L-arja li tkellem biha Adrian Delia waqt id-diskors tiegħu dalgħodu se twassal biex jinbidel ix-xenarju politiku. Għal kulħadd, jekk mhux ukoll għalih.

F’kitba li xandart aktar kmieni llum, ktibt dwar il-mod kif Adrian Delia pparaguna l-investigazzjonijiet li qed isiru dwar il-kwistjoni tiegħu ta’ Soho mal-“evidenza” li kienet tqiegħdet fir-razzett ta’ Pietru Pawl Busuttil sabiex isirlu frame-up dwar il-qtil ta’ Raymond Caruana. Kliem bħal dan jixhed l-istat iddisprat li jinsab fih hekk kif il-pressjoni fuqu tkompli tagħfas.

Iżda Adrian Delia huwa magħruf ukoll għall-fantasiji li jberrnu f’moħħu. Dawn il-fanatasiji ta’ moħħu ta’ sikwit jieħduh lura għaż-żmien ta’ lejlet l-elezzjoni tal-1987 meta kien għad għandu 16 il-sena. Żmien li fih kellu komprensjoni fqira ġmielha dwar x’tassew tfisser il-politika.

Dalgħodu reħielha lejn il-Mellieħa. Malli wasal, daħħal iċ-ċavetta fis-serratura tal-bieb tal-każin tal-PN biex seta’ jiftaħ il-bieb. Dan il-każin hu proprjetà tal-PN u l-membri tal-kumitat lokali, li huma eletti direttament mit-tesserati Mellieħin, dehrilhom li kien ikun aħjar li kieku Adrian Delia ħassar l-attività li fiha kellu jagħmel diskors. Dawn kienu basru li Adrian Delia kien bi ħsiebu juża lill-każin tagħhom biex jispara l-vleġeġ fuq in-nies tal-partit tiegħu stess. Dak li kienu basra spiċċa biex seħħ.

Huwa ġie jaqa’ u jqum mill-appelli tal-kumitat tal-Mellieħa u mar jagħmel id-diskors tiegħu xorta waħda. F’moħħu ħaseb li din l-azzjoni tiegħu kienet xi azzjoni kuraġġjuża u erojka. U tgħidx kemm inkitbu messaġġi fuq il-Facebook mill-ammiraturi tiegħu dwar id-“determinazzjoni”, l-“kuraġġ” u l-“qlubija” tiegħu.

Hu minn ewl id-dinja li lingwaġġ bħal dan intuża apposta biex iġiegħel lin-nies jiftakru f’Eddie Fenech Adami hu u miexi fi triq tal-Barrani fl-1986 liebes sidrija biex tipproteġih mill-balal, jibla’ l-gass tad-dmugħ u jiffaċċja l-vjolenza li sab ma’ wiċċu l-partit tiegħu u dan talli ażżarda jorganizza meeting politiku f’lokalità ipprojbita.

Iżda Adrian Delia lill-avversarji tiegħu jagħżilhom hu. Jien naf personalment uħud mill-membri tal-kumitat Mellieħi tal-PN. Dawn huma persuni validi li ilhom fil-partit għal żmien twil u li taw ħajjithom għall-moviment li emmnu fih. Uħud minnhom huma veterani tat-taqbid politiku tas-snin 80.

Dawn illum ġew ittimbrati bħala għedewwa minn Adrian Delia. Għedewwa li stqarr li jrid jeqred.

Adrian Delia jagħżel l-għedewwa tiegħu fl-istess ħin li jagħżel lil ħbiebu. Wara d-diskors aggressiv li għamel fil-każin tal-PN tal-Mellieħa, żar xi ħwienet u daħal ukoll fil-Każin Laburista tal-lokal fejn ingħata merħba. Hawn ċertament ma kellux għalfejn joqgħod jidħol fil-mertu tal-kontroversja dwar jekk għandux jibqa’ jmexxi lill-PN jew le.

Nitkellmu ftit dwar id-diskors li għamel fil-każin tal-PN. B’mod pjuttost stramb, Adrian Delia tkellem dwar dawk fil-PN li ma jaqblux mar-“riformi” li ġab.

It-Times of Malta xandret dan li ġej dwar id-diskors tiegħu: Dr Delia qal li r-riformi fil-partit kienu tniedew, iżda waħħal f'”ċerta fazzjoni” li mhix tħalli uċuħ ġodda jissieħbu fil-partit. Qal ukoll li “issa mhux biss se nwettqu riforma, iżda se nwettqu rivoluzzjoni sħiħa għax dak hu li jeħtieġ il-pajjiż. Jien ġejt mitlub li nieħu d-deċiżjonijiet u dak hu li bi ħsiebni li nagħmel”.

