijin bil-velenu għal dak il-grupp ta’ deputati tal-PN magħrufin bħala ‘blue 17’. Jidher li dawn it-trolls ta’ Adrian Delia, x’aktarx inkwetati bil-fatt li grupp ta’ 17 huwa numru pjuttost kbir meta tnaqqsu minn grupp ta’ 28, għażlu 10 minnhom u għajjruhom Ġudiet, jiġifieri tradituri.
Jien kont laqqattha wkoll mingħandhom. Dawn it-trolls igħiduli li l-pariri tiegħi m’humiex bżonnhom għaliex jien bniedem “tellief” mill-2013. Mhux qed nippretendi li nagħti l-pariri. U b’differenza għas-17 l-eroj blu jew l-10 Ġudiet, jien m’għandix għalfejn noqgħod naħsibha jkunx aħjar għalija jekk insodd ħalqi jew inkella nikteb stejjer li ma jdoqqux għal widnejn is-segwaċi ta’ Adrian Delia.
Iżda dawn it-trolls hemm qegħdin u qed jixlu lill-Membri tal-Parlament – l-istess persuni li kienu ġew eletti bl-għaraq ta’ xbinhom wara li fl-2013 kellhom jiffaċċjaw elettorat li ta’ sikwit kien ikun ostili lejhom u li fl-2017 kien siker fl-Aqwa Żmien, l-istess żmien li fih lil Adrian Delia ma kontx tarah b’nemes – li “ħakmu” lill-partit. U waqt li jixlu lid-deputati eletti, l-ħakma fuq il-partit qed iwettquha huma stess. Dawn huma grupp ta’ persuni li jippretendu li għandhom jiddeterminaw id-destin tal-pajjiż.
U għaliex?
Għaliex dawn kienu attendew għall-“festi” tal-Indipendenza f’Settembru fi żmien meta ħadd aktar ma ried jattendi. Dawn kienu fil-filliera ta’ quddiem meta l-benjamin tagħhom Adrian Delia kien qed imexxi l-kampanja biex jilħaq kap tal-partit. U dawn kienu l-istess nies li, huma u jirċievu l-ordnijiet permezz ta’ Facebook groups sigrieti, kienu jimtlew bil-velenu li kienu mbagħad ixerrduh fuq ħaddieħor.
Dawn it-talin ma jirrappreżentaw lil ħadd ħlief lilhom infushom u jippretendu li huma demokratikament intitolati li jiddeċiedu għal ħaddieħor. U Adrian Delia jirreferi għalihom bħala “l-poplu” li issa l-PN jinsab viċin tiegħu. Dawn ma jgħoddux aktar minn 100 ruħ. Madankollu jippretendu li jitkellmu għal-dawk is-7000 li kienu vvutaw għal Adrian Delia biex isir kap tal-partit. Bosta minn dawn is-7000 riedu l-art tiblagħhom malli ntebħu x’kienu għamlu b’idejhom. Iżda anki li kieku kellna nassumu li ebda wieħed minn dawk is-7,000 ma reġa’ bdielu, wieħed għandu jistenna li dawk is-7,000 suppost kellhom ikunu l-bidu tat-ġirja politika ta’ Adrian Delia. Dawn fil-fatt kienu l-punt tat-tluq u mhux dak tal-wasla.
Imbagħad kellu jara kif seta’ jiġbed lejh is-7000 tesserat li f’dak is-sajf tal-2017 kienu vvutaw lill-kandidat l-ieħor. Ċertament ma rnexxilux jiġbidhom lejh.
Kien jeħtieġ ukoll jiġbed lejh il-130,000 ruħ li f’Ġunju 2017 kienu vvutaw PN iżda li ma kellhomx x’jaqsmu mal-għażla tal-kap tal-PN il-ġdid. Is-sondaġġi li ttieħdu dejjem kienu konsistenti: madwar 90,000 minn dawn il-votanti baqgħu jgħidu li ma jafdawħx.
U anki li kieku jibdew jafdawh, xorta ma jkunx wasal. Jista’ jasal biss jekk jirnexxielu jirbaħ il-qlub u i-imħuħ ta’ mill-anqas 25,000 ruħ li f’Ġunju 2017 ivvutaw Labour.
Dawn mhux biss m’għandhom ebda ħsieb li jivvutawlu.
Jinsabu mgħoxijin bid-daħk.