Robert Abela ser jixħet il-baħar lil Jimmy Magro u lil Kristy Debono u dan sabiex inkunu nistgħu nsegwu spettaklu u fl-istess ħin il-klikka ta’ Joseph Muscat tingħata ċ-ċans biex tiżgiċċa.
Il-gvern qed iġib ‘il quddiem kwistjonijiet li, taħt il-gvern immexxi minn Joseph Muscat, kienu tħallew imdendlin u dan biex ikun jista’ jingħoġob ma’ dawk li jistmerru kull forma ta’ korruzzjoni. L-istejjer li xxandru llum fit-Times of Malta dwar Jimmy Magro u Kirsty Debono huma xhieda ta’ dan.
Jimmy Magro kien ġie investigat mill-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni u, fit-30 sena li ilha mwaqqfa, dan kien l-uniku każ li fih waslet għal konklużjoni. Mhux għax ma kienx hemm każijiet oħra ta’ korruzzjoni f’dawk it-30 sena. Iżda għaliex ma kienx hemm każ ieħor li fih il-persuna li xxaħħmet tant kienet baħnana li talbet li tixxaħħam bil-miktub mingħand il-kuntrattur biex b’hekk tefgħet ċangun daqshiex fuq saqajha.
L-iskandlu jikkonsisti fil-fatt li l-pulizija damet żmien twil ħafna taħsibha qabel iddeċidiet li tmexxi kontra Jimmy Magro. M’hemmx dubju li dan id-dewmien kien dovut għall-fatt li għal bosta snin dan kien is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista fi żmien Alfred Sant. Hemm min jitmeżmeż jekk xi wħud mill-irjus tal-Partit Laburista jispiċċaw jiġu mixlija bil-korruzzjoni. Iżda Robert Abela jidher li għamel kalkolu politiku li qed jindikalu li mossa bħal din taf tkun waħda f’waqtha.
Hemm ukoll il-każ ta’ dawk il-membri parlamentari li qegħdin idaħħlu f’buthom paga mingħand l-aġenzija tal-gvern li timpjegahom minkejja l-fatt li dawn kważi qatt ma jirrappurtaw għax-xogħol. Il-każ ta’ Kristy Debono huwa wieħed klassiku. Għal snin twal din daħħlet f’butha salarju mħallas lilha mill-awtorità regolatorja li taqa’ taħt il-ministeru li dwaru hi l-kelliema ewlenija tal-oppożizzjoni.
Dan m’hu xejn ħlief kunflitt ta’ interess mill-kbar.
Issa lil dawn il-membri tal-parlament il-gvern qed igħidilhom biex jagħżlu: jew jaħdmu għall-gvern jew inkella jirriżenjaw mill-impjieg tagħhom.
Din l-għażla tiftaħ beraħ kwistjonijiet dwar il-pożizzjoni tal-membri tal-parlament u tal-parlament innifsu. Il-qafas part-time tal-Parlament hu mfassal għall-konvenjenza ta’ professjonisti awtonomi bħalma huma l-avukati, t-tobba u l-periti. Kull deputat li m’huwiex ministru ikun jista’ jkompli jaħdem fil-professjoni tiegħu u fl-istess waqt iservi fil-Parlament wara l-ħin.
Madankollu jeħtieġ li niftakru li l-professjonisti awtonomi ma jirrappreżentawx firxa wiesa’ tas-soċjetà tagħna. Illum hemm ħafna aktar nies li huma mpjegati ma’ ħaddieħor u tista’ tgħid li dawn huma esklużi milli jservu bħala membri parlamentari.
Kull riforma li ssir fil-Parlament jeħtieġ li tieħu in konsiderazzjoni r-realtajiet ta’ pajjiżna. M’hemmx dubju li parlament “part-time” hu istituzzjoni li jiddiskrimina ma’ sezzjoni tal-komunità tagħna li m’hix rappreżentata.
