F’Lulju 2017 il-gvern kien ħassar politika li kienet timxi biha l-pulizija li bis-saħħa tagħha kull min jiġi ngaġġat fil-korp kien mistenni li jkollu kondotta nadifa. Permezz ta’ din il-bidla, dawk il-pulizija li kienu tkeċċew jew li kienu telqu mill-korp minħabba t-twettiq minn naħa tagħhom ta’ xi reati kriminali, reġa’ nfetħilhom il-bieb u setgħu jerġgħu jilbsu l-uniformi.
Bis-saħħa ta’ din il-bidla fil-politika tiegħu, l-gvern kien bgħat messaġġ importanti lill-membri tal-korp tal-pulizija nnifishom fis-sens li dawn ma kellhomx għalfejn ibaxxu rashom għal-liġijiet. Kienu qiegħdin hemm biss biex iservu l-interessi partiġġjani tal-gvern.
Din il-bidla għamlet id-differenza kollha. Dan kien żmien li fih il-pulizija kienet qed tistaqsi lilha nnifisha x’suppost kellha tagħmel b’dawk ir-rapporti dwar abbużi fil-qasam finanzjarju li kien hemm “suspetti raġjonevioli” li twettqu minn ministri tal-gvern.
Meta tal-Labour kienu għadhom fl-Oppożizzjoni qabel l-2013 u Toni Abela – li issa qed iservi ta’ mħallef – kien id-deputat mexxej tagħhom, kien inkixef każ li fih drogi kienu qed jiġu spaċċjati u mibjugħin minn każin tal-partit u l-pulizja kienet saret taf b’dan. Il-gvern ta’ dak iż-żmien ma kienx indaħal bil-għan li jipprova jieħu vantaġġ politiku. Iżda kienet l-Oppożizzjoni li kienet indaħlet biex tipprova tnaqqas l-impatt politiku.
Toni Abela kien sab “Pulizija Laburist” (kliemu mhux kliemi) bil-għan li tingħalaq għajn waħda fuq it-traffikar tad-droga. Għax, ngħiduha kif inhi, din in-naqra impunità ċertament kienet ser isservi l-interessi tal-partit.
Dan kien biss il-bidu. Il-gvern il-ġdid spiċċa biex iggarantixxa l-impunità lil Keith Schembri, lil Konrad Mizzi, lil Chris Cardona, lil Joseph Muscat, lil Edward Scicluna, lil Neville Gafà, lil Sandro Craus, lil Kenneth Camilleri u lill-bqija tal-klikka. Għaliex dan kien u għadu sal-lum fl-interess tal-partit.
Dan ukoll serva wkoll biex bgħat messaġġ importanti: li l-liġijiet ma jgħoddux l-istess għal kulħadd u għandhom igħoddu biss għal dawk li l-arrest u l-prosekuzzjoni tagħhom ma jħallix impatt negattiv fuq il-Partit Laburista.
Fl-2019 Silvio Valletta iwarrab mill-korp tal-pulizija iżda fil-korp kulħadd kien jaf ir-raġuni għala kien warrab. Silvio Valletta hu ħobża u sikkina ma’ Yorgen Fenech, persuna li l-pulizija għal xhur sħaħ kellha suspetti dwar l-involviment tagħha fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. B’riħet l-interessi partiġġjani, għalhekk, l-impunità jafu jgawdu minnha l-uffiċjali tal-pulizija wkoll. Silvio Valletta sabu ruħu jiġi msiefer biex jara l-partiti tal-futbol u fl-istess waqt ibbuffunja f’Rolls Royce. Minn dan l-arranġement ċertament kien qed igawdi.
Jista’ għandu kuntatti oħrajn barra Yorgen Fenech. Jidher li Silvio Valletta għandu rabtiet ma’ oħrajn li għandhom dellijiet fuqhom.
X’aktarx li l-gwardjani bieżlin tat-traffiku u l-pulizija tal-muturi fehmu li xi dikjarazzjoni falza dwar sahra ‘l hawn u ‘l hinn hi fil-fatt inkoraġġita mill-awtoritajiet. U li jekk int lejali lejn il-gvern, tista’ tikser il-liġijiet b’impunità. Jekk l-arrest tiegħek jagħmel ħsara lill-gvern, ma tiġix arrestat. Jekk teħel u tinstab ħati ta’ xi reat kriminali, tkun tista’ taħdem ta’ pulizija xorta waħda. Għal min igħix f’ambjent bħal dan, m’hemm xejn ħażin jekk titħallas għal sahra li ma tkunx ħdimt.
Il-Malti jgħid li l-ħuta minn rasha tinten. Jekk Joseph Muscat hu korrot, hu minn ewl id-dinja li l-gvern tiegħu jkun korrott bħalu. Il-bqija tal-ħuta tinten ukoll.
Iżda l-bużillis qiegħed hawn. Robert Abela ma jistax imur igħid li “l-istituzzjonijiet qed jaħdmu” dan kollu għaliex qed ikun iebes ma’ uffiċjali tal-pulizija li tħallsu ta’ sahra li ma nħadmitx. Għallinqas ma jistax igħid hekk sakemm Keith Schembri, Konrad Mizzi, Chris Cardona, Edward Scicluna, Joseph Muscat, Neville Gafà u l-bqija għadhom sal-lum jiġru barra.
Ma jistax ukoll igħid hekk sakemm Silvio Valletta – il-pulizija Laburist proverbjali – ma jiġix imġiegħel jagħti rendikont tar-relazzjoni li kellu ma’ Yorgen Fenech meta dan tal-aħħar kien taħt suspett fl-investigazzjoni kriminali li kien qed imexxi hu stess.
Ma jistax ukoll igħid hekk sakemm l-investigazzjonijiet dwar reati allegatament imwettqa minn Keith Schembri u l-oħrajn jibqgħu jiġmgħu t-trab f’xi kexxun fl-iskrivanija tal-Assistent Kummissarju Ian Abdilla – pulizija Laburist ieħor.
Ma ssirx ġustizzja meta, filwaqt li jiġi kastigat il-makku, l-balieni jitħallew igħadduha lixxa. Din ma tkun xejn ħlief delinkwenza.