Naraw ftit x’qal kelma kelma. ‘Dr Delia qal li r-riforma fil-partit tniediet.’ Din ir-riforma qatt smajtu biha qabel illum? X’inhi din ir-riforma? F’hiex tikkonsisti? X’ġie riformat? X’bidliet seħħew u x’bidliet ġew proposti? Tgħid Adrian Delia qed jirreferi għas-suġġerimenti ta’ Louis Galea dwar bidliet li jeħtieġ iseħħu? Dan ir-rapport tlesta? Ġie preżentat? U jekk ġie preżentat, lil min ġie preżentat? Kien hemm min oġġezzjona għall-bidliet proposti? Hemm xi riforma oħra li għadna ma nafux biha?

Wara li qagħad jiddefendi ir-“riforma”, mmedjatament għadda biex stqarr li r-riforma mhix biżżejjed. Fil-fatt ir-riforma spiċċa biex remiha l-baħar u qal li kienet meħtieġa “rivoluzzjoni” u mhux riforma. Dettalji dwar din ir-rivoluzzjoni baqa’ ma tax.

U mbagħad tkellem dwar ħaġ’oħra. Qal li “hemm ċerta fazzjoni li mhix tħalli uċuħ ġodda jissieħbu fil-partit.” Min? Meta? Hawn xi ħadd li jaf b’xi ħadd ieħor li “pprova jissieħeb fil-partit” u b’xi mod ma tħalliex? Dawn l-uċuh ġodda min huma? Għandi nifhem li m’huwiex iqis lil Robert Arrigo, lil David Agius u lil Clyde Puli bħala uċuh ġodda. M’jiniex ngħid li għaliex dawn m’humiex ġodda, allura m’humiex validi. Iżda għandi nifhem li Adrian Delia ċertament mhux qed jirreferi għalihom meta jsemmi d-demm ġdid.

Tgħid Adrian Delia b’demm ġdid irrefera għalih innifsu? L-uniku wiċċ ġdid li tfaċċa fil-PN minn Ġunju 2017 ‘l hawn kien proprju hu.

U mbagħad kien hemm parti oħra tad-diskors tiegħu li titfa’ dubji dwar kemm Adrian Delia ndenja ruħu li jħejji ruħu għall-argumenti li jeħtieġ sabiex ikun jista’ jsalva l-ġilda politika tiegħu.

It-Times of Malta wkoll xandret dan li ġej: “Għandna niddikjaraw il-lejaltà tagħna lejn il-Partit Nazzjonalista, iva jew le. Irrid inkun wieħed mis-17 [in-numru ta’ membri parlamentari tal-PN li talbuh jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu], iva jew le. Irrid inkun lejali lejn l-arma, iva jew le. irrid inkun lejali lejn il-pajjiż, iva jew le.” “Dawk li jgħidu iva, ngħidilhom ejjew nibdew naħdmu minn għada. Dawk li jgħidu le, ngħidilhom li aħna xorta hawn ser nibqgħu” qal Dr Delia.

Din kienet stqarrija stramba. Jidher li Adrian Delia m’għadux jikkontesta l-fatt li teżisti maġġoranza ta’ membri tal-grupp parlamentari li ma tappoġġjax it-tmexxija tiegħu. Apparti kollox, din l-ammissjoni tfisser li l-pożizzjoni tiegħu bħala kap tal-oppożizzjoni hi waħda li mhix tenibbli.

F’parti oħra tad-diskors tiegħu, għamel ħsara kbira meta b’mod aggressiv stqarr li: “minn issa ‘l quddiem ser jibda’ x-xogħol veru. Kulħadd għandu jiddeċiedi jekk huwiex ser jgħin jew inkella jitlaq. Jien lest li naħdem ma’ kulħadd. Iżda dawk li m’humiex lesti li jaħdmu miegħi ikunu qed jgħidu li m’humiex lesti jaħdmu fil-PN”.

‘Minn issa ‘l quddiem ser jinda’ x-xogħol veru.’ X’kien qed jagħmel matul dan iż-żmien kollu?

Jidher li għamel twissija li qed ilesti biex jeskludi l-kandidatura ta’ ċerti deputati tal-PN li ġew eletti fl-2017. Ninsab infurmat li dan is-suġġett ġie diskuss minn xi uffiċjali tal-partit f’xi WhatsApp Groups li ddiskutew ma’ Robert Arrigo l-possibilita li titreġġa’ lura r-riżenja tiegħu.

Jidher li bir-riżenja tiegħu, Robert Arrigo ma kienx intenzjonat li jċedi l-armi. Għall-kuntrarju, jidher li din kienet biss mossa tattika intiża biex hu u Clyde Puli ma jkollhomx għalfejn joqgħodu lura milli jwieġbu għall-kritika ġejja mill-kritiċi ta’ Adrian Delia.