Imbagħad hemm ukoll il-kwistjoni tal-identità tal-persuna li magħha jkun qed jaħdmu d-deputati parlamentari. Skont il-prattika ta’ Westminster, il-ħlas lill-membri parlamentari kien intiż biex jassikura li l-parlament ma jkunx kompost minn persuni li jkunu qed jitħallsu minn persuni oħra li m’humiex eletti.
It-tħassib fil-każ tagħna ħafna drabi jkun dwar il-mod kif deputati parlamentari jiffinanzjaw il-kampanji tagħhom u, fil-każ ta’ x’uħud, dwar kif dawn jirnexxielhom jiffinanzjaw ċertu mod ta’ għajxien. Iżda l-każ li qed nitkellmu dwaru hu dak dwar deputati parlamentari li jaħdmu mal-istess gvern li fl-istess ħin ikunu fid-dmir li jgħassu.
Dan m’għandux ikun. Il-membri parlamentari jeħtieġ li jkunu indipendenti mill-gvern sabiex mingħandu jkunu jistgħu jeżiġu l-kontabilità. Kristy Debono ċertament għandha kunflitt ta’ interess minħabba s-salarju li qiegħda tiġbed mingħand il-ministru li suppost qed tagħmillu l-għassa fuqu.
L-argument dwar dak li “jitħallas mingħajr ma jmur għax-xogħol” ma jħassibnix daqshekk.
Kristy Debono titħallas salarju full-time biex taħdem bħala deputat parlamentari full-time. Dan ikun sewwa biss ġaladarba l-gvern ma jkollux ukoll id-diskrezzjoni li juża s-setgħat tiegħu biex iċaħħadha mill-paga. Il-fatt li xi deputati parlamentari jgawdu minn salarju full-time u oħrajn le spiċċa biex nibbet it-taħwid li għandna bħalissa.
Teżisti wkoll problema oħra. Il-gvern ma ddardarx li jimpjega deputati parlamentari li jappoġġjawh f’uffiċċji tal-gvern. Nafu li minkejja l-kumpens li jingħataw, dawn jagħmlu xogħol għall-partit waqt li jitħallsu mill-gvern. Dawn m’għandhom lil ħadd għassa fuqhom biex igħarblilhom il-kwalità tax-xogħol tagħhom u m’humiex marbutin mir-regolamenti tas-servizz ċivili li jassiguraw kontinwità u servizz nieqes mill-partiġġjaniżmu.
Din is-sitwazzjoni hi waħda diskriminatorja għall-aħħar għaliex lill-partit fil-gvern tippermettilu li jippremja lil dawk id-deputati parlamentari li huma lejali lejh bi flus il-poplu u fl-istess ħin joħnoq lid-deputati tal-oppożizzjoni.
Il-gvern m’għadux jiddejjaq jismagħna nitkellmu fuq kwistjonijiet bħal dawn. M’għandniex xi ngħidu, dawn huma kwistjonijiet importanti. Importanti li s-setgħa tal-fergħa leġislattiva u dik tal-fergħa eżekuttiva jkunu dejjem separati minn xulxin. Daqs kemm hu importanti wkoll li uffiċjali korrotti bħalma hu Jimmy Magro jingħataw dak li ħaqqhom.
Din hi appuntu r-raġuni il-għala l-gvern jixtieqna noqgħodu ngħidu li fl-aħħar qed isir progress f’kwistjonijiet bħal dawn.
Iżda l-gvern ma jridniex noqgħodu niftakru li hemm numru ta’ eks ministri u nies li huma qrib tagħhom li jinsabu implikati fl-assassinju ta’ ġurnalista, fil-korruzzjoni li fittxew li jgħattu u fil-cover-up tal-assassinju nnifsu. Lanqas ma jridna nitkellmu dwar il-fatt li ebda wieħed minnhom għadu ma ssejjaħ biex iwieġeb għal għemilu fil-kuntest tal-provi li diġà ttellgħu fil-qorti.