Titkexkex int u tisma’ l-ilħna ta’ dawk li kienu kkonġuraw biex joqtlu mara kiesaħ u biered għaliex ma kellhomx grazzja ma’ dak li kienet tikteb.

Fix-xhieda li ta llum Melvyn Theuma, huwa tkellem dwar il-fatt li Joseph Muscat u Keith Schembri kienu irritati b’Daphne Caruana Galizia. Fir-recordings li ssemmgħu lill-qorti, jinstema’ leħen Yorgen Fenech jitkellem dwar il-qtil ta’ bniedma bħallikieku kien qed jixrob tazz’ilma. Fuq naħa huwa wieżen l-istorja li l-ġurnalista kienet xandret dwar il-kura sigrieta li kien ingħata l-ħabib tiegħu għall-marda tal-kanċer li kellu u, fuq in-naħa l-oħra, wieżen il-qtil ta’ bniedma. U ma ħasibhiex darbtejn li jagħti priorità lid-delużjonijiet li kellu sieħbu dwar il-privatezza li deherlu li kien intitolat għaliha fuq il-ħajja ta’ mara.

Jista’ jkun li bħalissa jinsab f’taqbida interna biex jiġġustifika lilu nnifsu għal dak li kellu l-ħila li jwettaq.

Ix-xhud prinċipali li qed jixhed fil-każ kontra Yorgen Fenech qed igħid li Silvio Valletta, li dak iż-żmien kien id-Deputat Kummissarju tal-Pulizija u l-investigatur ewlieni fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, kien għadda informazzjoni dwar l-andament tal-investigazzjoni lil Yorgen Fenech. Fl-istess ħin, jeħtieġ li nifhmu li din l-informazzjoni tirriżulta mir-recordings li kienu saru dak iż-żmien. Melvyn Theuma hawn m’huwiex jisfrutta l-fatt li l-kredibilità ta’ Silvio Valletta ħadet tisbita u leħqet il-qiegħ. Aktar tard, Silvio Valletta kien ċaħad li “qatt xi darba” kien għadda informazzjoni lil xi ħadd ieħor “ħlief fil-qadi ta’ dmirijietu”. Sewwa wisq. Dan il-kliem jista’ jirrepetih lill-imħallef meta jkollu jwieġeb għall-akkużi ta’ kompliċità biex jitgħatta qtil u talli wettaq reat kriminali li kien fid-dmir li jara li ma jseħħx.

Aktar tard, f’awla oħra tal-qorti, s-Supretendent Raymond Aquilina xehed dwar dak li kien qed iseħħ minn wara l-kwinti fl-hekk imsejjaħ “economic crimes unit” fi ħdan il-korp tal-pulizija. Tabilħaqq huwa “unit” dan għaliex kien hemm żmien  – waqt li kienu qed ifeġġu skandlu wara l-ieħor dwar ħasil ta’ flus maħmuġin u frodi – meta din il-“unit” kellha biss imjegat wieħed jaħdem fi ħdanha. L-investigazzjonijiet neċessarjament jieħdu ż-żmien għaliex huma kumplessi u m’humiex faċli. U dawn ikunu jgħoddu bl-eluf. Is-Supretendent tkellem dwar kif ċerti każijiet jaħarqu kienu jiġu mgħoddija lill-“kap” tal-economic crimes fi ħdan il-korp tal-pulizija Ian Abdilla li huwa aġent ieħor tal-interessi partiġġjani u li dan kien jintefa’ fuqhom bħal qroqqa bl-intiża li dawn jispiċċaw ma jfaqqsu qatt.

Raymond Aquilina xehed li huwa qatt ma ngħata struzzjonijiet biex imexxi kriminalment kontra Keith Schembri u Konrad Mizzi dwar il-Panama Papers u dan minkejja l-fatt li dak kollu li kienu skoprew mit-tkixxif tagħhom tal-FIAU kien ilhom xhur sħaħ fl-uffiċċju tiegħu.

Dan mhux sewwa.

L-uffiċċju tiegħu m’għandu x’jaqsam xejn ma din il-kwistjoni. Il-kwistjoni qiegħda mal-uffiċċju mmexxi minn Ian Abdilla għaliex dan tal-aħħar baqa’ qatt ma ċċaqlaq biex jidderieġi lill-investigatur dwar dak li kellu jagħmel bil-provi li kienu nġabru. Wara li Silvio Valletta – ta’ baħnan li hu – nqabad jagħmel il-buffunati fir-Rolls Royce ta’ Yorgen Fenech, Ian Abdilla ma tantx għandu b’xiex jiftaħar dwar l-imġieba tiegħu.

F’din is-sitwazzjoni jinkwadra r-renju tad-delinkwenza li dwaru tkellem dak li kien il-prim imħallef madwar sentejn ilu. Is-soċjetà ċivili qiegħda tniedi kampanja favur l-indipendenza tal-ġudikatura. Iżda din m’hix biżżejjed. Pajjiż demokratiku jeħtieġ ukoll li jkollu prosekutur li jkun indipendenti mill-gvern tal-ġurnata. F’Malta ħafna drabi ikunu uffiċjali tal-pulizija li jiddeċiedu dwar min għandhom ikunu dawk li jitħarrku fil-qorti u dawn l-uffiċjali xejn ma jkunu indipendenti mill-gvern.

L-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia llum se jkollha tixtarr dwar din il-kwistjoni. iżda fil-frattemp, aħna se jkollna niddependu minn korp tal-pulizija servili li ser ikollu jiddeċiedi x’bi ħsiebu jagħmel dwar dak li xehed dwaru Melvyn Theuma u dwar il-provi li dan qiegħed quddiem il-qorti.

Keith Schembri jeħtieġ jiġi mġiegħel iwieġeb.

Liema uffiċjal tla-pulizija se jġiegħelu jagħmel dan?