Għandi nifhem li Robert Arrigo ħa sehem f’diskuzzjonijiet u stqarr li, biex ikun jista’ jreġġa’ lura r-riżenja tiegħu, ikun jeħtieġ li jitkeċċew Claudio Grech u Therese Comodini Cachia mill-partit.

Il-gwerra ċivili fil-PN telgħet skaluna oħra. Kienet tagħmel ħsara kbira kontroversja pubblika mal-kumitat sezzjonali tal-Mellieħa anki fiż-żmien qabel feġġ fix-xena Adrian Delia. Iżda l-qasma li teżisti fil-grupp parlamentari issa tista’ toħloq danni irreparabbli.

Il-kriżi fil-PN ser tkompli tiggarantixxi d-dominanza tal-Partit Laburista u qed teħles lill-gvern mill-pressjoni u mill-kritika. Il-PN issa ilu żmien mhux ħażin uffiċjalment jittratta lill-gvern bl-ingwanti tal-ħarir u d-diskorsi aggressivi tal-kap tal-partit issa qed jiġu indirizzati lill-partit tiegħu stess minflok lill-gvern li suppost qed jopponi.

Għal tal-Labour, Adrian Delia il-Bambin bgħatu. Mhux ta’ b’xejn għadu sal-lum igawdi l-appoġġ tal-partit avversarju. Bis-saħħa tal-preżenza tiegħu fit-tmun tal-PN, id-dominanza tagħhom fil-gvern tinsab garantita.

Ta’ bniedem inkompetenti li hu, lill-kritiċi tiegħu Adrian Delia tahom għażla: jew ibaxxu rashom għall-awtorità tiegħu jew inkella jitkeċċew mill-partit. Strateġija bħal din għandha l-merti tagħha. Is-‘17’ jinkludu dawk li issa m’għadhomx jagħtuh l-appoġġ tagħhom. Sa issa kienu bejn ħalltejn u faċilment jistgħu jerġgħu jiddeċiedu li jtuh l-appoġġ tagħhom minħabba t-theddida li jitkeċċew.

Ċertament qed jassumi li m’għandux għalfejn ikeċċi il-grupp kollu ta’ 17 il-deputat għaliex jekk jasal biex jagħmel dan il-PN fil-parlament ma jibqax l-akbar partit fl-oppożizzjoni u dan ikun ifisser it-tmiem tiegħu bħala kap tal-oppożizzjoni.

Uħud mis-‘17’ mhux ser ibaxxu rashom għall-awtorità ta’ Adrian Delia appuntu għaliex din l-awtorità jinsab nieqes minnha. Wara d-diskors tal-lum, dawn jistgħu jew iħallu lilhom infushom jitkeċċew mill-partit jew inkella jistgħu isibu mod kif ineħħu lil Adrian Delia minn kap biex b’hekk ma jkunx ikun jista’ jkeċċihom.

Tkun xi tkun l-għażla, Adrian Delia ser jitlef dejjem. Jew ikollu jitlef il-voti ta’ dawk li jivvutaw lil numru sostanzjali ta’ deputati jew inkella jitlef it-tmexxija tiegħu tal-partit.

Jien ttantajt nifhem is-sitwazzjoni mill-perspettiva ta’ persuna li tkun interessata li ssib tarf tal-kwistjoni b’mod li l-PN ikun jista’ fil-wiċċ.

M’għandniex xi ngħidu, l-eżitu jista’ wkoll ikun mod ieħor. Jista’ jkun li l-PN m’għadux l-arma ewlenija biex tingħeleb id-dominanza tal-Partit Laburista. Jista’ jkun li l-PN m’għadux utli għad-demokrazija tagħna minħabba l-qasmiet li hemm fi ħdanu. Jista’ jkun li ġaladarba ġie elett Adrian Delia u li dan jinsab determinat li jibqa’ f’postu, l-partit tiegħu jinsab f’koma u huwa destinat li jmut mewta naturali.

Forsi Adrian Delia wara kollox ser jirnexxielu jgħarraq kemm lill-vapur kif ukoll lil dawk kollha li għadhom jittamaw li l-vapur ta’ min jipprova jsalvah.

Jista’ jkun li wasal iż-żmien biex naqilbu l-paġna u li nibdew infittxu nħawi oħra li fihom inkunu nistgħu nerġgħu nkebbsu t-tamiet tagħna għall-ġejjieni. Inħawi li fihom ir-rivoluzzjonijiet ma jkunux renji tat-terrur immexxjin minn dittaturi minfuħin bihom infushom u li jippretendu li jifhmu f’kollox.

Forsi jeħtieġ li nsibu spazju politiku ġdid.

Spazju politiku li fih il-pajjiż ikun jista’ jkun paċi miegħu nnifsu u li jkun jista’ jimxi ‘l quddiem mingħajr xkiel.